Din l-informazzjoni hi disponibbli wkoll: bl-Ukren | українська | bir-Russu | русский
L-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili
Il-Kummissjoni allokat ’il fuq minn €1.4 biljun għal programmi ta’ għajnuna umanitarja fl-Ukrajna li għandhom jiġu implimentati mis-sħab fil-post.
F’konformità mal-prijoritajiet tal-gvern Ukren, l-assistenza umanitarja tal-UE tipprovdi
- kenn
- appoġġ fi flus kontanti
- servizzi tas-saħħa
- assistenza alimentari
- edukazzjoni
- ilma u faċilitajiet sanitarji

Twasslu kważi 160,000 tunnellata ta’ assistenza in natura lill-Ukrajna mill-Istati Membri u s-sħab tal-UE permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili.
L-UE qed tikkoordina l-evakwazzjonijiet mediċi ta’ pazjenti Ukreni fi bżonn urġenti ta’ trattament, u ttrasferiet 5,424 pazjent lejn sptarijiet madwar l-Ewropa biex jingħataw kura speċjalizzata.
Qabel ix-xitwa tal-2026, il-Kummissjoni ħabbret pakkett ta’ €52 miljun biex tappoġġa t-tħejjija għax-xitwa, il-kenn, is-servizzi essenzjali u s-sistema tal-enerġija tal-Ukrajna.
Fl-2022, l-UE mmobilizzat €330 miljun għal programm ta’ appoġġ ta’ emerġenza li għen biex jiġi żgurat l-aċċess għall-prodotti u s-servizzi bażiċi bħall-edukazzjoni, is-servizzi tas-saħħa, u l-ikel.
Appoġġ għall-isforzi tat-tneħħija tal-mini fl-Ukrajna
L-UE u l-Istati Membri tagħha impenjaw EUR 500 miljun għal azzjoni umanitarja kontra l-mini fl-Ukrajna bejn l-2022 u l-2030, li tagħmilhom donaturi ewlenin f’dan il-qasam.
L-UE qed tappoġġa l-isforzi tal-Ukrajna għall-azzjoni kontra l-mini billi ssaħħaħ il-kapaċitajiet nazzjonali, tħarreġ u tgħammar lil dawk Ukreni li jneħħu l-mini, u tavvanza l-adozzjoni ta’ approċċi innovattivi għall-azzjoni kontra l-mini, inkluż l-użu ta’ klieb għat-tneħħija tal-mini. Din l-assistenza tgħin biex iż-żoni kkontaminati jsiru sikuri għan-nies ċivili, filwaqt li tippermetti l-irkupru u r-rikostruzzjoni tal-pajjiż.
Bħala parti minn dawn l-isforzi, l-UE u l-Ukrajna qed jospitaw b’mod konġunt il-Konferenza dwar l-Azzjoni kontra l-Mini tal-Ukrajna tal-2026 fi Brussell mis-16 sat-18 ta’ Novembru. L-avveniment għandu l-għan li jimmobilizza l-appoġġ internazzjonali, isaħħaħ is-sħubijiet globali, u jippromwovi approċċi innovattivi għall-azzjoni kontra l-mini, fl-Ukrajna u lil hinn minnha.
Appoġġ tar-rescEU
Permezz tal-ħażniet tar-rescEU l-UE mmobilizzat provvisti mediċi, unitajiet ta’ kenn temporanji, u ġeneraturi tal-enerġija kif ukoll tagħmir speċjalizzat għar-riskji għas-saħħa pubblika bħat-theddid kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku, u nukleari.
It-tipi ta’ appoġġ tar-rescEU pprovduti lill-Ukrajna jinkludu
- ħtiġijiet ta’ akkomodazzjoni
- ilbies ta’ protezzjoni
- dekontaminanti
- ventilaturi
- pompi tal-infużjoni
- monitors tal-pazjenti
- apparati tal-ultrasound
Protezzjoni temporanja
Sa mill-bidu tal-invażjoni, l-UE immedjatament skattat id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja. Din tagħti lill-persuni spostati li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna ċerti drittijiet fl-UE, inklużi
- permessi tar-residenza
- mezzi biex jiksbu aċċess għal akkomodazzjoni xierqa
- kura medika
- edukazzjoni għat-tfal
L-UE qablet li l-protezzjoni temporanja tiġi estiża sa Marzu 2028, peress li għadha evidenti l-ħtieġa li n-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna jiġu protetti.
Il-Kummissjoni introduċiet flessibbiltà massima sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw ukoll il-fondi ta’ koeżjoni li ma ntefqux biex joffru sostenn lin-nies li qed jaħarbu mill-gwerra. Dan ippermetta li jiġu żblukkati sa €17-il biljun għal dan il-għan.
L-UE pprovdiet €100 miljun bħala kontribut biex jiġi żgurat li t-tfal ikollhom aċċess sikur għall-edukazzjoni fl-Ukrajna.
Ngħataw ’il fuq minn 380 xarabank tal-iskola u l-Kummissjoni bagħtet 1.5 miljun ktieb tat-tagħlim għall-istudenti fl-Ukrajna.
Ir-ritorn tat-tfal Ukreni lejn id-dar
Mill-bidu tal-invażjoni fuq skala sħiħa tal-Ukrajna mir-Russja fl-2022 ’l hawn, ’il fuq minn 20,500 tifel u tifla Ukreni ġew deportati illegalment u ttrasferiti kontra r-rieda tagħhom lejn ir-Russja u t-territorji okkupati temporanjament.
Fil-11 ta’ Mejju 2026 l-UE kkopresediet, mal-Ukrajna u mal-Kanada, laqgħa ta’ livell għoli tal-Koalizzjoni Internazzjonali għar-Ritorn tat-Tfal Ukreni. Matul l-avveniment, il-parteċipanti impenjaw ruħhom li jintensifikaw l-azzjoni biex jiggarantixxu ir-ritorn ta’ kull tifel u tifla Ukreni li ttieħdu mir-Russja, u jiżguraw li jingħata kont sħiħ għal dawn id-delitti.
Din il-paġna ġiet rieżaminata l-aħħar: 5 Novembru 2026