Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

L-appoġġ tal-UE għas-sigurtà tal-enerġija tal-Ukrajna

Ħarsa ġenerali

Nindirizzaw il-ħtiġijiet immedjati tal-Ukrajna fil-qasam tal-enerġija

€3 biljun It-total tas-sostenn min-naħa tal-Kummissjoni għas-sigurtà tal-enerġija tal-Ukrajna minn mindu r-Russja tat bidu għall-invażjoni fuq skala sħiħa
€977 miljun It-total tas-sostenn min-naħa tal-UE lill-Ukrajna għax-xiri ta’ gass tal-emerġenza għax-xitwa tal-2025–2026

F’Jannar 2026, il-Kummissjoni pprovdiet 447 ġeneratur tal-emerġenza b’valur ta’ €3.7 miljun mir-riżervi strateġiċi tal-UE biex l-isptarijiet, ix-xelters, u s-servizzi kritiċi fl-Ukrajna jerġa’ jkollhom il-provvista tad-dawl. Dan seħħ wara attakki bla waqfien mir-Russja fuq l-infrastruttura tal-enerġija, li ħallew lil aktar minn miljun Ukren mingħajr dawl, ilma, u tisħin f’temperaturi baxxi ħafna li niżlu sa -20°C. 

Il-Kummissjoni, flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment, ipprovdiet €50 miljun oħrajn lill-kumpanija tal-enerġija tal-Istat tal-Ukrajna, in-Naftogaz. Minħabba li l-Ukrajna qed tiffaċċja l-aktar kundizzjonijiet xitwin ħorox mill-bidu tal-gwerra ’l hawn, dan il-finanzjament se jgħin biex jiġi ggarantit li l-familji, is-servizzi kritiċi, u n-negozji madwar il-pajjiż ikollhom it-tisħin u l-provvista tal-enerġija.

F’Awwissu 2025, il-Kummissjoni ffirmat ftehim ta’ garanzija mal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) li se jimmobilizza €500 miljun bħala sostenn għas-sigurtà tal-enerġija tal-Ukrajna qabel tidħol ix-xitwa. Dan il-finanzjament se jgħin biex isir riforniment tar-riżervi tal-gass tal-pajjiż, li ġew eżawriti wara l-attakki Russi fuq il-faċilitajiet tal-produzzjoni u l-ipproċessar tal-gass. 

L-UE għamlet disponibbli kważi €160 miljun bħala sostenn għas-sigurtà tal-enerġija tal-Ukrajna tul ix-xitwa tal-2024–2025. Dawn kienu jinkludu għajnuna umanitarja ta’ €60 miljun għax-xelters u għall-ħiters, u madwar €100 miljun għal xogħlijiet ta’ tiswija u għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. 

Barra minn hekk, biex tnaqqas it-tensjoni fuq is-sistema tal-enerġija tal-pajjiż, l-UE pprovdiet lill-Ukrajna ’l fuq minn 11,000 ġeneratur tal-enerġija u miljuni ta’ bozoz LED.

Niggarantixxu s-sigurtà tal-enerġija tal-Ukrajna għat-tul

Fi Frar 2025 il-Kummissjoni ppreżentat pakkett ta’ miżuri biex gradwalment tintegra lill-Ukrajna fis-suq tal-enerġija tal-UE u tqawwi r-reżiljenza ġenerali tas-sistema tal-enerġija tagħha. Dawn il-miżuri se 

  • jiffaċilitaw l-integrazzjoni tas-suq tal-elettriku tal-Ukrajna mal-UE sar-rebbiegħa tal-2027
  • tippermettu aktar integrazzjoni fis-settur tal-gass tal-UE
  • jaċċelleraw l-investimenti fl-enerġija rinnovabbli

F’Diċembru 2025 il-Kummissjoni rrilokat impjant tal-enerġija termali sħiħ mil-Litwanja għall-Ukrajna. Din l-operazzjoni ġġib lura l-kapaċità tal-enerġija kritika u ssaħħaħ direttament il-grilja nazzjonali tal-Ukrajna. L-impjant kapaċi jipprovdi l-enerġija lil madwar miljun Ukren

Il-grilja tal-elettriku tal-Ukrajna ġiet sinkronizzata man-Network Kontinentali Ewropew f’Marzu 2022, u dan ippermetta l-esportazzjoni tal-elettriku mill-UE lejn l-Ukrajna.

Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 23 Frar 2026