Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea
Il-Global Gateway

X’inhi l-Global Gateway?

Il-Global Gateway hija l-istrateġija tal-UE biex tinvesti f’konnessjonijiet sostenibbli u fdati li jaħdmu għan-nies u għall-pjaneta. Din tiffoka fuq it-tisħiħ ta’ rabtiet intelliġenti, nodfa u siguri f’oqsma bħad-diġitali, l-enerġija u t-trasport, u fl-istess waqt isaħħaħ is-sistemi tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tar-riċerka. 

Din tindirizza wħud mill-aktar sfidi dinjin urġenti, mill-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, sat-titjib tas-sistemi tas-saħħa, u t-tisħiħ tal-kompetittività u s-sigurtà tal-ktajjen tal-provvista.

Il-Global Gateway hi wkoll il-kontribut tal-UE biex jonqos id-distakk dinji fl-investiment. Din

  • tallinja mal-Aġenda 2030 tan-NU u mal-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli tagħha,
  • tallinja mal-Ftehim ta’ Pariġi,
  • tirrifletti l-impenn tal-2021 li għamlu l-mexxejja tal-G7 għal sħubija infrastrutturali mmexxija mill-valuri, bi standards għoljin u trasparenti ħalli jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-iżvilupp infrastrutturali madwar id-dinja.

Għal xiex ikkontribwiet il-Global Gateway?

Mill-2021 ’l hawn, Tim Ewropa mmobilizza aktar minn €306 biljun għal proġetti ta’ kwalità għolja u sostenibbli li

  • jappoġġaw l-iżvilupp tal-pajjiżi sħab,
  • joħolqu opportunitajiet tal-investiment għan-negozji tal-UE,
  • iżommu standards ambjentali u tax-xogħol għoljin.

L-ewwel tappa tal-Global Gateway kienet il-Pakkett ta’ Investiment Afrika-Ewropa b’investiment ta’ madwar €150 biljun, maħsub apposta biex jissaħħu s-sħubijiet mal-Afrika. Il-Global Gateway qed tiġi implimentata wkoll fl-Asja u l-Paċifiku u fl-Amerka t’Isfel u l-Karibew.

Sal-lum, tnedew aktar minn 250 proġett ewlieni madwar id-dinja.

Prinċipji

Il-mudell Ewropew tal-konnettività fdata fil-pajjiżi sħab iħares fit-tul u jaqbel mal-interessi u l-valuri tal-UE: l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, u n-normi u l-istandards internazzjonali. Hu dwar

  • investimenti intelliġenti, nodfa u siguri f’infrastruttura ta’ kwalità
  • konnettività tal-oġġetti, tan-nies u tas-servizzi madwar id-dinja b’mod sostenibbli

Is-sħubijiet tal-Global Gateway huma bbażati fuq 6 prinċipji:

  • il-valuri demokratiċi u standards għoljin
  • sħubijiet ugwali
  • sħubijiet iffukati fuq is-sigurtà
  • il-governanza tajba u t-trasparenza
  • sħubijiet ekoloġiċi u nodfa
  • katalizzaturi tal-investiment mis-settur privat

Inizjattivi skont ir-reġjun jew il-pajjiż

Il-Global Gateway titwettaq bi proġetti fl-Amerka t’Isfel u l-Karibew; fil-Lvant Nofsani, l-Asja u l-Paċifiku; u fl-Afrika sub-Saħarjana.

Proġetti tal-Global Gateway skont ir-reġjun

Appoġġ mobilizzat minn Tim Ewropa

Il-Global Gateway se titwettaq bl-approċċ ta’ Tim Ewropa, li jlaqqa’ flimkien lill-UE u lill-Istati Membri tal-UE mal-istituzzjonijiet finanzjarji u tal-iżvilupp tagħhom. Għandha l-għan ukoll li timmobilizza lis-settur privat ħalli jingrana l-investimenti għal impatt trasformattiv.

Il-Global Gateway tistrieħ fuq l-għodod finanzjarji l-ġodda fil-qafas finanzjarju pluriennali tal-UE 2021-2027, b’mod partikolari l-Istrument tal-Viċinat, tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u tal-Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) - Ewropa Globali, l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) III, il-parti diġitali u internazzjonali tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, iżda anki l-Interreg, InvestEU u Orizzont Ewropa, il-programm tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE.

Opportunitajiet ta’ finanzjament u sorsi tal-finanzjament

Dokumenti

  • 1 DIĊEMBRU 2021
Joint Communication: The Global Gateway
  • 1 DIĊEMBRU 2021
Press release: Global Gateway: up to €300 billion for the European Union's strategy to boost sustainable links around the world
  • 1 DIĊEMBRU 2021
Questions and answers on Global Gateway

Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 8 Mejju 2026