Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

L-irkupru u r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna

alt=""
L-irkupru u r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna

Insawru t-triq tal-Ukrajna lejn l-irkupru

Se jkun meħtieġ sforz finanzjarju globali ewlieni biex l-Ukrajna tinbena mill-ġdid wara li l-gwerra tispiċċa. L-UE diġà kkontribwiet appoġġ finanzjarju sostanzjali biex tagħti spinta lir-reżiljenza u l-irkupru tal-pajjiż, iżda se jkun meħtieġ aktar appoġġ fuq perjodu medju sa twil: biex jiġu stabbiliti mill-ġdid il-pedamenti ta’ pajjiż ħieles u prosperu, ankrat fil-valuri Ewropej u integrat tajjeb fl-ekonomija Ewropea u globali u biex jingħata appoġġ fit-triq Ewropea tiegħu.

Filwaqt li l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja għadha għaddejja, il-ħtiġijiet ġenerali għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna għadhom mhumiex magħrufa. Madankollu, huwa importanti li jitfasslu l-elementi kostitwenti ewlenin ta’ dan l-isforz internazzjonali diġà minn issa.

Il-Faċilità għall-Ukrajna

Biex tgħin lill-Ukrajna fl-isforzi tagħha ta’ rkupru, rikostruzzjoni u modernizzazzjoni, l-UE se tniedi mekkaniżmu ta’ appoġġ ġdid għas-snin mill-2024 sal-2027. Il-Faċilità għall-Ukrajna hija strument iddedikat li se jippermetti lill-UE tipprovdi lill-Ukrajna sa €50 biljun f’appoġġ finanzjarju stabbli u prevedibbli matul dan il-perjodu.

Il-Faċilità tenfasizza l-impenn tal-UE li tappoġġa lill-Ukrajna hekk kif bħalissa qed tiffaċċja l-gwerra ta’ aggressjoni mir-Russja u tinsab fit-triq tagħha lejn is-sħubija fl-UE.

Aqra aktar dwar il-Faċilità għall-Ukrajna

Pjattaforma tad-Donaturi għall-Ukrajna

Il-Pjattaforma tad-Donaturi għall-Ukrajna tnediet fis-26 ta’ Jannar 2023. Il-Pjattaforma tippermetti koordinazzjoni mill-qrib fost id-donaturi internazzjonali u l-organizzazzjonijiet finanzjarji u tiżgura appoġġ koerenti, trasparenti u responsabbli.

L-għan tagħha huwa li tiżgura koordinazzjoni msaħħa fost l-atturi ewlenin kollha li jipprovdu appoġġ finanzjarju fuq perjodu qasir iżda wkoll assistenza fit-tul għall-fażi ta’ rikostruzzjoni. B’dan il-mod, tibni fuq ir-riżultati tal-Konferenzi f’Lugano, Berlin u Pariġi, biex tgħin biex jitnaqqas id-distakk bejn il-ħtiġijiet u r-riżorsi.

Skopri aktar dwar il-Pjattaforma

Il-mobilizzazzjoni tal-appoġġ internazzjonali

Huwa issa li l-Ukrajna għandha l-aktar bżonn ta' għajnuna. Il-Kummissjoni Ewropea u s-sħab tagħha qed jimmobilizzaw l-appoġġ internazzjonali għall-istabbilizzazzjoni ekonomika u soċjali, ir-rikostruzzjoni u l-irkupru tal-Ukrajna mill-effetti tal-gwerra. 

Appoġġ għall-iskejjel Ukreni

Minħabba li l-futur tal-Ukrajna jibda fl-iskejjel tagħha, l-UE qed tappoġġa r-riabilitazzjoni ta’ skejjel danneġġati b’€100 miljun, imħabbra mill-President fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2022.

Il-Kummissjoni Ewropea allokat madwar €14-il miljun għax-xiri ta’ xarabanks tal-iskola u biex it-tfal Ukreni jaslu l-iskola b’mod sikur. Il-Kummissjoni nediet ukoll kampanja fl-UE kollha biex tagħmel donazzjoni ta’ xarabanks tal-iskola għall-Ukrajna, li tgħaddi permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili.

B’mod parallel, il-Kummissjoni se taħdem mal-Ukrajna biex tiżgura l-aċċess bla xkiel tal-pajjiż għas-suq uniku, filwaqt li tagħti s-setgħa lill-Ukrajna biex tagħmel l-aħjar użu mill-potenzjal tagħha, tgħin biex tħaffef it-tkabbir u toħloq opportunitajiet.

Skopri aktar dwar ix-xarabanks tal-iskola għall-Ukrajna