Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

Il-pjan Ewropew għal akkomodazzjoni affordabbli

Djar aktar affordabbli, sostenibbli, u ta’ kwalità aħjar

6 – 7 %
tal-istokk tal-akkomodazzjoni fl-UE huma akkomodazzjonijiet soċjali
20 %
tad-djar fl-UE baqgħu vojta
93 %
żieda fil-kirjiet għal żmien qasir bejn l-2018 u l-2024

X’qed jipproponi l-pjan?

  • tisħiħ fil-provvista tal-akkomodazzjonijiet permezz ta’ bini ġdid u rinnovazzjonijiet

  • appoġġ għall-innovazzjoni fis-settur tal-kostruzzjoni

  • attraenza lill-ħaddiema u t-tiġdid ta’ ħiliethom

  • indirizzar tal-kiri għal żmien qasir f’żoni taħt stress relatat mal-akkomodazzjoni

  • tnaqqis fl-ispejjeż u l-piżijiet amministrattivi

  • appoġġ għall-effiċjenza fl-enerġija u kontijiet orħos

  • mobilizzazzjoni tal-investiment pubbliku u privat

  • protezzjoni lil dawk l-aktar milquta, inkluż iż-żgħażagħ u l-gruppi żvantaġġati

Żieda fil-provvista tal-akkomodazzjonijiet u promozzjoni tal-innovazzjoni

Il-Kummissjoni tistima li l-Ewropa se jkollha bżonn tibni aktar minn żewġ miljun dar kull sena biex tissodisfa d-domanda attwali – madwar 650,000 dar oħra fis-sena minbarra l-1.6 miljun mibnija llum. Biex jinbnew dawn id-djar addizzjonali se jkun hemm bżonn investiment ta’ madwar €153 biljun fis-sena.

Il-Kummissjoni żviluppat l-istrateġija Ewropea l-ġdida għall-kostruzzjoni tad-djar biex tindirizza dan, ħalli ssaħħaħ il-kompetittività, il-produttività u l-innovazzjoni tas-settur. L-istrateġija għandha l-għan li

  • tissimplifika u tiddiġitalizza l-proċeduri għall-ħruġ tal-permessi
  • tintroduċi l-passaport diġitali tal-prodotti (mill-2028) u r-reġistri diġitali tal-bini
  • tħaffef l-iżvilupp ta’ standards armonizzati għall-prodotti, il-materjali u l-metodi innovattivi għall-kostruzzjoni

Barra minn hekk, permezz tal-Bauhaus Ewropea l-ġdida, il-Kummissjoni se ssaħħaħ ir-riċerka, l-iżvilupp u żżid is-soluzzjonijiet innovattivi għall-bini.

Appoġġ liż-żoni milquta min-nuqqas ta’ akkomodazzjoni

L-akkomodazzjonijiet fil-bliet u ż-żoni turistiċi spiss jiswew ħafna, u għalhekk in-nies tal-lokal isibuha diffiċli biex isibu postijiet tajbin fejn jgħixu. Bħala parti mill-Att dwar l-akkomodazzjoni affordabbli, li għandha tiġi adottata fl-2026, il-Kummissjoni se tappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex jindirizzaw il-kwistjonijiet, partikolarment dawk marbutin mal-kirjiet għal żmien qasir. Se tindirizza wkoll it-tħassib dwar il-prattiki spekulattivi u tgħin lill-pajjiżi tal-UE javvanzaw riformi strutturali.

Appoġġ għal dawk l-aktar milquta mill-kriżi

In-nuqqas ta’ akkomodazzjonijiet affordabbli jaffettwa b’mod partikolari lill-gruppi b’pagi baxxi u dawk żvantaġġati tas-soċjetà tagħna. Il-Kummissjoni beħsiebha tappoġġa liż-żgħażagħ, lill-istudenti u lit-trainees, pereżempju billi tittestja skema ta’ garanzija biex tnaqqas jew telimina l-ħtieġa ta’ depożitu ta’ sigurtà, u lill-ħaddiema essenzjali li ma jistgħux jgħixu fil-komunitajiet li jaqdu. Beħsiebha wkoll tappoġġa azzjoni addizzjonali biex tindirizza l-kwistjonijiet persistenti u kumplessi tal-persuni mingħajr dar.

Proċessi aktar mgħaġġla għall-ħruġ tal-permessi u għar-rinnovazzjonijiet

L-għan tal-pjan hu li jitnaqqsu l-ispejjeż permezz tat-tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi marbutin mar-regoli tal-UE dwar l-akkomodazzjoni. Se jippromwovi wkoll l-aħjar prattiki, bħall-ippjanar u l-ħruġ tal-permessi diġitali, fil-livelli kollha tal-gvern.

Appoġġ għall-investiment u regoli aktar sempliċi dwar l-għajnuna mill-istat

Il-pjan se jsaħħaħ l-investiment fl-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli, inkluż permezz ta’ pjattaforma pan-Ewropea ġdida għall-investiment fl-akkomodazzjoni. Se jissimplifika wkoll ir-regoli dwar l-għajnuna mill-istat, u b’hekk il-pajjiżi tal-UE se jsibuha aktar faċli biex jappoġġaw l-akkomodazzjoni affordabbli.

Ċifri ewlenin

Aktar minn €43 biljun
mobilizzati mill-UE fl-akkomodazzjoni fil-perjodu baġitarju 2021–2027
€10 biljun
addizzjonali għandhom jiġu mobilizzati mill-baġit tal-UE fl-2026 u l-2027
€375 biljun
mobilizzati mill-istituzzjonijiet finanzjarji sħab sal-2029

Il-passi li jmiss

Il-pjan jinkludi għall-ewwel darba summit tal-UE tal-kapijiet tal-istat jew tal-gvern dwar l-akkomodazzjoni li se jsir fl-2026. Is-summit se jniedi Alleanza Ewropea ġdida għall-akkomodazzjoni, li se tlaqqa’ flimkien il-bliet, ir-reġjuni, l-istituzzjonijiet nazzjonali u dawk tal-UE, kif ukoll il-partijiet ikkonċernati ewlenin tal-akkomodazzjoni.

Fl-2026, il-Kummissjoni se tippreżenta wkoll pakkett ta’ appoġġ għall-finanzjament tal-effiċjenza fl-enerġija u pakkett tal-enerġija taċ-ċittadini bl-għan li jkomplu jorħsu l-kontijiet tal-enerġija u b’enfasi fuq l-indirizzar tal-faqar enerġetiku. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tintroduċi l-istrateġija tal-UE kontra l-faqar, li tindirizza l-problema tal-persuni mingħajr dar u l-kawżi ewlenin tal-faqar.