Din l-informazzjoni hi disponibbli wkoll: bl-Ukren | українська | bir-Russu | русский
Taħlita komprensiva ta’ appoġġ
L-UE pprovdiet pakkett ta’ appoġġ robust lill-Ukrajna, li jirrifletti l-isfidi kumplessi li qed jiffaċċja l-pajjiż.
Din it-taħlita ta’ għotjiet, self, garanziji, appoġġ baġitarju u inizjattivi strutturali kienet essenzjali biex tinżamm l-istabbiltà ekonomika tal-Ukrajna u jiġi sostnut l-irkupru fit-tul tagħha.
Assistenza makrofinanzjarja u appoġġ baġitarju
Minn mindu faqqgħet il-gwerra, l-UE żborżat assistenza makrofinanzjarja ta’ €43.3 biljun biex tgħin lill-Ukrajna tindirizza l-ħtiġijiet urġenti fit-territorju tagħha.
Din tinkludi €19.5 biljun permezz tal-baġit fl-2023, inkluż pakkett ta’ appoġġ bla preċedent ta’ €18-il biljun f’self aġevolanti. Dan minbarra l-€11.6 biljun ipprovduti f’self u għotjiet fl-2022. Bis-saħħa ta’ dan, l-Ukrajna setgħet
- tkompli tħallas il-pagi u l-pensjonijiet
- tirrestawra l-infrastruttura kritika li ġarrbet ħsara bil-gwerra
- iżżomm għaddejjin is-servizzi pubbliċi essenzjali bħal sptarijiet, skejjel u akkomodazzjoni għal persuni rilokati
- tiżgura l-istabbiltà makroekonomika

F’Ottubru tal-2024, l-UE adottat pakkett ġdid ta’ assistenza finanzjarja li jikkonsisti f’self ta’ assistenza makrofinanzjarja (AMF) eċċezzjonali u mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni ta’ self. Dan il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni ta’ self għandu jiġi ffinanzjat minn dħul straordinarju li jirriżulta minn assi sovrani Russi immobilizzati. S’issa ġew żborżati lill-Ukrajna €18.1 biljun minn din l-AMF eċċezzjonali.
Biex tindirizza l-ħtiġijiet ta’ finanzjament li għandha l-Ukrajna għall-2026 u l-2027, l-UE se tappoġġa lill-pajjiż b’self ta’ €90 biljun, permezz ta’ self tal-UE fis-swieq kapitali.
Il-Faċilità għall-Ukrajna
Biex tappoġġa lill-Ukrajna fl-isforzi fit-tul tagħha biex tirkupra mill-gwerra u taħdem għas-sħubija fl-UE, l-UE nediet strument finanzjarju ddedikat għas-snin mill-2024 sal-2027.
Il-Faċilità għall-Ukrajna tippermetti lill-UE tipprovdi lill-Ukrajna sa €50 biljun f’appoġġ finanzjarju prevedibbli u flessibbli matul dan il-perjodu. Diġà mmobilizzajna aktar minn € 40 biljun f’assistenza diretta u indiretta fl-ambitu tal-Faċilità.

Miżuri ta’ appoġġ għall-ekonomija Ukrena
Fi Frar 2023, il-Kummissjoni Ewropea u l-Ukrajna ffirmaw ftehim biex l-Ukrajna tingħaqad mal-Programm tas-Suq Uniku (SMP). Dan il-ftehim se jappoġġa lin-negozji Ukreni billi jiffaċilita
- l-aċċess għas-swieq
- ambjent favorevoli għan-negozju
- tkabbir sostenibbli
- l-internazzjonalizzazzjoni
F’Ottubru 2025 daħal fis-seħħ ftehim kummerċjali aġġornat bejn l-UE u l-Ukrajna. Il-ftehim aġġornat se jtejjeb il-flussi kummerċjali, filwaqt li jagħti kas bis-sħiħ tas-sensittività ta’ ċerti setturi agrikoli tal-UE. Se jikkontribwixxi wkoll għall-integrazzjoni gradwali tal-Ukrajna fis-suq uniku tal-UE billi jappoġġaha biex tallinja ruħha mal-istandards tal-UE.
Barra minn hekk, l-UE ssospendiet il-miżuri ta’ salvagwardja għal ċerti importazzjonijiet mill-Ukrajna, bħall-ħadid u l-azzar, biex tappoġġa l-ekonomija tal-Ukrajna. Is-sospensjoni se tapplika għal tliet snin.
Il-Korsiji ta’ Solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna, li ġew stabbiliti f’Mejju 2022, jgħinu biex jiġi żgurat li l-Ukrajna tkun tista’ tkompli tesporta l-prodotti tagħha u timporta l-prodotti li teħtieġ biex issostni l-ekonomija tagħha.
L-UE tipprovdi wkoll appoġġ permezz ta’ garanziji maħruġin minn istituzzjonijiet finanzjarji bħall-BEI u l-BERŻ. Dan se jippermetti lill-gvern Ukren jipprovdi kreditu u jippermetti lill-kumpaniji joffru servizzi vitali.
Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 8 Ġunju 2026