
L-istat tad-dritt huwa l-ġebla tax-xewka tad-demokraziji tagħna. Huwa integrali wkoll għall-futur tal-ekonomiji tagħna u għas-sigurtà tal-Ewropa. Fl-aħħar rapport annwali tagħha dwar l-Istat tad-Dritt, il-Kummissjoni Ewropea teżamina l-iżviluppi fir-rigward tal-istat tad-dritt fil-pajjiżi kollha tal-UE, kif ukoll f’erba’ pajjiżi tat-tkabbir — l-Albanija, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, u s-Serbja. Bħalma kien il-każ fis-snin ta’ qabel, ir-rapport huwa r-riżultat ta’ djalogu mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali u mal-partijiet ikkonċernati biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt. Il-konklużjonijiet tiegħu huma inċentiv importanti għar-riforma.
Ir-rapport ta’ din is-sena jikkonferma li hemm trajettorja pożittiva f’ħafna pajjiżi tal-UE, fejn twettqu riformi importanti f’erba’ oqsma ewlenin — il-ġustizzja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-libertà tal-midja, u l-ekwilibriju tas-setgħat istituzzjonali. Xi pajjiżi tal-UE għadhom qed jesperjenzaw sfidi u fi ftit minnhom is-sitwazzjoni hija serja. Kollox ma’ kollox, iżda, l-impenn biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt għadu b’saħħtu, u ġew implimentati għadd sostanzjali mir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-2024.
Peress li l-istat tad-dritt huwa aspett importanti għall-kumpaniji li jwettqu attivitajiet transfruntieri, ir-rapport tal-2025 jenfasizza kwistjonijiet li għandhom rabta diretta mal-funzjonament kif suppost tas-suq uniku, bħat-tfassil tajjeb tal-liġijiet u r-regoli dwar l-akkwist pubbliku.
Il-konklużjonijiet ewlenin jinkludu
- Is-sistemi tal-ġustizzja — ħafna pajjiżi tal-UE għamlu progress fir-riformi fil-qasam tal-ġustizzja, inklużi t-tisħiħ tal-indipendenza tal-Kunsilli għall-Ġudikatura, salvagwardji addizzjonali għall-ħatriet tal-imħallfin, u l-awtonomija tal-prosekuturi. Madankollu, ħafna pajjiżi jirrapportaw pressjoni fuq ir-riżorsi għas-sistemi ġudizzjarji, b’impatt fuq il-kwalità u l-effiċjenza tal-ġustizzja. Fil-pajjiżi tat-tkabbir, jeħtieġ li jiġu indirizzati l-influwenza żejda u t-tentattivi biex tiġi mminata l-indipendenza tal-imħallfin.
- Oqfsa kontra l-korruzzjoni — diversi pajjiżi tal-UE żviluppaw strateġiji ġodda kontra l-korruzzjoni u saħħew il-kapaċità istituzzjonali tagħhom, inkluż billi żiedu r-riżorsi għall-infurzar tal-liġi, għas-servizzi tal-prosekuzzjoni, u għall-ġudikatura. Madankollu, għad hemm bżonn ta’ aktar azzjoni biex jissaħħu l-oqfsa preventivi. Il-pajjiżi tat-tkabbir għamlu progress fit-tisħiħ tal-oqfsa legali u istituzzjonali iżda jeħtieġ li jtejbu l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-każijiet ta’ korruzzjoni.
- Il-libertà tal-midja u l-pluraliżmu — fil-pajjiżi tal-UE qed jitwettqu riformi biex il-liġijiet nazzjonali jiġu allinjati mar-regoli l-ġodda skont l-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media. Qed tingħata aktar attenzjoni lis-sikurezza u l-protezzjoni tal-ġurnalisti, fost theddid kontinwu. Għad hemm bżonn ta’ aktar azzjoni biex jiġu indirizzati fatturi ta’ tħassib bħas-sikurezza tal-ġurnalisti, it-titjib tas-salvagwardji għall-indipendenza ta’ xi regolaturi tal-midja u tal-midja tas-servizz pubbliku, iż-żieda fit-trasparenza tas-sjieda, u l-iżgurar ta’ aktar sens ta’ ġustizzja u trasparenza fl-allokazzjoni tar-reklamar min-naħa tal-Istat. Fil-pajjiżi tat-tkabbir, hemm ukoll tħassib dwar il-politiċizzazzjoni tar-regolaturi tal-midja u dwar il-ħatra ta’ min imexxi l-mezzi tax-xandir.
- Kontrolli u bilanċi istituzzjonali — f’diversi pajjiżi tal-UE qed jitwettqu riformi bħall-inklużjoni tal-partijiet ikkonċernati fil-proċess leġiżlattiv u t-titjib tal-kwalità tal-leġiżlazzjoni. Għad fadal ostakli fi ftit pajjiżi tal-UE b’rabta mar-rekwiżiti tal-finanzjament jew tar-reġistrazzjoni għas-soċjetà ċivili. F’xi pajjiżi tal-UE, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qed jiffaċċjaw sfidi serji peress li huma soġġetti għal restrizzjonijiet jew kontrolli finanzjarji eċċessivi jew għal protezzjoni inadegwata. Fil-pajjiżi tat-tkabbir, l-isfidi għall-proċessi leġiżlattivi u l-konsultazzjonijiet pubbliċi ineffettivi jillimitaw il-governanza inklużiva.
- Id-dimensjoni tas-suq uniku — ir-rapport ta’ din is-sena għamel enfasi partikolari fuq affarijiet li jistgħu jaffettwaw il-funzjonament kif suppost tas-suq uniku jew isawru l-ambjent tan-negozju, bħat-tfassil ta’ liġijiet li minnhom tibbenefika s-soċjetà, ir-regoli tal-akkwist pubbliku, u l-istabbiltà tal-ambjent regolatorju.
Il-Kummissjoni issa stiednet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex, fuq il-bażi ta’ dan ir-rapport, ikomplu bid-dibattiti, kemm dak ġenerali kif ukoll dawk speċifiċi għal kull pajjiż, u biex jagħmlu użu mir-rakkomandazzjonijiet biex ikomplu jistudjaw kif jista’ jsir progress konkret. Il-Kummissjoni appellat ukoll lill-parlamenti nazzjonali, lis-soċjetà ċivili, u lil partijiet ikkonċernati oħrajn biex jissuktaw bid-djalogu dwar l-istat tad-dritt kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell Ewropew, b’involviment akbar taċ-ċittadini.
Għal aktar informazzjoni
Ir-Rapport tal-2025 dwar l-Istat tad-Dritt
Ir-Rapport tal-2025 dwar l-Istat tad-Dritt – Mistoqsijiet u Tweġibiet
- Data tal-pubblikazzjoni
- 8 Lulju 2025
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni