Kif jaħdem
Il-mekkaniżmu tal-kontroll tas-sussidjarjetà japplika fl-oqsma fejn l-UE għandha kompetenza kondiviża mal-pajjiżi membri.
F’każijiet fejn il-parlamenti nazzjonali jikkunsidraw li abbozz ta’ att leġislattiv ma jikkonformax mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, dawn jistgħu jibagħtu opinjoni motivata lill-Kummissjoni fi żmien 8 ġimgħat.
Il-Kummissjoni għandha tqis l-opinjonijiet motivati li tirċievi.
Opinjonijiet tal-parlamenti nazzjonali u risposti tal-Kummissjoni
Effetti fuq il-proċedura leġiżlattiva
L-effett tal-opinjonijiet motivati dwar il-proċedura leġiżlattiva jiddependi fuq kemm il-parlamenti nazzjonali jirreaġixxu u kemm voti jirrappreżentaw. Kull wieħed mit-28 parlament nazzjonali huwa allokat żewġ voti. Jekk ikun hemm 2 ikmamar, kull waħda minnhom ikollha vot.
Meta l-opinjonijiet motivati joriġinaw minn tal-anqas terz tal-voti kollha allokati lill-parlamenti nazzjonali, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-proposta tagħha. Dan il-limitu huwa aktar baxx għal abbozzi ta’ atti leġiżlattivi relatati mal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà - kwart. Fiż-żewġ każijiet, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi jekk għandhiex iżżomm, tibdel jew tirtira l-proposta tagħha. Il-Kummissjoni trid tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha. Din tissejjaħ il-proċedura ta' “karta s-safra”.
Meta l-opinjonijiet motivati jkunu jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-voti u l-abbozz ta’ att li jaqa’ taħt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, il-Kummissjoni trid tirrevedi l-proposta tagħha u tiddeċiedi jekk għandhiex iżżomm, tibdel jew tirtira l-proposta. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li żżomm il-proposta tagħha, trid tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha lill-Parlament u lill-Kunsill tal-UE, għaliex il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Din hija magħrufa bħala l-proċedura ta' “karta oranġjo”.
Jekk maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Parlament tal-UE jew 55% tal-membri tal-Kunsill isibu li l-proposta tikser il-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-proposta ma tkomplix tiġi kkunsidrata.
Il-proċeduri li nbdew s’issa
Sal-lum, li l-proċedura ta’ karta safra ntużat tliet darbiet u l-proċedura ta’ karta oranġjo għadha qatt ma ntużat.
2012
Il-limitu ta’ mill-inqas terz tal-voti kollha allokati lill-parlamenti nazzjonali intlaħaq għall-ewwel darba fuq proposta ta’ regolament dwar l-eżerċizzju tad-dritt li tittieħed azzjoni kollettiva. Il-Kummissjoni rrevediet il-proposta tagħha iżda ma ħassitx li din tikser il-prinċipju tas-sussidjarjetà.
Madankollu, il-Kummissjoni qieset il-fehmiet espressi u d-diskussjonijiet fost il-koleġiżlaturi, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, u rrikonoxxiet li l-proposta tagħha ma kinitx mistennija tikseb l-appoġġ politiku meħtieġ għall-adozzjoni tagħha. Għaldaqstant il-Kummissjoni ddeċidiet li tirtira l-proposta.
2013
It-tieni proċedura ta’ karta safra nqalgħet fl-2013 dwar il-proposta għal regolament tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. Wara analiżi bir-reqqa tal-opinjonijiet motivati, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-proposta kienet konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u ddeċidiet li żżommha. Il-Kummissjoni mmotivat id-deċiżjoni tagħha fil-Komunikazzjoni COM(2013) 851.
2016
Il-proċedura nbdiet għat-tielet darba f’Mejju 2016 wara li 14-il kamra parlamentari fi 11-il pajjiż tal-UE oġġezzjonaw għall-proposta tal-Kummissjoni li tirrevedi d-direttiva dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema. Wara analiżi bir-reqqa tal-opinjonijiet motivati, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-proposta kienet konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u ddeċidiet li żżommha. Il-Kummissjoni mmotivat id-deċiżjoni tagħha fil-Komunikazzjoni COM(2016) 505.
Rapporti annwali
Il-Kummissjoni tirrapporta dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità kull sena.
Documents
- 7 ĠUNJU 2016
- 7 ĠUNJU 2016