Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea
Ukraine building with colours
Getty Images / Sergei Supinsky
Il-Faċilità għall-Ukrajna

Appoġġ lill-Ukrajna għall-irkupru, ir-rikostruzzjoni u t-triq tal-pajjiż lejn l-adeżjoni mal-UE

Din l-informazzjoni hi disponibbli wkoll: bl-Ukren | українська | bir-Russu | русский

X’inhi l-Faċilità għall-Ukrajna?

Biex tgħin lill-Ukrajna fl-isforzi tagħha ta’ rkupru, rikostruzzjoni u modernizzazzjoni, l-UE nediet mekkaniżmu ta’ appoġġ ġdid għas-snin mill-2024 sal-2027. Il-Faċilità għall-Ukrajna hi strument apposta li permezz tiegħu l-UE se tkun tista’ tipprovdi lill-Ukrajna sa €50 biljun f’appoġġ finanzjarju stabbli u prevedibbli matul dan il-perjodu.  

Il-Faċilità tenfasizza l-impenn tal-UE li tappoġġa lill-Ukrajna hekk kif bħalissa qed taffaċċja l-gwerra ta’ aggressjoni mir-Russja u tinsab fi triqitha lejn is-sħubija fl-UE. 

“L-Ewropa se tkun spalla ma’ spalla mal-Ukrajna għal kull jum tal-gwerra, u għal kull jum wara dan. L-Ewropa żżomm kelmitha. Se nkomplu nipprovdu l-finanzjament u l-prevedibbiltà tant meħtieġa għas-sieħeb kuraġġuż u l-membru aspiranti tagħna.

Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea

Għanijiet tal-Faċilità

  • alt=""

    Tappoġġa l-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-Ukrajna

  • alt=""

    Tappoġġa l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Ukrajna biex il-gvern ikun jista’ jipprovdi servizzi pubbliċi mingħajr interruzzjoni

  • alt=""

    Timmobilizza l-investimenti fis-settur privat tal-Ukrajna għal irkupru ekonomiku u rikostruzzjoni rapidi

  • alt=""

    Tappoġġa lill-Ukrajna biex tagħmel ir-riformi meħtieġa fi triqitha lejn l-adeżjoni mal-UE

  • alt=""

    Tappoġġa lis-soċjetà usa’ tal-Ukrajna billi tgħin jiġu indirizzati l-konsegwenzi soċjali tal-gwerra

Kif taħdem il-Faċilità?

Il-Faċilità hi organizzata madwar tliet pilastri: 

Pilastru 1: Appoġġ finanzjarju dirett lill-Ukrajna

Il-Gvern tal-Ukrajna ħejja pjan li jistabbilixxi l-viżjoni tiegħu għall-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-pajjiż, kif ukoll ir-riformi li beħsiebu jagħmel bħala parti mill-proċess ta’ adeżjoni mal-UE.

Jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-pjan jitqiesu li ġew sodisfatti, l-UE se tipprovdi appoġġ finanzjarju ta’ aktar minn €38 biljun lill-Ukrajna matul il-perjodu mill-2024 sal-2027 permezz ta’ taħlita ta’ self (sa €33 biljun) u għotjiet.

Pilastru 2: Qafas ta’ investiment speċifiku għall-Ukrajna

Il-Faċilità tistabbilixxi qafas speċifiku biex jiżdied l-investiment għall-irkupru u r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna. 

Biex jinkiseb dan, permezz tal-qafas l-investituri se jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-garanziji tal-baġit tal-UE u taħlita ta’ għotjiet u self minn istituzzjonijiet pubbliċi u privati, li bis-saħħa tagħhom l-investiment fl-Ukrajna se jsir aktar attraenti. 

Il-Qafas ta’ Investiment għall-Ukrajna hu mgħammar b’€ 9.6 biljun f’garanziji u għotjiet. Mistenni jimmobilizza sa €40 biljun f’investimenti pubbliċi u privati fl-Ukrajna matul is-snin li ġejjin.

Pilastru 3: Assistenza għall-adeżjoni

Il-Faċilità tintroduċi miżuri ġodda ta’ assistenza biex tgħin lill-Ukrajna tallinea ruħha mal-liġijiet tal-UE u twettaq ir-riformi meħtieġa fi triqitha lejn l-adeżjoni mal-UE. Se tingħata assistenza teknika lill-awtoritajiet fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. 

Kif se jiġi ffinanzjat l-appoġġ?

Biex tiffinanzja s-self lill-Ukrajna, l-Unjoni Ewropea se tiġbor sa €33 biljun fis-suq finanzjarju sa tmiem l-2027 billi toħroġ bonds tal-UE fl-ambitu tal-istrateġija ta’ finanzjament unifikata.  

L-għotjiet se jiġu ffinanzjati permezz tal-baġit annwali tal-UE fl-ambitu ta’ strument speċjali ġdid imsejjaħ ir-Riżerva għall-Ukrajna. Dan l-istrument se jiġi mobilizzat kull sena bħala parti mill-proċedura baġitarja annwali biex jitqies il-progress li l-Ukrajna tagħmel fl-implimentazzjoni tar-riformi u fl-użu tal-investimenti.

X’inhuma l-kundizzjonijiet tal-appoġġ?

Biex tikseb l-appoġġ, l-Ukrajna jeħtiġilha timplimenta l-pjan ta’ rkupru u riforma tagħha u tiddefendi wkoll:

  • il-mekkaniżmi demokratiċi, inkluża sistema parlamentari b’diversi partiti
  • l-istat tad-dritt
  • ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għal minoritajiet 

Il-pagamenti lill-Ukrajna jsiru kull 3 xhur jekk jitqies li l-kundizzjonijiet ikunu issodisfati.

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Ukrajna jridu jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-UE billi jiġġieldu kontra l-frodi, il-korruzzjoni u l-kunflitti ta’ interess. Bord tal-verifika ddedikat jappoġġa lill-Kummissjoni billi jivvaluta l-effettività tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tal-Ukrajna, filwaqt li jwettaq verifiki regolari tal-awditi fuq il-post u jikkoordina mal-awtoritajiet Ukreni.

Il-Kummissjoni torganizza wkoll djalogi regolari mal-Parlament Ewropew biex jiddiskutu l-progress fl-implimentazzjoni tal-Faċilità.

Kronoloġija

  1. 26 ta’ Ġunju 2026

    Il-Kummissjoni tiffirma ftehimiet b’valur ta’ aktar minn €1.1 biljun fl-ambitu tal-Qafas ta’ Investiment għall-Ukrajna, fil-Konferenza dwar l-Irkupru tal-Ukrajna tal-2026 fi Gdańsk. B’dan, l-impenji totali tal-UE fil-qafas telgħu għal €8.5 biljun, u b’hekk mistenni li jiġu ingranati kważi €26 biljun f’investimenti għall-Ukrajna. 

  2. It-8 ta’ Ġunju 2026

    Żborż ta’ kważi €2.8 biljun lill-Ukrajna fis-seba’ pagament regolari, li bih l-appoġġ totali tal-UE diġà żborżat fl-ambitu tal-Faċilità jitla’ għal aktar minn €29.5 biljun. 

  3. It-22 ta’ Diċembru 2025
  4. It-13 ta’ Novembru 2025
  5. It-13 ta’ Novembru 2025

    Fil-Konferenza tal-2025 f’Varsavja bejn l-UE u l-Ukrajna dwar l-investiment, il-Kummissjoni ħabbret tisħiħ fil-Qafas ta’ investiment għall-Ukrajna.

  6. L-10 ta’ Lulju 2025

    Fil-Konferenza dwar ir-Rikostruzzjoni tal-Ukrajna tal-2025 f’Ruma, tħabbru €2.3 biljun addizzjonali fi ftehimiet ta’ garanzija u ta’ għotja fl-ambitu tal-Qafas ta’ Investiment għall-Ukrajna.

  7. Is-6 ta’ Marzu 2025

    Il-Kummissjoni Ewropea u l-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jiffirmaw ftehim ta’ garanzija ta’ €2 biljun skont il-Qafas ta’ Investiment għall-Ukrajna. 

  8. It-18 ta’ Diċembru 2024
  9. It-13 ta’ Awwissu 2024
  10. Il-11 ta’ Ġunju 2024

    L-UE tiffirma ftehimiet ġodda ta’ garanzija biex tappoġġja l-irkupru u r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna. Il-ftehimiet, imħabbra matul il-Konferenza dwar l-Irkupru tal-Ukrajna tal-2024 f’Berlin, huma magħmulin minn €1.4 biljun f’garanziji u għotjiet u huma l-ewwel li ġew iffirmati fl-ambitu tal-Qafas ta’ Investiment tal-Faċilità. 

  11. L-24 ta’ April 2024

    Żborż tat-tieni pagament parzjali ta’ finanzjament tranżitorju eċċezzjonali lill-Ukrajna fl-ambitu tal-Faċilità, li jammonta għal €1.5 biljun.

  12. It-18 ta’ April 2024

    L-UE tistabbilixxi l-Qafas ta’ Investiment għall-Ukrajna biex tagħti spinta lill-investimenti għall-irkupru u r-rikostruzzjoni tal-pajjiż.

  13. Il-15 ta’ April 2024

    Il-Kummissjoni tapprova l-Pjan għall-Ukrajna, l-istrateġija komprensiva ta’ riforma u investiment tal-Ukrajna għall-4 snin li ġejjin. 

  14. L-20 ta’ Marzu 2024
  15. Is-6 ta’ Frar 2024

    Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jilħqu ftehim politiku dwar il-Faċilità għall-Ukrajna, proposta għall-ewwel darba mill-Kummissjoni f’Ġunju 2023.

Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 26 Ġunju 2026