Din l-informazzjoni hi disponibbli wkoll: bl-Ukren | українська | bir-Russu | русский
Għajnuna fejjieda għall-ekonomija Ukrena, kruċjali għas-sigurtà globali tal-ikel
Hu ta’ importanza vitali li l-Ukrajna żżomm ir-rotot kummerċjali tagħha miftuħin sabiex il-merkanzija tkun tista’ tiċċirkola fiż-żewġ direzzjonijiet. Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna minn Frar 2022 imblukkat dan il-fluss.
F’Mejju 2022, il-Kummissjoni nediet il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Korsiji ta’ Solidarjetà biex tistabbilixxi rotot loġistiċi alternattivi permezz tal-ferroviji, tat-toroq u tal-passaġġi fuq l-ilma interni, magħrufin bħala Korsiji ta’ Solidarjetà.
L-importanza tal-Korsiji ta’ Solidarjetà
Kruċjali għall-protezzjoni tas-sigurtà globali tal-ikel
Kruċjali għall-esportazzjonijiet ta’ merkanzija Ukrena
L-opzjoni primarja għall-Ukrajna biex timporta l-oġġetti kollha li teħtieġ (fuel, għajnuna umanitarja)
Kif għenu l-Korsiji ta’ Solidarjetà?
Minn Mejju 2022, permezz tal-Korsiji ta’ Solidarjetà, l-Ukrajna setgħet tesporta kważi 220 miljun tunnellata ta’ merkanzija, inklużi kważi 93 miljun tunnellata ta’ ċereali, żrieragħ żejtnin, u prodotti relatati.
Il-Korsiji ta’ Solidarjetà ppermettew ukoll lill-Ukrajna timporta madwar 104 miljun tunnellata ta’ merkanzija li teħtieġ: mill-għajnuna militari u umanitarja, għall-fjuwil u prodotti oħrajn.
Il-valur totali tal-kummerċ permezz tal-Korsiji ta’ Solidarjetà huwa stmat għal madwar €282 biljun, inklużi madwar €208 biljun f’importazzjonijiet lejn l-Ukrajna.
Kontribuzzjonijiet finanzjarji
Il-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-istituzzjonijiet finanzjarji sħab, qed jinvestu f’żidiet fil-kapaċità, tiswijiet u likwidità għall-operaturi. S'issa, aktar minn €2 biljun ġew mobilizzati għal Korsiji ta’ Solidarjetà biex tiżdied is-sigurtà globali tal-ikel u tiġi pprovduta linja tas-salvataġġ għall-ekonomija tal-Ukrajna.
Żviluppi ewlenin
- Settembru 2023
L-UE tagħmel €7 biljun disponibbli għal proġetti infrastrutturali ewlenin, u għall-ewwel darba tiftaħ is-sejħa wkoll għall-entitajiet Ukreni u Moldovani.
- Lulju 2023
- Ir-Russja ttemm l-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali
- Studju ġdid dwar il-konnessjonijiet ferrovjarji tal-UE mal-Ukrajna u l-Moldova jissuġġerixxi bħala l-ewwel pass li tiġi stabbilita konnessjoni Ewropea tal-gejġ tal-linji ferrovjarji minn Kraków/Katowice (il-Polonja) sa Lviv (l-Ukrajna), kif ukoll minn Iasi (ir-Rumanija) għal Chisinău (il-Moldova).
- Ġunju 2023
- €250 miljun investiti f’9 proġetti tal-Korsiji ta’ Solidarjetà għat-titjib tal-konnessjonijiet transfruntieri bejn l-Ukrajna, il-Moldova u l-UE.
- L-assoċjazzjoni tal-Ukrajna mal-programm tal-UE għall-finanzjament tal-infrastruttura – il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li tippermetti lill-Ukrajna tapplika għal finanzjament tal-UE fl-oqsma tat-trasport, tal-enerġija u diġitali – għal konnessjonijiet aħjar bejn l-UE u l-Ukrajna. Ftehim simili ġie ffirmat bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova f’Mejju 2023.
- Jannar 2023
€226 miljun magħmula disponibbli minn sejħa għall-Mobbiltà Militari, it-titjib tal-konnettività fit-tul mal-Ukrajna u l-Moldova u t-tisħiħ tal-Korsiji ta’ Solidarjetà fil-Polonja, fir-Rumanija u fil-Ġermanja.
- Diċembru 2022
€240 miljun addizzjonali investiti fi proġetti ta’ mobbiltà militari, li jtejbu l-infrastruttura fuq il-Korsiji ta’ Solidarjetà fil-Ġermanja, il-Polonja u r-Rumanija.
- Lulju 2022
Proposta biex in-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) jiġi estiż għall-Ukrajna u l-Moldova.
- Ġunju 2022
Ftehimiet ġodda dwar it-trasport bit-triq bejn l-UE, l-Ukrajna u r-Repubblika tal-Moldova jippermettu trasport addizzjonali bit-triq. It-trasportaturi issa jistgħu jgħaddu minn u joperaw bejn it-territorji ta’ xulxin, mingħajr il-ħtieġa ta’ permessi.
Skedi informattivi
Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 8 Ġunju 2026


