EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021JC0030

Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsil, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment Il-Portal Globali

JOIN/2021/30 final

Brussell, 1.12.2021

JOIN(2021) 30 final

Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsil, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment

Il-Portal Globali


Il-Portal Globali

1.Introduzzjoni

Id-demokraziji — u l-valuri li jirfduhom — iridu juru l-kapaċità tagħhom li jiksbu riżultati fil-konfront tal-isfidi globali tal-lum. Irid ikollhom il-kapaċità u l-ambizzjoni meħtieġa biex jgħinu jtejbu ħajjet in-nies madwar id-dinja. Din ir-realtà qed toħroġ aktar ċara mill-ħtieġa dejjem tikber li l-pajjiżi jinvestu u jiżviluppaw l-infrastruttura li jeħtieġu biex joħolqu prosperità sostenibbli, impjiegi u servizzi għall-komunitajiet lokali tagħhom.

Din il-ħtieġa globali għall-infrastruttura mhux biss hija s-soluzzjoni għall-iżvilupp sostenibbli madwar id-dinja iżda hija parti kruċjali mis-soluzzjoni tal-problema tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-protezzjoni tal-ambjent, it-titjib tas-sigurtà tas-saħħa globali u t-tisħiħ tal-kompetittività tal-ekonomija dinjija. L-impatt tal-infrastruttura globali mhux kompluta, inkompatibbli jew mhux konnessa tal-lum kien espost bl-agħar mod matul il-pandemija tal-COVID-19, kemm jekk permezz tal-impatt ekonomiku u l-iżolament ikkawżati min-nuqqas ta’ konnettività diġitali, it-tfixkil fil-ktajjen tal-provvista jew l-iskarsezza ta’ prodotti mediċi. Iżda filwaqt li l-pandemija aċċellerat il-ħtieġa għal azzjoni, id-distakk fl-investiment u l-iskala tal-ħtiġijiet globali ilhom jeżistu minn ħafna qabilha. Skont l-istimi tal-G20, id-defiċit globali tal-investiment fl-infrastruttura se jilħaq it-EUR 13-il triljun sal-2040. 1 Jekk nikkunsidraw l-investiment ulterjuri meħtieġ fl-infrastruttura biex jiġu limitati t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali, dik iċ-ċifra mbagħad tiżdied għal EUR 1,3 triljun kull sena. 2

Fil-konfront ta’ din il-ħtieġa urġenti għal finanzjament maġġuri, il-pajjiżi jeħtieġu offerta pożittiva meta jiddeċiedu kif l-aħjar jiżviluppaw l-infrastruttura klimatika, enerġetika, tat-trasport u diġitali tagħhom jew kif isaħħu s-sistemi tas-saħħa jew tal-edukazzjoni tagħhom. Dawn l-għażliet għandhom impatt reali fuq il-ħajja u fuq l-għajxien taċ-ċittadini tagħhom. Din hija r-raġuni għaliex jeħtieġu sieħeb fdat biex ifasslu proġetti li huma sostenibbli u ta’ kwalità għolja, u li huma implimentati b’livelli għoljin ta’ trasparenza u standards sabiex jagħtu benefiċċji soċjali u ekonomiċi dejjiema għall-komunitajiet lokali.

L-UE se toffri l-finanzjament tagħha b’termini ġusti u favorevoli sabiex tillimita r-riskju ta’ dejn moruż. Se tgħin biex tinbena infrastruttura sostenibbli bl-appoġġ, bil-ħiliet u bil-finanzjament meħtieġa għall-operat tagħha. Mingħajr trasparenza xierqa, governanza tajba u standards għoljin, il-proġetti jistgħu jintgħażlu jew jitfasslu ħażin, jitħallew mhux kompluti jew jintużaw biex iħeġġu l-korruzzjoni. Dan mhux biss ixekkel it-tkabbir u jċaħħad lill-komunitajiet lokali iżda fl-aħħar mill-aħħar joħloq dipendenzi, li jistgħu jillimitaw il-kapaċità tal-pajjiżi li jieħdu deċiżjonijiet.

Minħabba n-natura globali ta’ din l-isfida, l-UE jeħtieġ li tipprovdi offerta pożittiva għas-sħab tagħha. Il-Portal Globali huwa dik l-offerta pożittiva: pjan tal-UE għal investiment maġġuri fl-iżvilupp tal-infrastruttura madwar id-dinja. Dan għandu l-għan li joħloq rabtiet u mhux dipendenzi. Li jinvesti fi proġetti li jistgħu jitwettqu bi standards għoljin, governanza tajba u trasparenza. Li jaħdem mal-pajjiżi ospitanti, mal-istituzzjonijiet finanzjarji u mas-settur privat biex iżid l-investiment fl-infrastruttura biex tingħata spinta lill-kompetittività tagħna, biex jiġu pprovduti benefiċċji u protezzjonijiet għas-sħab tagħna, biex tingħata s-setgħa lill-komunitajiet lokali u biex jiġu indirizzati l-isfidi globali l-aktar urġenti tal-lum - mit-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli għas-sigurtà tas-saħħa, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u s-sistemi tal-edukazzjoni.

Biex iwettaq dan, il-Portal Globali se jaħdem madwar id-dinja, u se jadatta għall-ħtiġijiet u għall-interessi strateġiċi ta’ reġjuni differenti, filwaqt li jibqa’ xprunat mill-valuri. Se jiffoka fuq l-infrastruttura fiżika – bħal kejbils tal-fibra ottika, kurituri tat-trasport nodfa, linji tat-trażmissjoni tal-enerġija nadifa - biex jissaħħu n-networks diġitali, tat-trasport u tal-enerġija. Se jipprovdi wkoll ambjent abilitanti biex jiġi żgurat li l-proġetti jagħtu riżultati, billi joffri investiment attraenti u kundizzjonijiet kummerċjali favorevoli għan-negozju, konverġenza regolatorja, standardizzazzjoni, integrazzjoni tal-katina tal-provvista, u servizzi finanzjarji.

Qed naffaċċaw rivoluzzjoni xjentifika u tal-produzzjoni ġdida miġjuba mill-ħtieġa li niġġieldu t-tibdil fil-klima u li nirreaġġixxu għat-theddid għas-saħħa, kif ukoll mit-trasformazzjoni diġitali. Dawn il-bidliet iġibu sfidi addizzjonali għall-isforzi tal-iżvilupp, iżda joffru wkoll opportunitajiet ġodda. Billi tassisti lil ħaddieħor, l-UE se tikkontribwixxi wkoll għall-promozzjoni tal-interessi tagħha stess, għat-tisħiħ tar-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista tagħha, u għall-ftuħ ta’ aktar opportunitajiet kummerċjali għall-ekonomija tal-UE, fejn madwar 38 miljun impjieg huma dipendenti fuq il-kummerċ internazzjonali.

Il-bini tal-firxa meħtieġa u tal-ħolqien ta’ benefiċċji mill-iżvilupp tal-infrastruttura fl-UE u madwar id-dinja se jeħtieġu investiment fuq skala kbira. Bl-użu tal-għodod finanzjarji u ta’ żvilupp kollha għad-dispożizzjoni tal-UE u appoġġati mill-impenn qawwi mill-Istati Membri tal-UE 3 , il-Portal Globali se jkollu l-għan li jimmobilizza investimenti sa EUR 300 biljun bejn l-2021 u l-2027. Se jagħmel dan taħt marka waħda, billi jieħu approċċ ta’ Tim Ewropa - li jgħaqqad flimkien ir-riżorsi tal-UE, tal-Istati Membri, tal-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej u tal-istituzzjonijiet nazzjonali tal-finanzjament għall-iżvilupp. Se jfittex b’mod attiv li jimmobilizza l-finanzi u l-għarfien espert tas-settur privat u jappoġġa l-aċċess għal finanzjament sostenibbli.

B’Portal Globali, l-Ewropa se taqdi r-rwol sħiħ tagħha fit-tnaqqis tad-distakk globali fl-investiment. Iżda l-ilħuq ta’ dan l-objettiv se jirrikjedi l-isforz konġunt ta’ sħab tal-istess fehma. F’dan l-ispirtu, Portal Globali se jgħaqqad il-ħidma li bdiet fi ħdan il-G7 u se jsaħħaħ b’mod reċiproku inizjattivi bħall-Build Back Better World. Dan l-impenn favur il-ħidma flimkien ġie affermat mill-ġdid fil-COP26, il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima tal-2021, fejn l-UE u l-Istati Uniti laqqgħu flimkien sħab tal-istess fehma biex jesprimu l-impenn komuni tagħhom li jindirizzaw il-kriżi klimatika permezz tal-iżvilupp ta’ infrastruttura li hija nadifa u reżiljenti, u konsistenti ma’ futur b’emissjonijiet netti żero. 4

Portal Globali jibni fuq il-kisbiet tal-Istrateġija dwar il-Konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Asja tal-2018, is-Sħubijiet ta’ Konnettività konklużi reċentement mal-Ġappun u mal-Indja, kif ukoll il-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent 5 , is-Sħubija tal-Lvant 6 , u l-Viċinat tan-Nofsinhar 7 . Huwa allinjat bis-sħiħ mal-Aġenda 2030 tan-NU u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tagħha, u mal-Ftehim ta’ Pariġi. Billi joffri għażla pożittiva għall-iżvilupp tal-infrastruttura globali, Portal Globali se jinvesti fl-istabbiltà u fil-kooperazzjoni internazzjonali u se juri kif il-valuri demokratiċi joffru ċertezza u ġustizzja għall-investituri, sostenibbiltà għas-sħab u benefiċċji fit-tul għan-nies madwar id-dinja.

L-approċċ ta’ Portal Globali

Portal Globali se jidderieġi l-infiq tal-UE fuq l-iżvilupp tal-infrastruttura globali f’konformità mal-prinċipji ewlenin li ġejjin:

Valuri demokratiċi u standards għoljin

Portal Globali se joffri għażla bbażata fuq il-valuri biex il-pajjiżi sħab jagħżlu minnha meta jiddeċiedu kif għandhom jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom għall-iżvilupp tal-infrastruttura. Dan ifisser li jkun hemm aderenza mal-istat tad-dritt, jinżammu standards għoljin tad-drittijiet tal-bniedem, soċjali u tal-ħaddiema u jiġu rrispettati n-normi mir-regoli u l-istandards internazzjonali għall-proprjetà intellettwali. Ifisser l-għażla ta’ investimenti li huma sostenibbli – għan-nies lokali, għall-ambjent lokali u għall-ekonomiji lokali. Ifisser li jittieħed approċċ etiku sabiex il-proġetti infrastrutturali ma joħolqux dejn li ma huwiex sostenibbli jew dipendenzi mhux mixtieqa.

Governanza Tajba u Trasparenza

It-twettiq ta’ proġetti li jaħdmu għan-nies se jeħtieġ trasparenza, obbligu ta’ rendikont u sostenibbiltà finanzjarja. Se jeħtieġ aċċess miftuħ għall-akkwist pubbliku u kundizzjonijiet ekwi ta’ kompetizzjoni għall-investituri potenzjali u sett ċar miftiehem ta’ riżultati tanġibbli biex jiġi żgurat li l-proġetti tal-Portal Globali jgħidu x’se jwettqu - u jwettqu dak li jwiegħdu. Dawk l-aktar affettwati minn proġetti potenzjali – il-komunitajiet lokali, in-negozji u s-sħab – irid ikollhom l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom bis-sħiħ permezz ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi xierqa u bl-involviment tas-soċjetà ċivili. Il-proġetti jenħtieġ li jiżguraw aċċess affordabbli u ugwali għas-servizzi u għall-benefiċċji li se jipprovdu, b’mod partikolari għan-nisa u l-bniet u għal dawk f’riskju ta’ żvantaġġ jew ta’ esklużjoni.

Sħubijiet bejn partijiet ugwali

Il-proġetti ta’ Portal Globali se jitfasslu, jiġu żviluppati u implimentati f’kooperazzjoni u f’konsultazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi sħab. Il-proġetti infrastrutturali se jkunu bbażati fuq il-ħtiġijiet u fuq l-opportunitajiet li huma jidentifikaw għall-ekonomiji lokali u għall-komunitajiet lokali tagħhom, kif ukoll fuq l-interessi strateġiċi proprji tal-UE. Dan ifisser li jiġu żviluppati sħubijiet ma’ pajjiżi fil-livell tan-nies u li jiġi żgurat li l-ippjanar tal-proġetti jqis il-kapaċità tal-pajjiżi ospitanti li jimmaniġġaw u li jżommu l-infrastruttura b’mod sostenibbli wara li titlesta.

Ekoloġiku u nadif

Il-Portal Globali huwa strateġija newtrali għall-klima biex jitħaffef l-iżvilupp sostenibbli u l-irkupru, jinħolqu tkabbir inklużiv u impjiegi u tinħoloq tranżizzjoni għal ekonomija globali aktar nadifa u aktar ċirkolari. Se jinvesti fl-iżvilupp ta’ infrastrutturi li huma nodfa, reżiljenti għall-klima u allinjati ma’ direzzjonijiet lejn emissjonijiet netti żero. Il-proġetti se jwettqu l-wegħda tal-Patt Ekoloġiku Ewropew “la tagħmilx ħsara” u se jiżguraw l-użu ta’ valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali u valutazzjonijiet ambjentali strateġiċi.

Iffukat fuq is-sigurtà

L-infrastruttura sigura tirfed ir-reżiljenza tal-ekonomija globali u tal-ktajjen tal-provvista – irrispettivament minn jekk hijiex diġitali, tas-saħħa, tat-trasport jew tal-enerġija. Il-proġetti ta’ Portal Globali se jinvestu fl-infrastruttura biex ineħħu l-vulnerabbiltajiet, jipprovdu konnettività affidabbli, u jibnu l-kapaċità fid-dawl ta’ sfidi naturali jew ikkawżati mill-bniedem, theddid fiżiku, ċibernetiku jew ibridu, u koerċizzjoni ekonomika għal għanijiet ġeopolitiċi. Dawn se jiżguraw li ċ-ċittadini jkunu protetti minn sorveljanza mhux ġustifikata mill-awtoritajiet pubbliċi jew minn kumpaniji privati.

Xprunar tal-investiment tas-settur privat

L-industrija Ewropea bil-pożizzjoni ewlenija tagħha fid-dinja, l-għarfien tas-settur privat u l-kapaċità ta’ investiment jagħtuna vantaġġ kompetittiv uniku madwar id-dinja u l-Portal Globali jrid jagħmel użu sħiħ minn dan sabiex ikun alternattiva vijabbli u attraenti għall-pajjiżi sħab. Il-Portal Globali se jgħaqqad u se jisfrutta r-riżorsi mill-UE, mill-Istati Membri tagħha, mill-istituzzjonijiet finanzjarji u mill-Finanzi Pubbliċi Multilaterali, u se juża dawn ir-riżorsi pubbliċi biex joħloq effett ta’ inklużjoni tal-kapital privat.

2.Prijoritajiet ta’ investiment ta’ Portal Globali

Il-Portal Globali se jsaħħaħ il-konnessjonijiet interpersonali bejn l-Ewropa u s-sħab tagħha u se jidderieġi l-investimenti tiegħu fejn ġew esposti jew aggravati nuqqasijiet fl-infrastruttura f’dawn l-aħħar snin. Dawn l-oqsma spiss huma s-soluzzjoni biex jiġu indirizzati l-isfidi u l-investimenti globali l-aktar urġenti, u jipprovdu l-akbar benefiċċji għan-nies fuq perjodu ta’ żmien medju u twil.

L-investimenti fis-setturi tad-diġitalizzazzjoni, tas-saħħa, tal-klima u tal-enerġija u tat-trasport, kif ukoll fl-edukazzjoni u r-riċerka se jkunu prijorità. Bl-istess mod, it-titjib tal-kwalità u tal-kwantità tal-infrastruttura u tal-ambjent abilitanti fil-pajjiżi u fir-reġjuni benefiċjarji huma prijoritajiet ewlenin. Portal Globali se jiżgura li l-benefiċċji tal-investiment ikunu aċċessibbli b’mod ġust u ugwali. F’dan l-ispirtu, se niggarantixxu li l-proġetti u l-investimenti jkunu inklużivi, b’mod partikolari f’termini tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

2.1Diġitali

Il-pandemija tal-COVID-19 żiedet l-importanza tal-aċċess għal infrastrutturi u għal teknoloġiji diġitali siguri u affidabbli bbażati fuq regolamentazzjoni xierqa. Hekk kif it-traffiku globali fuq l-internet huwa mistenni li jikber b’aktar minn sitt darbiet sal-2030, il-konnettività tal-broadband se ssir ħtieġa fit-tranżizzjoni lejn ekonomija u soċjetà xprunata mid-data.

L-UE se taħdem ma’ pajjiżi sħab biex jiġu implimentati networks u infrastrutturi diġitali bħal kejbils tal-fibra ottika taħt il-baħar u terrestri, sistemi ta’ komunikazzjoni siguri bbażati fuq l-ispazju kif ukoll infrastrutturi tal-cloud u tad-data, li flimkien jipprovdu bażi għall-iskambji tad-data, kooperazzjoni f’computing ta’ prestazzjoni għolja, Intelliġenza Artifiċjali (IA), u l-osservazzjoni tad-dinja. Aħna se nipprijoritizzaw ir-reġjuni, il-pajjiżi u l-popolazzjonijiet li ma humiex moqdija biżżejjed, bil-għan li nindirizzaw id-distakk diġitali globali u li nsaħħu l-konnessjonijiet diġitali siguri u affidabbli fihom u bejn l-Ewropa u d-dinja. L-UE se timminimizza l-impronta ambjentali tal-infrastruttura diġitali, billi tippromwovi ċentri ta’ data ekoloġiċi u bl-użu ta’ kejbils taħt l-ilma mgħammra b’sensuri ta’ monitoraġġ tal-oċeani.

Is-sett ta’ għodod tal-UE għaċ-ċibersigurtà tan-networks 5G se jiggwida l-investimenti fl-infrastruttura diġitali. Dawn se jkunu marbuta wkoll ma’ standards u protokolli li jappoġġaw is-sigurtà u r-reżiljenza tan-networks, l-interoperabbiltà, u internet miftuħ, plurali u sigur. L-UE se tippromwovi wkoll l-aċċess għall-Internet Miftuħ, minħabba r-rwol tagħha bħala motivatur ewlieni tal-innovazzjoni, l-iżvilupp soċjopolitiku, ekonomiku u kulturali.

L-UE se toffri pakketti tal-ekonomija diġitali 8 li jgħaqqdu l-investimenti fl-infrastruttura mal-assistenza fil-livell tal-pajjiż biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data personali, iċ-ċibersigurtà u d-dritt għall-privatezza, IA affidabbli, kif ukoll swieq diġitali ġusti u miftuħa. Pereżempju, l-UE se tibni fuq ix-xejra globali lejn il-konverġenza mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) biex tispira lil pajjiżi oħra jippromwovu flussi ta’ data siguri. Il-Portal Globali se jippromwovi l-mudell regolatorju tal-UE ta’ swieq miftuħa u kompetittivi għan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjoni.

Il-Portal Globali fil-prattika

Permezz ta’ kejbil sottomarin bejn l-UE u l-Amerika Latina u bażi terrestri bejn il-pajjiżi tal-Amerka t’Isfel, li flimkien jammontaw għal tul ta’ 35 000 km ta’ network tal-fibra ottika b’veloċità għolja, il-programm BELLA jipprovdi triq diġitali biex tingħata spinta lill-investiment u lill-kollaborazzjoni fir-riċerka. Il-finanzjament totali tal-għotjiet jammonta għal madwar EUR 53 miljun, inklużi EUR 26,5 miljun ipprovduti mill-UE. Permezz tal-Portal Globali, l-UE se testendi l-programm BELLA għall-bqija tal-kontinent tal-Amerka Latina, b’EUR 15-il miljun addizzjonali maħsuba biex jisfruttaw il-finanzjament minn pajjiżi sħab. BELLA se jiżgura li l-konnettività meħtieġa tkun fis-seħħ għall-25 sena li ġejjin biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet dejjem akbar ta’ kooperazzjoni bireġjonali fir-riċerka u l-edukazzjoni. Dan se jinkludi l-forniment ta’ aċċess ta’ veloċità għolja u affidabbli għaċ-Ċentru reġjonali ppjanat tal-UE għas-Servizzi ta’ Ġestjoni tal-Emerġenzi ta’ Copernicus fil-Panama, biex ikunu jistgħu jiġu indirizzati l-emerġenzi klimatiċi. Filwaqt li tibni fuq is-suċċess ta’ BELLA, l-UE hija impenjata li żżid is-sħubija tagħha mar-reġjun permezz tal-Alleanza Diġitali UE-ALK, kif ukoll li tippromwovi l-konverġenza regolatorja u l-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni tad-data.

2.2Klima u Enerġija

Aċċess affordabbli u affidabbli għall-enerġija u l-materja prima huwa prerekwiżit biex l-ekonomiji jiffunzjonaw u biex l-industriji jkunu kompetittivi. Is-settur tal-enerġija jirrappreżenta wkoll aktar minn 70 % tal-emissjonijiet globali tal-gassijiet serra u t-tranżizzjoni tiegħu lejn enerġija aktar nadifa se jkollha rwol vitali biex jiġu evitati l-effetti qerrieda tat-tibdil fil-klima. L-UE hija impenjata li ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050. Fil-COP26 reċenti, skont il-Patt Klimatiku ta’ Glasgow, id-dinja impenjat ruħha b’mod kollettiv li tnaqqas l-emissjonijiet globali tad-diossidu tal-karbonju għal żero nett sa madwar nofs is-seklu.

L-impatt tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni tal-bijodiversità jaffettwa b’mod sproporzjonat lil dawk l-aktar foqra u vulnerabbli fid-dinja, speċjalment f’pajjiżi bi dħul baxx u medju. L-investiment kemm fil-mitigazzjoni kif ukoll fir-reżiljenza għall-klima f’dawk il-pajjiżi ma huwiex biss ħtieġa għall-ikel, għas-saħħa, għas-sigurtà tal-bniedem, u għall-protezzjoni kontra l-impatti tat-tibdil fil-klima iżda jippreżenta wkoll opportunità ekonomika kbira. Sabiex jiġi żgurat li dawk l-investimenti jagħmlu differenza reali, l-infrastruttura trid tkun imfassla biex twieġeb għar-riskji kurrenti u għat-theddidiet futuri u tinbena skont standards li jistimulaw emissjonijiet baxxi jew żero u li jifilħu għall-impatt li se jkollhom.

Dawn l-investimenti fl-infrastruttura u l-appoġġ għar-regolamentazzjoni se jwittu t-triq għat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa. Flimkien, dawn jipprovdu opportunità unika biex jiġu ttrasformati l-ekonomiji, jinħolqu l-impjiegi u tissaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija. Se nikkooperaw ma’ pajjiżi sħab biex tkun tista’ ssir it-tranżizzjoni ġusta tal-enerġija tagħhom u biex fl-istess ħin niddiversifikaw il-provvista tal-enerġija nadifa tagħna. Se nappoġġaw l-integrazzjoni tal-enerġija reġjonali, abbażi tal-interkonnessjoni u l-proġetti konġunti bħall-parks eoliċi lil hinn mill-kosta f’reġjuni kostali, u se nippromwovu l-effiċjenza enerġetika, l-enerġija rinnovabbli (inklużi l-grilji intelliġenti) u tranżizzjoni ġusta.

Se naħdmu ma’ pajjiżi sħab li għandhom il-potenzjal li jiżviluppaw il-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli tagħhom, u se nippromwovu l-ħolqien ta’ swieq kompetittivi biex dan l-idroġenu prodott barra mill-UE jkun jista’ jiġi nnegozjat f’livell internazzjonali mingħajr restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni jew distorsjonijiet fil-prezzijiet. Se naħdmu wkoll ma’ pajjiżi sħab biex ninvestu fl-infrastruttura biex jiġu żviluppati ktajjen tal-valur tal-materja prima sostenibbli u reżiljenti.

Il-Portal Globali fil-prattika

L-UE se timmobilizza EUR 2,4 biljun f’għotjiet għall-Afrika sub-Saħarjana u EUR 1,08 biljun għall-Afrika ta’ Fuq biex tappoġġa l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika, it-tranżizzjoni ġusta u l-ekoloġizzazzjoni tal-ktajjen tal-valur lokali, u se tingħaqad ma’ inizjattivi bħal Power Africa. Dan se jgħin fl-iżvilupp tas-settur tal-idroġenu rinnovabbli billi se jiftaħ opportunitajiet ta’ negozju kemm fil-qasam tal-provvista kif ukoll f’dak orjentat lejn id-domanda għall-industriji b’użu intensiv tal-enerġija. L-implimentazzjoni tal-Inizjattiva tal-Enerġija Ekoloġika bejn l-Afrika u l-UE se tikkontribwixxi għall-iżvilupp u għall-integrazzjoni tas-swieq tal-enerġija reġjonali u għall-implimentazzjoni ta’ Suq Uniku tal-Elettriku b’saħħtu għall-Afrika kontinentali.

2.3 trasport

In-networks tat-trasport huma fattur abilitanti kritiku ta’ ekonomiji u ta’ soċjetajiet prosperużi. Jgħaqqduna mas-sħab tagħna u jippermettu l-kummerċ internazzjonali. Bl-istess mod, it-trasport huwa settur essenzjali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u fl-iżvilupp u fl-introduzzjoni ta’ teknoloġiji diġitali.

Il-Portal Globali se jippromwovi investimenti fl-infrastruttura madwar id-dinja li joħolqu networks tat-trasport sostenibbli, intelliġenti, reżiljenti, inklużivi u sikuri fil-mezzi kollha tat-trasport, inkluż il-ferroviji, it-toroq, il-portijiet, l-ajruporti, kif ukoll il-loġistika u l-punti ta’ qsim tal-fruntieri, u jġibu dawn il-modi flimkien f’sistema multimodali. Se nimplimentaw proġetti tal-infrastruttura tat-trasport li jrawmu l-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiżi sħab u jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, kif ukoll jippermettu d-diversifikazzjoni tal-ktajjen tal-provvista tagħhom. Se nfittxu wkoll li nibnu fuq il-pożizzjoni tagħna bħala ċ-ċentru tat-trasport tad-dinja.

Il-Portal Globali fil-prattika

L-UE se tipprovdi EUR 4,6 biljun addizzjonali biex ittejjeb il-konnessjonijiet tat-trasport sostenibbli, f’konformità mat-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali. Wara li estendiet b’suċċess in-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) tal-UE għall-Balkani tal-Punent, it-Turkija, u r-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant, l-UE se tkompli taħdem favur it-tlestija tal-infrastruttura ta’ prijorità miftiehma b’mod konġunt u se timpenja ruħha b’mod attiv ma’ sħab dwar l-adozzjoni tan-Network Trans-Mediterranju tat-Trasport (TMN-T) fil-Viċinat tan-Nofsinhar. L-UE se tippromwovi t-tisħiħ tal-konnessjonijiet ma’ kurituri strateġiċi kontigwi fl-Afrika sub-Saħarjana u fl-Asja Ċentrali, se tavvanza l-ambjent regolatorju u se tippromwovi l-istandards tal-UE u internazzjonali.

Il-Portal Globali se jrawwem il-konverġenza mal-istandards tekniċi, soċjali, ambjentali u tal-kompetizzjoni Ewropej jew internazzjonali, ir-reċiproċità fl-aċċess għas-suq u l-kundizzjonijiet ekwi ta’ kompetizzjoni fil-qasam tal-ippjanar u tal-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport. Se jservi biex itejjeb l-infrastruttura tal-iċċarġjar mill-ġdid u tar-riforniment tal-fjuwil għal vetturi b’emissjonijiet żero u se jkattar il-provvista ta’ fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Se jservi biex isaħħaħ ir-rabtiet tal-avjazzjoni u dawk marittimi mas-sħab ewlenin, filwaqt li jistabbilixxi wkoll standards ġodda biex tittejjeb is-sostenibbiltà ambjentali u soċjali, tinħoloq kompetizzjoni ġusta u jitnaqqsu l-emissjonijiet f’dawk is-setturi.

2.4 Saħħa

Il-pandemija kixfet dgħufijiet fis-sistemi tal-kura tas-saħħa u l-fraġilità tal-ktajjen tal-provvista farmaċewtiċi. Enfasizzat ukoll id-diskrepanza kbira fil-kapaċitajiet tal-manifattura medika madwar id-dinja. L-Afrika, pereżempju, għadha timporta 99 % tal-vaċċini tagħha. Madankollu, il-kwistjonijiet tas-saħħa jestendu ferm lil hinn mill-pandemija. Kull sena jmutu madwar 8,6 miljun ruħ f’pajjiżi bi dħul baxx u medju minn kundizzjonijiet li jistgħu jiġu ttrattati, inkluż mard li jista’ jiġi evitat b’vaċċin, problemi fit-tqala u inċidenti fit-toroq. 9  

Il-Portal Globali se jagħti prijorità lis-sigurtà tal-ktajjen tal-provvista u lill-iżvilupp tal-manifattura lokali. Fir-rigward tas-sigurtà tal-ktajjen tal-provvista, l-UE se tkun qed taħdem mal-pajjiżi sħab biex jiddiversifikaw il-ktajjen tal-provvista farmaċewtiċi tagħhom. L-Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa (HERA) se tikkontribwixxi wkoll biex jiġu indirizzati l-konġestjonijiet fil-ktajjen tal-provvista internazzjonali.

Il-kontinenti jridu jkunu jistgħu jimmanifatturaw il-vaċċini tagħhom stess. L-UE hija impenjata li tipprevjeni emerġenzi tas-saħħa futuri billi ssaħħaħ il-kapaċitajiet madwar id-dinja. Dan jinkludi l-bini ta’ kapaċitajiet ta’ manifattura f’pajjiżi terzi.

Il-HERA se tistabbilixxi kollaborazzjoni mill-qrib mas-sħab globali biex issaħħaħ is-sorveljanza globali, tiffaċilita l-kooperazzjoni internazzjonali u l-appoġġ għal kontromiżuri mediċi f’każ ta’ emerġenza tas-saħħa, tappoġġa pajjiżi bi dħul baxx u medju biex jibnu għarfien espert u jiżviluppaw kapaċitajiet ta’ manifattura u distribuzzjoni u tappoġġa l-aċċess għal kontromiżuri mediċi ffinanzjati mill-UE.

Il-Portal Globali se jiffaċilita wkoll l-investiment fl-infrastruttura sostenibbli u fl-ambjent regolatorju għall-produzzjoni lokali tal-mediċini u tat-teknoloġiji mediċi, li min-naħa tagħhom se jgħinu fl-integrazzjoni tas-swieq frammentati kurrenti u se jippromwovu r-riċerka u l-innovazzjoni transfruntiera fil-kura tas-saħħa; b’hekk jgħinuna negħlbu mard bħall-COVID-19, il-malarja, id-deni isfar, it-tuberkulożi jew l-HIV/AIDS. 

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) se jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet taċ-Ċentri tal-Afrika għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard (CDC tal-Afrika) f’termini ta’ tħejjija u rispons għat-theddid għas-saħħa. Filwaqt li tibni fuq is-sħubijiet eżistenti, din il-kooperazzjoni se tikkontribwixxi wkoll għall-iffaċilitar tas-sorveljanza armonizzata u tal-intelligence dwar il-mard, ta’ mard li jittieħed mogħti prijorità fil-livell kontinentali, u għall-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-istrateġija għall-iżvilupp tal-forza tax-xogħol tas-saħħa pubblika tas-CDC tal-Afrika.

2.5 Edukazzjoni u riċerka

L-edukazzjoni hija kritika għal soċjetajiet ekwi u inklużivi u għas-suċċess ekonomiku fit-tul tagħhom. Il-pandemija tal-COVID-19 kixfet dgħufijiet fis-sistemi edukattivi madwar id-dinja. Il-baġits għall-edukazzjoni fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp spiss ma jkunux biżżejjed filwaqt li n-numru ta’ studenti qiegħed jikber. In-numru ta’ studenti fid-dinja huwa stmat li se jittrippla fl-għoxrin sena li ġejjin.

L-UE se tinvesti f’edukazzjoni ta’ kwalità, inkluża l-edukazzjoni diġitali, b’perspettiva ta’ tagħlim tul il-ħajja, b’attenzjoni partikolari għall-inklużjoni tal-bniet u tan-nisa u ta’ gruppi vulnerabbli oħrajn li spiss ikollhom attendenza aktar baxxa fl-iskejjel. Se ngħinu lill-pajjiżi sħab jittrasformaw is-sistemi edukattivi tagħhom u jindirizzaw in-nuqqasijiet fit-tagħlim, fit-taħriġ u fl-apprendiment fil-livelli kollha.

Se niffaċilitaw ukoll il-mobbiltà tal-istudenti, tal-persunal, tal-għalliema u tal-apprendisti, u se nsaħħu n-networks u t-tagħlim bejn il-pari fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja kollha. Il-programm Erasmus+ estiż jiftaħ opportunitajiet bħal dawn għan-nies mid-dinja kollha.

Il-programm Erasmus+ għandu dimensjoni internazzjonali b’saħħitha. Dan isaħħaħ il-mobbiltà u l-iskambji bejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u l-pajjiżi sħab, billi jiżviluppa sistemi tal-edukazzjoni aktar inklużivi u sostenibbli, u billi jżid il-kapaċitajiet ta’ ġestjoni u governanza fil-livelli kollha tas-settur tal-edukazzjoni. L-ammont totali allokat għall-perjodu 2014-2020 kien ta’ EUR 1,8 biljun. Il-fergħa internazzjonali tal-Erasmus+ 2021-2027 se tiżdied b’finanzjament totali ta’ EUR 2,2 biljun mill-istrumenti esterni tal-UE sabiex tissaħħaħ l-offerta Ewropea ta’ mobbiltà u kooperazzjoni fl-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport madwar id-dinja.

L-UE se taħdem ma’ pajjiżi sħab biex issaħħaħ il-kooperazzjoni dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni.

Orizzont Ewropa, l-akbar programm multilaterali ta’ riċerka u innovazzjoni ffinanzjat pubblikament fid-dinja, joffri lir-riċerkaturi u lill-innovaturi barra mill-Ewropa l-opportunità li jipparteċipaw f’azzjonijiet kollaborattivi ta’ riċerka u innovazzjoni, skemi ta’ mobbiltà u sħubijiet multilaterali ta’ Riċerka u Innovazzjoni ffinanzjati mill-UE. Il-programm Orizzont Ewropa issa joffri l-possibbiltà li jiġu assoċjati pajjiżi li jinsabu fi kwalunkwe post fid-dinja, li għandhom l-istess valuri fundamentali u profil b’saħħtu fix-xjenza, fit-teknoloġija u fl-innovazzjoni. Il-Kummissjoni se tesplora wkoll il-possibbiltajiet għall-konnessjoni tal-inkubaturi tan-negozju u l-innovaturi madwar id-dinja.

3.Mudell tal-investiment u l-konsenja tal-Portal Globali

Sabiex tiġi ssodisfata l-iskala ta’ investiment meħtieġa, il-Portal Globali se jimmobilizza aktar investimenti u investimenti aħjar fl-infrastruttura internazzjonali. Dan jeħtieġ approċċ ġdid u innovattiv għall-finanzjament u titjib tas-sett ta’ għodod eżistenti tagħna. Portal Globali se jiddependi fuq strumenti ta’ tnaqqis tar-riskju, bħal garanziji u taħlit biex isir użu mir-riżorsi kkombinati kemm mis-settur pubbliku kif ukoll minn dak privat. L-għodod finanzjarji se jiġu kkombinati ma’ għodod operazzjonali bħall-assistenza teknika, id-djalogu politiku u ekonomiku, il-ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment u l-istandardizzazzjoni, sabiex jgħinu joħolqu kundizzjonijiet aħjar għal investimenti ta’ kwalità.

3.1 Żieda fl-investiment

Portal Globali – Il-finanzi

Portal Globali għandu l-għan li jimmobilizza investimenti fl-iżvilupp tal-infrastruttura sa massimu ta’ 300 biljun fis-snin 2021-2027.

Din is-somma hija magħmula minn:

-Sa EUR 135 biljun f’investimenti li saru possibbli mill-EFSD+, inkluża inizjattiva ġdida mal-BEI li tista’ ġġib EUR 25 biljun f’investimenti addizzjonali 10 ,

-Għotjiet ta’ finanzjament sa EUR 18-il biljun taħt programmi oħra ta’ assistenza esterna tal-UE, 

-EUR 145 biljun ta’ volumi ta’ investiment ippjanati mill-istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ finanzjament għall-iżvilupp Ewropej,

-L-UE għandha l-għan li tikkoordina aħjar mal-Istati Membri tagħha biex ittejjeb ir-rwol strateġiku tagħha fil-bordijiet tal-Banek Multilaterali għall-Iżvilupp (MDBs) b’appoġġ għall-proġetti ta’ Portal Globali.

L-UE tistenna li żżid l-infiq baġitarju fuq l-infrastruttura f’pajjiżi terzi. Fis-snin bejn l-2014 u l-2020, l-UE investiet 14 % tal-baġit estern tagħha – EUR 9,62 biljun – fuq proġetti ta’ konnettività. Fiċ-ċiklu baġitarju tal-2021-2027, din is-somma x’aktarx li se tiżdied b’mod sinifikanti. L-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) – Ewropa Globali, li jiffinanzja l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, għandu baġit totali ta’ EUR 79 biljun u mira ta’ nfiq ta’ 35 % għall-azzjonijiet klimatiċi. Barra minn hekk, madwar 10 % tal-finanzjament tal-NDICI se jkun iddedikat għal azzjonijiet diġitali.

Se nużaw ukoll strumenti finanzjarji innovattivi biex noħolqu effett ta’ inklużjoni tal-kapital privat. L-NDICI-Ewropa Globali jistabbilixxi l-kapaċità ta’ garanzija tal-Unjoni sa EUR 53,4 biljun. L-UE tista’ wkoll tisfrutta l-investimenti privati permezz tal-Istrument tagħha għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) III, Interreg, InvestEU u l-programm tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni Orizzont Ewropa. Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus (EFSD+) se jkun l-għodda finanzjarja ewlenija tagħna għall-mobilizzazzjoni tal-investimenti taħt Portal Globali. Il-garanziji li jipprovdi se jintużaw għal attivitajiet ta’ tnaqqis ta’ riskju u għall-isfruttar tal-investiment privat, b’ħidma konġunta mal-Bank Ewropew tal-Investiment u ma’ istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej oħrajn inkluż, pereżempju, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp.

Filwaqt li tkompli żżid mas-sett ta’ għodod finanzjarji tagħha, l-UE qiegħda tesplora l-possibbiltà li tistabbilixxiFaċilità Ewropea ta’ Kreditu għall-Esportazzjoni biex tikkomplementa l-arranġamenti eżistenti ta’ kreditu għall-esportazzjoni fil-livell tal-Istati Membri u żżid il-kapaċità ġenerali tal-UE f’dan il-qasam. Il-Faċilità tgħin biex jiġu żgurati kundizzjonijiet aktar ekwi għan-negozji tal-UE fis-swieq ta’ pajjiżi terzi, fejn dawn qed ikollhom dejjem aktar jikkompetu ma’ kompetituri barranin li jirċievu appoġġ kbir mill-gvernijiet tagħhom, u b’hekk tiffaċilita l-parteċipazzjoni tagħhom fi proġetti infrastrutturali.

Finanzjament tal-Portal Globali permezz tal-EFSD+

L-EFSD+ huwa strument innovattiv li se jgħin biex jiġu ġġenerati investimenti f’varjetà ta’ setturi tal-Portal Globali permezz tal-kapaċità ta’ garanzija u t-taħlit tal-għotjiet tiegħu. Dan jagħmel disponibbli EUR 40 biljun f’kapaċità ta’ garanzija.

Garanziji

Il-garanziji tal-EFSD+ huma offruti fuq kundizzjonijiet favorevoli u kompetittivi ħafna. Dawn jippermettu lill-investituri privati jiffinanzjaw proġetti fi swieq aktar ta’ sfida, billi jassumu r-riskji ta’ ambjenti aktar instabbli filwaqt li jevitaw distorsjonijiet tas-suq.

Minħabba li l-EFSD+ ikopri parti mir-riskji, is-sħab tal-finanzjament għall-iżvilupp tal-Unjoni jistgħu joħorġu l-istess ammonti tal-garanziji tal-EFSD+ mir-riżorsi proprji tagħhom, li min-naħa tagħhom se jattiraw ukoll investituri addizzjonali. Il-programmi ta’ investiment se jiġu implimentati permezz ta’ żewġ modi ewlenin:

·Fi sħubija mal-BEI, l-UE se tipprovdi garanzija li tkopri EUR 26,7 biljun f’finanzjament biex tappoġġa investimenti f’diversi setturi bħall-enerġija nadifa, l-infrastruttura ekoloġika u s-saħħa li għalihom il-BEI diġà għandu rekord b’saħħtu ta’ kisbiet skont il-Mandat ta’ Self Estern preċedenti. Il-kopertura tar-riskju pprovduta se tippermetti lill-BEI joffri self lill-pajjiżi sħab biex jagħmlu investimenti sostenibbli fil-konnettività u f’setturi prijoritarji oħrajn. Il-garanzija tal-Unjoni se jkollha impatt massimu fuq l-investimenti ta’ Portal Globali f’dawk il-pajjiżi sħab fejn ir-riskji sovrani u riskji oħrajn tas-settur pubbliku għadhom ostaklu kbir. L-approċċ ta’ sħubija taħt l-EFSD+ se jiżgura tmexxija b’saħħitha f’konformità mal-prijoritajiet ta’ Portal Globali, filwaqt li jippromwovi sinerġiji u komplementarjetà mal-oqsma kollha tal-azzjoni esterna tal-UE.

·Bħala waħda mit-twieqi settorjali tal-Arkitettura Miftuħa tal-EFSD+ (EUR 13-il biljun), il-Kummissjoni se tipproponi tieqa ta’ Portal Globali speċifika, li, flimkien ma’ twieqi tematiċi oħrajn bħat-tieqa ta’ Finanzjament Sostenibbli, se tiffoka fuq setturi bħall-enerġija sostenibbli, it-trasport nadif u s-settur diġitali. Se tinħoloq tieqa sekondarja ddedikata għall-konnettività diġitali b’approċċ fil-livell tal-pajjiżi biex tissaħħaħ il-konverġenza mal-pakketti tal-ekonomija diġitali tal-UE. Il-ħidma ma’ varjetà ta’ istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej se tippermetti li jittieħed vantaġġ sħiħ mill-ġid tal-għarfien espert ġeografiku u settorjali disponibbli f’dawk l-istituzzjonijiet biex jitneħħew l-ostakli għall-investiment li qed jiffaċċja s-settur privat fil-pajjiżi ospitanti.

Taħlit

·Meta l-proġetti jkollhom valur miżjud pubbliku li ma jkunx monetizzat u li l-garanziji ma jkunux jistgħu jindirizzawh, l-UE se tuża l-faċilitajiet ta’ taħlit tal-EFSD+. Dawn il-faċilitajiet jagħmlu użu minn għotjiet u minn self biex jappoġġaw proġetti ta’ investiment mhux bankarji fil-pajjiżi sħab tal-UE filwaqt li jtejbu s-sostenibbiltà, azzjonijiet favur ir-reżistenza għall-klima u l-impatt fuq l-iżvilupp tagħhom.

Il-finanzjament appoġġat mill-EFSD+ se jiddependi fuq mekkaniżmi sistematiċi biex jiġu ffiltrati offerti baxxi b’mod anormali, li jipperikolaw l-implimentazzjoni reali tal-proġetti jew il-prinċipji tal-Portal Globali, u s-sussidji barranin li jimminaw il-kundizzjonijiet ekwi ta’ kompetizzjoni. Se tingħata attenzjoni wkoll biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm distorsjoni fil-kummerċ u fl-investiment meta l-UE tiffinanzja proġetti f’pajjiżi terzi. Is-sħab tal-finanzjament għall-iżvilupp tal-UE jenħtieġ li jaderixxu ma’ standards tal-akkwist simili għal dawk applikabbli fl-UE.

Fejn l-EFSD+ ikollu jintuża minħabba ambjent regolatorju mhux favorevoli jew esternalitajiet mhux riflessi fil-prezzijiet tas-suq (eż. l-emissjonijiet tas-CO2), l-UE se taħdem mal-pajjiż sieħeb biex tindirizza dawn in-nuqqasijiet sottostanti. Dan jenħtieġ li jnaqqas id-dipendenza tal-pajjiż sieħeb fuq l-assistenza esterna fil-futur.

3.2 Ambjent li jiffavorixxi l-investiment

Ambjent abilitanti għandu rwol ewlieni fil-mobilizzazzjoni ta’ aktar investimenti fl-infrastruttura li jissodisfaw ukoll standards tekniċi, ta’ kompetizzjoni, ambjentali, soċjali u ta’ governanza għoljin. L-UE se tuża d-diversi għodod tagħha biex ittejjeb il-kundizzjonijiet biex tattira investimenti ta’ kwalità f’pajjiżi sħab. Dan se jinkludi ħidma fuq direzzjonijiet differenti:

·It-tisħiħ tal-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi, il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u l-ġestjoni tad-dejn, u t-titjib tas-sostenibbiltà tad-dejn;

·L-iffaċilitar tar-riformi fil-pajjiżi sħab biex jiġu stabbiliti oqfsa regolatorji trasparenti, mhux diskriminatorji u sostenibbli allinjati mal-istandards internazzjonali, u l-bini tal-kapaċità tagħhom li jinfurzaw il-konformità mal-obbligi legali;

·It-titjib tal-fluss ta’ finanzjament sostenibbli, billi jiġu promossi t-tassonomiji, l-istandards u d-divulgazzjonijiet rilevanti. Il-Kummissjoni qed tiżviluppa strateġija komprensiva biex iżżid l-aċċess għall-finanzjament sostenibbli f’pajjiżi b'introjtu baxx u medju;

·It-tisħiħ tal-kapaċità tal-pajjiżi sħab li jiżviluppaw pjanijiet infrastrutturali u li jħejju riżervi kredibbli ta’ proġetti allinjati mal-istrateġiji u mal-ħtiġijiet nazzjonali tal-iżvilupp;

·L-inkoraġġiment tal-aderenza mal-istandards internazzjonali għall-infiq infrastrutturali minn fornituri ta’ finanzjament bilaterali u multilaterali oħrajn.

·Il-parteċipazzjoni attiva f’korpi rilevanti li jistabbilixxu l-istandards internazzjonali. 

Infiq aħjar fuq l-infrastruttura - l-UE se:

-Il-promozzjoni tal-użu ta’ għodod multilaterali bħall-qafas ta’ Valutazzjoni tal-Ġestjoni tal-Investiment Pubbliku (PIMA) tal-FMI, il-Metodoloġija tal-OECD għall-Valutazzjoni tas-Sistemi ta’ Akkwist (MAPEP) u l-Mudell ta’ Valutazzjoni tar-Riskju Fiskali tal-PPP (PFRAM) tal-FMI/Bank Dinji biex tittejjeb it-tħejjija tal-proġetti u jiġi żgurat il-valur għall-flus fl-infrastruttura.

-L-għoti ta’ assistenza teknika għall-bini tal-kapaċità u għall-istudji tekniċi fil-pajjiżi sħab, permezz ta’ programmi ta’ NDICI-Ewropa Globali u l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku għall-Istati Membri tal-UE, li jippermetti l-kondiviżjoni tal-għarfien bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali taħt programmi bħat-TAIEX.

-Il-promozzjoni tal-implimentazzjoni tal-Prinċipji tal-G20 għal Investimenti fl-Infrastruttura ta’ Kwalità fil-livell internazzjonali.

4.Koordinazzjoni tal-isforzi ma’ sħab tal-istess fehma

Fl-implimentazzjoni tal-Portal Globali, l-UE se taħdem mill-qrib ma’ sħab tal-istess fehma biex tiżviluppa sinerġiji bejn l-isforzi rispettivi tagħhom dwar il-konnettività u l-infrastruttura ta’ kwalità ma’ pajjiżi terzi u tikseb l-impatt massimu bit-tnaqqis tad-distakk globali fl-infrastruttura. Din il-kooperazzjoni se testendi għall-aspetti kollha tal-ħidma tagħna, inkluż il-koordinazzjoni tal-politiki, il-kollaborazzjoni dwar u l-kofinanzjament ta’ proġetti konġunti jew paralleli, l-involviment konġunt mal-pajjiżi ospitanti, is-settur privat u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, u l-kooperazzjoni fil-kuntest ta’ fora internazzjonali rilevanti li jistabbilixxu l-istandards.

Il-G7 diġà għandu fis-seħħ għadd kbir ta’ inizjattivi li jappoġġaw l-infrastruttura sostenibbli fil-pajjiżi sħab. L-UE hija impenjata bis-sħiħ favur il-bidla gradwali fil-finanzjament tal-infrastruttura li l-Mexxejja tal-G7 impenjaw ruħhom għaliha fis-Summit ta’ Carbis Bay f’Ġunju 2021, u għandha rwol attiv biex issarraf din l-ambizzjoni fil-prattika. L-UE tqis dan bħala sħubija fit-tul li se tibqa’ miftuħa għal oħrajn biex jissieħbu magħha.

L-UE diġà kkonkludiet Sħubijiet ta’ Konnettività mal-Ġappun u mal-Indja. Beħsiebha wkoll issegwi sħubija ta’ konnettività mal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), li tibni fuq id-Dikjarazzjoni Ministerjali tal-2020. Aktar kmieni din is-sena, l-UE u l-Istati Uniti nedew il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija, fejn il-partijiet qed jikkooperaw ukoll biex jippromwovu konnettività diġitali internazzjonali sigura u sostenibbli. L-UE se tfittex aktar kollaborazzjoni mal-Istati Uniti, kif ukoll mal-Kanada, mar-Repubblika tal-Korea u ma’ sħab oħra tal-istess fehma.

Biex din l-aġenda politika tinġieb ’il quddiem, l-Unjoni Ewropea se tagħmel il-Portal Globali prijorità għal summits multilaterali, u fejn rilevanti, bilaterali mas-sħab internazzjonali tagħna, u se tibda bis-summit li jmiss dwar is-Sħubija bejn l-UE u s-Sħubija tal-Lvant, segwit mis-Summit bejn l-UE u l-Unjoni Afrikana. Se tintegra wkoll il-prinċipji ta’ Portal Globali fil-kooperazzjoni eżistenti tagħha dwar il-konnettività ma’ reġjuni, organizzazzjonijiet u pajjiżi sħab.

5.Governanza u komunikazzjoni

Il-proġetti ta’ Portal Globali se jiġu żviluppati u pprovduti permezz ta’ Inizjattivi ta’ Tim Ewropa. L-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, u l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej se jaħdmu flimkien man-negozji Ewropej kif ukoll mal-gvernijiet, mas-soċjetà ċivili u mas-settur privat fil-pajjiżi sħab.

L-implimentazzjoni tal-Portal Globali se titmexxa ’l quddiem taħt it-tmexxija ġenerali tal-President tal-Kummissjoni mir-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni u l-Kummissarji responsabbli. F’dan il-kuntest, se jiġi stabbilit Bord ta’ Portal Globali biex jipprovdi gwida strateġika għal din l-inizjattiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-iżvilupp ta’ proġetti ta’ Tim Ewropa.

Il-Kummissjoni se tistabbilixxi Grupp Konsultattiv tan-Negozju dwar il-Portal Globali. Dan il-grupp se jiżgura li l-involviment tas-settur privat, ikun faċilment aċċessibbli u jservi biex tiġi diskussa l-implimentazzjoni tal-istrateġija Portal Globali. Se jirċievi kontribut min-negozji u se jaqsam l-għarfien sabiex jiġi massimizzat kemm l-impatt kif ukoll l-effettività tal-investiment. Dan il-grupp se jaħdem b’mod komplementari u mingħajr preġudizzju għall-organizzazzjonijiet eżistenti ta’ appoġġ għan-negozju. Se jiġi stabbilit ukoll djalogu mas-soċjetà ċivili biex jiġi żgurat li jittieħed approċċ kompletament inklużiv.

B’appoġġ għal din is-sensibilizzazzjoni, id-Delegazzjonijiet tal-UE - li se jaħdmu mill-qrib mal-Istati Membri tal-UE f’approċċ ta’ Tim Ewropa - se jkollhom rwol ewlieni fil-koordinazzjoni mal-partijiet ikkonċernati kollha fil-prattika u fl-ilħuq tal-pajjiżi sħab, sabiex jidentifikaw proġetti, iqabbluhom mal-finanzjament, u jsegwuhom fir-rigward tal-implimentazzjoni. Dan se jkun parti minn sforzi diplomatiċi usa’ li se jsiru b’mod konġunt mal-Istati Membri biex jippromwovu l-mudell ta’ Portal Globali u l-benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali li jġib miegħu.

L-UE se tniedi kampanja ta’ sensibilizzazzjoni fil-pajjiżi sħab biex tispjega l-approċċ ta’ Portal Globali għaċ-ċittadini u għall-partijiet ikkonċernati istituzzjonali, filwaqt li tistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej biex jingħaqdu flimkien f’din il-komunikazzjoni. Il-Kummissjoni se tistabbilixxi wkoll kampanja ta’ komunikazzjoni dwar il-Portal Globali, dedikata fi ħdan l-UE matul l-2022.

6.Nimxu ’l quddiem

Portal Globali għandu l-għan li jgħaqqad il-kapital u l-għarfien espert ta’ Tim Ewropa, is-sħab internazzjonali tiegħu u s-settur privat. Se jkun immexxi mill-ħtiġijiet tal-pajjiżi sħab tagħna u mill-interessi strateġiċi tal-Unjoni Ewropea. F’dan l-ispirtu, se niżviluppaw Portal Globali flimkien ma’ pajjiżi sħab u se nistiednu l-parteċipazzjoni attiva tas-soċjetà ċivili kif ukoll tas-settur privat lokali fl-iskambji tagħna. L-UE issa se tikkomunika ma’ pajjiżi oħra li lesti jissieħbu. Se ninvolvu wkoll lis-settur privat biex niżblukkaw il-kapital l-għarfien espert u l-esperjenza tiegħu.

Il-progress fl-implimentazzjoni tal-Portal Globali se jiġi mmonitorjat, evalwat u rrapportat b’mod regolari u b’mod proattiv. Jekk ikun hemm bżonn, l-Istrateġija se tiġi aġġustata. Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli huma impenjati favur l-implimentazzjoni rapida tal-Istrateġija u se jżommu lill-Kunsill u lill-Parlament infurmati mill-qrib.

Filwaqt li tibni fuq is-suċċess tal-Forum tal-Konnettività Europa fl-2019 li kien jinvolvi xi pajjiżi sħab tal-UE u partijiet ikkonċernati ewlenin, l-UE se tospita edizzjonijiet regolari tal-Forum dwar il-Portal Globali. Il-Kummissjoni se torganizza laqgħa mal-partijiet ikkonċernati f’Ġunju 2022 biex tqis il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Portal Globali u jkollha djalogu dwar il-passi li jmiss.

(1)

The Global Infrastructure Hub: https://outlook.gihub.org/  

(2)

Rozenberg, Julie; Fay, Marianne. 2019. Beyond the Gap: How Countries Can Afford the Infrastructure They Need while Protecting the Planet. Washington, DC: Bank Dinji.

(3)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill 10629/21 “Ewropa Konnessa Globalment” tat-12 ta’ Lulju 2021.

(4)

  https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/statement_21_5767  

(5)

Il-Komunikazzjoni “Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent” COM(2020) 641 final.

(6)

Il-Komunikazzjoni Konġunta “It-Tisħiħ tar-Reżiljenza: Sħubija tal-Lvant li tikseb riżultati għal kulħadd”, JOIN(2020) 7 final u Dokument ta’ Ħidma Konġunt tal-Persunal “L-irkupru, ir-reżiljenza u r-riforma: il-prijoritajiet tas-Sħubija tal-Lvant wara l-2020,” SWD(2021) 186 final.

(7)

Il-Komunikazzjoni Konġunta “Sħubija mġedda mal-Viċinat tan-Nofsinhar: Aġenda Ġdida għall-Mediterran”, JOIN(2021) 2 final, u Dokument ta’ Ħidma Konġunt tal-Persunal “Sħubija Mġedda mal-Viċinat tan-Nofsinhar: Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-ġirien tan-Nofsinhar” SWD(2021) 23 final.

(8)

 Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, “Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali”, 9.3.2021, COM(2021) 118 final.

(9)

Kruk, Margaret E.; Gage, Anna D.; Joseph, Naima T.; Danaei, Goodarz; García-Saisó, Sebastián; Salomon, Joshua A., Mortality due to low-quality health systems in the universal health coverage era: a systematic analysis of amenable deaths in 137 countries, The Lancet 392.10160 (2018), pp. 2203-2212, https://doi.org/10.1016/S0140-6736(18)31668-4 .

(10)

Il-Kummissjoni qed tipproponi inizjattiva ta’ Portal Globali ġdida biex tipprovdi aħjar għal żieda sinifikanti fl-investimenti ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Qed toffri li tagħmel disponibbli EUR 750 miljun addizzjonali matul il-perjodu 2022-2027 f’segmenti annwali, bil-kundizzjoni li l-BEI joħroġ l-istess ammont ta’ fondi skont l-arranġamenti xierqa u li l-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti tagħmel progress kif ippjanat. Għal dan il-għan, il-ħidma fuq l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-proġetti jeħtieġ li titmexxa ’l quddiem b’mod urġenti. Il-Kummissjoni tipproponi li tevalwa dan fl-2024 bil-għan li żżid il-baġit meta jkun xieraq.

Top