Inwasslu lit-tfal Ukreni l-iskola b’mod sikur
L-edukazzjoni hija pedament tal-futur tagħna. L-aċċess sikur għall-iskola huwa ta’ importanza kbira, peress li jagħti sens ta’ normalità lit-tfal u huwa essenzjali għall-benesseri u l-futur tagħhom. Madankollu, huwa eżattament dan l-aċċess li ġie pperikolat mill-aggressjoni mhux ġustifikata tar-Russja, b’madwar 5.7 miljun tifel u tifla tal-età tal-iskola fl-Ukrajna jesperjenzaw tfixkil fit-tagħlim. Fil-fatt, il-missili tar-Russja qerdu jew għamlu ħsara lil eluf ta’ skejjel Ukreni, u b’riżultat ta’ dan miljuni ta’ tfal jiffaċċjaw distanzi ferm itwal biex imorru l-iskola. Huwa għalhekk li l-UE nediet il-kampanja tagħha “Xarabanks tal-iskola għall-Ukrajna”.

Kampanja ta’ solidarjetà għad-donazzjoni tax-xarabanks
F’Novembru 2022, il-Kummissjoni, flimkien mal-First Lady tal-Ukrajna, Olena Zelenska, nediet il-kampanja ta’ solidarjetà “Xarabanks tal-iskola għall-Ukrajna”. Hi appellat lill-entitajiet pubbliċi u privati fl-UE u lil hinn minnha biex jingħaqdu u juru solidarjetà, billi jagħtu xarabanks li huma essenzjali biex it-tfal Ukreni jinġiebu lura b’mod sikur lill-iskejjel tagħhom.
Fl-4 ta’ Novembru 2023, il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen żaret Kiev u flimkien mal-First Lady tal-Ukrajna, Olena Zelenska, attendiet iċ-ċerimonja ta’ trasferiment tal-kampanja ta’ solidarjetà tal-UE “Xarabanks tal-iskola għall-Ukrajna”, li wasslet aktar minn 370 xarabank tal-iskola lill-komunitajiet Ukreni.
100 xarabank tal-iskola, b’valur ta’ madwar €14-il miljun, inxtraw mill-Kummissjoni, filwaqt li l-awtoritajiet, il-bliet, ir-reġjuni u l-organizzazzjonijiet tat-trasport f’11 pajjiż tal-UE taw 271 xarabank tal-iskola permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili.
Din il-gwerra krudili ċaħdet eluf ta’ tfal Ukreni mill-innoċenza u mit-tfulija tagħhom. Iżda mhux se ċċaħħadhom mill-futur sabiħ u kuntent li jistħoqqilhom. Huwa għalhekk li ninsab kuntenta li nistgħu ngħinu biex inwasslu b’mod sikur lit-tfal Ukreni l-iskola. Id-donazzjoni ta’ aktar minn 370 xarabank tal-iskola mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri turi l-impenn konġunt tagħna għall-ġenerazzjonijiet li jmiss ta’ Ukreni.
Is-sena l-oħra, waqt żjara fil-Parlament Ewropew, iddiskutejt dan mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen. U issa l-komunitajiet Ukreni qed jirċievu aktar minn 370 xarabank. Din hija turija kbira ta’ solidarjetà. Din hija triq lejn il-futur ta’ wliedna - tagħhom u tal-pajjiż kollu, f’nofs il-gwerra. Dan huwa dak li jfissru x-xarabanks tal-iskola, din hija r-raġuni għaliex huma importanti.
Appoġġ kontinwu tal-UE
L-Ewropa ilha tappoġġja lill-Ukrajna mill-bidu tal-aggressjoni mhux ġustifikata tar-Russja. L-Ewropej fetħu l-qlub u d-djar tagħhom għal aktar minn 8 miljun Ukren li ħarbu mill-bombi ta’ Putin, inklużi aktar minn 4 miljun Ukren li talbu protezzjoni temporanja fl-Istati Membri tal-UE. L-iskejjel Ewropej laqgħu mijiet ta’ eluf ta’ tfal Ukreni. Minkejja l-qerda u s-sagrifiċċji, l-Ukreni qed iħarsu lejn il-futur bil-fiduċja u bit-tama. U dan il-futur jibda billi jiġi żgurat li l-iskejjel ikunu miftuħa u li t-tfal ikollhom aċċess għalihom.
Fid-diskors tagħha tal-2022 dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen ħabbret inizjattiva konġunta ma’ mart il-President tal-Ukrajna, Olena Zelenska, dwar ir-riabilitazzjoni tal-iskejjel Ukreni li saritilhom il-ħsara. F’Diċembru 2022, il-Kummissjoni u l-Gvern tal-Ukrajna ffirmaw pakkett ta’ appoġġ ta’ €100 miljun għal dan l-għan. L-appoġġ se jasal għand l-Ukrajna permezz tas-sħab umanitarji tal-UE u parzjalment bħala appoġġ baġitarju lill-Gvern tal-Ukrajna.
B’mod parallel, il-Kummissjoni, flimkien mal-Ministeru Ukren għat-Trasformazzjoni Diġitali u DIGITALEUROPE, organizzazzjoni Ewropea li tirrappreżenta l-industrija tat-teknoloġija diġitali, organizzat l-inizjattiva Laptops għall-Ukrajna. L-għan huwa li jinġabru u jitwasslu laptops, smart-phones u tablets u li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet fundamentali tal-iskejjel, tal-isptarijiet u tal-amministrazzjonijiet pubbliċi fir-reġjuni tal-gwerra l-aktar affettwati tal-Ukrajna.
Biex tappoġġja ġenerazzjoni ġdida ta’ studenti, il-Kummissjoni pprovdiet ukoll miljun u nofs ktieb tal-iskola lill-istudenti fl-Ukrajna.

Kif tagħti donazzjoni
Jekk inti entità pubblika jew kumpanija privata bbażata fl-UE u tixtieq tagħti xarabanks b’donazzjoni, għandek taqra sew l-FAQs t’hawn taħt. Tista’ tikkuntattja wkoll lir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni tal-UE fil-pajjiż li tista’ tipprovdilek informazzjoni addizzjonali dwar il-kampanja.
Jekk inti lest li toffri xarabanks għandek tħejji d-dettalji tal-offerta tiegħek billi tuża d-dokument bl-isem Technical specifications for bus offers hawn taħt u tibagħtu lil: EU-BUSES-UKRAINE
ec [dot] europa [dot] eu (EU-BUSES-UKRAINE[at]ec[dot]europa[dot]eu). Jekk jogħġbok aqra bir-reqqa t-tab Explanations fil-Excel file.
Għal kwalunkwe mistoqsija addizzjonali, iċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza (ERCC) fil-Kummissjoni Ewropea għandu tim iddedikat biex jgħinek. Tista’ tikkuntattjah bl-email fuq EU-BUSES-UKRAINE
ec [dot] europa [dot] eu (EU-BUSES-UKRAINE[at]ec[dot]europa[dot]eu).






