
Sew jekk trid iżżur lill-familja waqt il-vaganzi, jew jekk se tqatta’ tmiem il-ġimgħa xi mkien ma’ sħabek, jew anki jekk għandek bżonn tattendi konferenza tax-xogħol barra mill-pajjiż, l-ivjaġġar fl-Ewropa għandu jkun faċli, rapidu u sostenibbli. Għalhekk il-Kummissjoni adottat sett ta’ proposti ġodda biex tħaffef l-introduzzjoni tan-network ferrovjarju ta’ veloċità għolja tal-Ewropa u ssaħħaħ l-investiment fil-fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. L-għan tagħhom hu li s-sistema tat-trasport tal-UE ssir aktar effiċjenti, interkonnessa u aċċessibbli, filwaqt li timxi fuq il-prinċipji tal-kompetittività u tas-sostenibbiltà.
Il-pjan ta’ azzjoni l-ġdid dwar il-ferroviji ta’ veloċità għolja jibbaża fuq in-Network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T), u għandu l-għan li jnaqqas il-ħin tal-ivjaġġar kif ukoll li l-ferroviji jsiru alternattiva aktar attraenti mit-titjiriet fuq distanzi qosra. B’ferroviji li jilħqu veloċitajiet ta’ 200 km fis-siegħa u aktar, il-ħin tal-ivjaġġar bejn il-bliet kapitali tal-UE se jonqos ħafna:
📍 Copenhagen – Berlin: minn 7 sigħat għal 4 sigħat
📍 Pariġi – Ruma: minn 10 sigħat u 50 minuta għal 8 sigħat u 45 minuta
📍 Sofja – Ateni: minn 13-il siegħa u 40 minuta għal 6 sigħat
📍 Vjenna – Ljubljana: minn 6 sigħat u 5 minuti għal 4 sigħat u nofs
Bis-saħħa ta’ konnessjonijiet transfruntiera ġodda, se jkunu possibbli wkoll vjaġġi aktar rapidi u sempliċi, bħal:
🛤️ Liżbona – Madrid – Pariġi
🛤️ Tallinn – Riga – Vilnius – Varsavja
Biex din il-viżjoni ssir realtà, il-pjan jistabbilixxi azzjonijiet konkreti bħal pereżempju:
- it-tneħħija tal-konġestjonijiet transfruntiera, bl-għażliet għall-veloċitajiet ogħla minn 250 km fis-siegħa meta jkun possibbli ekonomikament
- l-iżvilupp ta’ strateġija ta’ finanzjament koordinata biex jiġi mobilizzat l-investiment meħtieġ
- it-titjib fil-kundizzjonijiet għall-industrija ferrovjarja u għall-operaturi ferrovjarji biex jinvestu, jinnovaw u joperaw b’mod kompetittiv (eż. it-titjib tas-sistemi transfruntiera tal-biljetti u tal-ibbukkjar)
- it-tisħiħ tal-governanza fil-livell tal-UE, inkluż standards u proċessi ta’ awtorizzazzjoni armonizzati
Minbarra l-ivjaġġar aktar rapidu, l-ibbukkjar aktar sempliċi, u l-prezzijiet aktar affordabbli, il-pjan se jtaffi wkoll il-konġestjoni u jillibera l-kapaċità fil-linji ferrovjarji konvenzjonali, u b’hekk isaħħaħ l-ekonomiji reġjonali u t-turiżmu.
It-tieni parti tal-pakkett, li hu l-pjan ta’ investiment għat-trasport sostenibbli, jistabbilixxi approċċ komuni biex jissaħħaħ l-investiment fil-fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, b’enfasi fuq l-avjazzjoni u t-trasport fuq l-ilma. Biex jintlaħqu l-miri ta’ RefuelEU Aviation u FuelEU Maritime, sal-2035 se jkun hemm bżonn madwar 20 miljun tunnellata ta’ fjuwils sostenibbli, li jfisser li meħtieġ bejn wieħed u ieħor investiment ta’ €100 biljun.
Għal aktar tagħrif
Stqarrija għall-istampa – ferroviji ta’ veloċità għolja u trasport sostenibbli
Skeda informattiva – ferroviji ta’ veloċità għolja
Mistoqsijiet u tweġibiet – ferroviji ta’ veloċità għolja
Skeda informattiva – trasport sostenibbli
Mistoqsijiet u tweġibiet – trasport sostenibbli
- Data tal-pubblikazzjoni
- 5 Novembru 2025
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni