Din l-informazzjoni hi disponibbli wkoll: bl-Ukren | українська | bir-Russu | русский
Indirizzar tal-ħtiġijiet militari u ta’ difiża urġenti tal-Ukrajna
L-UE u l-Istati Membri tagħha mmobilizzaw €93 biljun f’appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet militari u ta’ difiża tal-Ukrajna.
Dan jinkludi €77.9 biljun f’assistenza militari taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi u mingħand l-Istati Membri individwalment, u €11.7 biljun mis-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna. Permezz ta’ dan is-self ta’ appoġġ, Fl-2026 l-UE tista’ tipprovdi sa €28.3 biljun f’appoġġ għall-kapaċitajiet industrijali tad-difiża tal-Ukrajna.
L-Istati Membri tal-UE qablu wkoll li jippermettu lill-Ukrajna tixtri prodotti kruċjali għas-sistemi ta’ difiża tal-ajru Patriot taħt is-self ta’ appoġġ, li jgħinu biex jipproteġu s-smewwiet tal-pajjiż kontra l-attakki kontinwi tar-Russja mill-ajru.
Barra minn hekk, il-Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-UE għall-Ukrajna qed tindirizza l-ħtiġijiet ta’ taħriġ tal-Forzi Armati Ukreni u ħarrġet 97,000 suldat Ukren.

Żieda fil-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tal-UE
L-industrija Ewropea tad-difiża żiedet ukoll il-kapaċità tal-produzzjoni tagħha għall-munizzjon b’40 %. Huwa urġenti li titħaffef il-konsenja ta’ missili u munizzjon, b’mod partikolari taħt l-inizjattiva ta’ miljun balla ta’ munizzjon tal-artillerija, u li l-Ukrajna tiġi pprovduta b’aktar sistemi ta’ difiża tal-ajru.
L-UE se żżid ukoll il-kapaċità tal-produzzjoni tagħha ta’ munizzjon u missili, wara l-adozzjoni tal-Att b’Appoġġ għall-Produzzjoni tal-Munizzjon (ASAP).
Bis-saħħa tal-ASAP, l-industrija tad-difiża tal-Unjoni se tkun tista’ tipproduċi kwantità akbar u aktar malajr peress li r-Regolament se jappoġġja t-tisħiħ industrijali tul il-ktajjen tal-provvista tal-munizzjon u tal-missili fl-UE. Dan hu rispons dirett għall-appell biex b’mod urġenti jitwasslu l-munizzjon, u jekk jintalbu, il-missili, lill-Ukrajna u biex l-Istati Membri jiġu megħjunin jerġgħu jimlew l-istokkijiet tagħhom billi jiġu introdotti miżuri mmirati.
Żieda fil-kooperazzjoni tal-industrija tad-difiża bejn l-UE u l-Ukrajna
Kif enfasizzat fil-White Paper Konġunta għall-Prontezza tad-Difiża Ewropea 2030, il-gwerra ta’ aggressjoni enfasizzat l-industrija tad-difiża innovattiva ħafna tal-Ukrajna, b’għarfien espert sinifikanti f’setturi bħall-IA u t-teknoloġija tad-droni.
Kumpaniji Ukreni ġodda u dinamiċi jistgħu jgħinu biex jispiraw l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ta’ difiża Ewropej imsaħħa, u dawn iżidu l-kompetittività tal-Ewropa. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni Ewropea ħadet diversi miżuri biex tapprofondixxi l-kooperazzjoni tal-industrija tad-difiża bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Ukrajna.
F’Lulju 2026, il-Kummissjoni u l-Ukrajna ffirmaw sħubija industrijali tad-difiża ġdida. Billi tneħħi l-ostakli għall-kooperazzjoni u taċċellera l-allinjament tal-istandards, din is-sħubija se tippermetti lill-kumpaniji fuq iż-żewġ naħat jaħdmu aktar bla xkiel u tgħin biex tissaħħaħ is-sigurtà komuni tal-Ewropa. Is-sħubija għandha l-għan li żżid il-produzzjoni konġunta tad-droni u tas-sistemi kontra d-droni sa tmiem l-2026, u tal-missili antiballistiċi sal-2028.
Il-Patt dwar id-Droni bejn l-UE u l-Ukrajna jiġbor flimkien il-kapaċità industrijali tal-Ewropa u l-għarfien espert tal-Ukrajna fl-innovazzjoni tad-droni. Dan se jaċċellera l-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ droni tal-ġenerazzjoni li jmiss u sistemi kontra d-droni, filwaqt li jiżgura li l-Ukrajna jkollha l-kapaċitajiet li teħtieġ illum filwaqt li jsaħħaħ il-prontezza tad-difiża tal-Ewropa għall-futur.
Il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar Programm għall-Industrija tad-Difiża Ewropea twitti t-triq għall-integrazzjoni tal-Ukrajna fis-suq Ewropew tat-tagħmir tad-difiża permezz ta’ Strument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna (USI, Ukraine Support Instrument) iddedikat u billi tiftaħ l-attivitajiet tal-programm għall-parteċipazzjoni tal-Ukrajna.
Bħala parti mill-Istrateġija għall-Industrija tad-Difiża Ewropea (EDIS), adottata f’Marzu 2024, il-Kummissjoni Ewropea u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) fetħu l-uffiċċju tal-UE għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Difiża fi Kiev biex ikomplu jsaħħu r-rabtiet ta’ difiża bejn l-UE u l-Ukrajna.
F’Lulju 2025, il-Kummissjoni Ewropea u l-Ukrajna ħabbru BraveTech EU, inizjattiva konġunta bejn l-UE u l-Ukrajna maħsuba biex tħaffef l-innovazzjoni fil-qasam tad-difiża permezz ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib. BraveTech EU tlaqqa’ flimkien il-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF), l-Iskema tal-UE għall-Innovazzjoni fid-Difiża (EUDIS), u l-pjattaforma tat-teknoloġija tad-difiża BRAVE1 tal-Ukrajna biex jinħoloq qafas unifikat għall-iżvilupp, l-ittestjar u l-iskjerament konġunti ta’ soluzzjonijiet tad-difiża mill-aktar avvanzati.
Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 18 Settembru 2026