Ħarsa ġenerali
L-Ukrajna hija nazzjon sovran u demokratiku li ddeċieda liberament li trid tingħaqad mal-familja Ewropea tagħna.
L-Ukrajna applikat għas-sħubija fl-UE fl-aħħar ta’ Frar 2022, jiem biss wara li r-Russja nediet l-aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata fuq skala sħiħa tagħha.
L-UE qed taħdem mas-sħab Ukreni tagħna biex tiffaċilita l-proċess ta’ adeżjoni u tappoġġahom biex jissodisfaw il-kriterji tas-sħubija.

Il-progress tal-Ukrajna s’issa
Il-Kummissjoni ppreżentat l-opinjoni tagħha dwar l-applikazzjoni ta’ l-Ukrajna f’Ġunju 2022, u l-Ukrajna ngħatat status ta’ kandidat tal-UE mill-Istati Membri kollha tal-UE fl-istess xahar.
F’Diċembru 2023, il-mexxejja tal-UE qablu li jiftħu n-negozjati tal-adeżjoni mal-Ukrajna. L-UE fetħet formalment in-negozjati tal-adeżjoni mal-Ukrajna f’Ġunju 2024.
F’Ġunju 2026, l-Istati Membri tal-UE qablu li jiftħu l-ewwel ġabra ta’ negozjati mal-Ukrajna dwar l-elementi fundamentali.
In-negozjati tal-adeżjoni mal-UE huma organizzati abbażi ta’ sitt gruppi tematiċi. Il-grupp tal-“elementi fundamentali” jkopri l-valuri u l-prinċipji ewlenin li fuqhom hija mibnija l-UE, mill-istat tad-dritt sa istituzzjonijiet demokratiċi b’saħħithom.
Waqt in-negozjati, L-Ukrajna trid timplimenta riformi sabiex jallinjaw mal-liġijiet u l-istandards tal-UE, magħrufa wkoll bħala l-acquis. Il-pajjiż wera kapaċità impressjonanti biex iwettaq ir-riformi, anke fi żmien il-gwerra.
L-Ukrajna diġà għamlet progress f’diversi oqsma importanti, inklużi:
- ir-riforma tas-sistema ġudizzjarja tagħha
- l-iżvilupp ta’ ekonomija tas-suq funzjonali
- il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus
- l-immodernizzar tal-amministrazzjoni pubblika
- il-protezzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali
L-Ewropa hija aktar b’saħħitha mal-Ukrajna
Minkejja l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja u t-tbatija li qed tiffaċċja bħalissa, l-Ukrajna bdiet fuq vjaġġ li għandu vantaġġi sinifikanti kemm għall-Ukreni kif ukoll għall-Ewropej.
L-adeżjoni tal-Ukrajna żżid l-istabbiltà u s-sigurtà reġjonali, issaħħaħ il-valuri kondiviżi tagħna tal-libertà u d-demokrazija, u tarrikkixxi d-diversità u l-wirt kulturali tagħna. Dan jespandi wkoll is-suq uniku, joħloq opportunitajiet ġodda għan-negozji Ewropej u jsaħħaħ il-kompetittività tal-Ewropa.
L-Ukrajna għandha rabtiet storiċi u kulturali mal-Ewropa u għandha aspirazzjonijiet għall-istabbiltà politika u ekonomika li jgawdu l-Istati Membri tal-UE.
Il-pajjiż hu demokrazija parlamentari presidenzjali vera u proprja u għandu amministrazzjoni pubblika li tiffunzjona tajjeb li baqgħet għaddejja matul il-gwerra. Hemm soċjetà ċivili attiva u s-sistema elettorali ġiet ippruvata li hi ġusta u ħielsa.
L-Ewropa tinsab f’għajnejn l-Ukreni kollha li qed jiġġieldu għal futur aħjar. U flimkien, nistgħu nirbħu din il-ġlieda. Flimkien, nistgħu nlestu l-Unjoni tagħna. Flimkien, nistgħu nlaqqgħu lill-Ukrajna fid-dar Ewropea komuni tagħna. Din hija l-ħolma tal-eroj tal-Ukrajna u tal-martri tal-Ukrajna. U hija l-ħolma tagħna wkoll. Flimkien aħna l-Ewropa.
L-Ukrajna tinġieb eqreb tal-UE
L-UE diġà qed taħdem biex tintegra gradwalment l-Ukrajna fis-suq uniku tagħha u tippermetti lill-Ukreni jibbenefikaw minn xi wħud mill-vantaġġi li jgawdu ċ-ċittadini Ewropej.
Il-kummerċ
L-UE u l-Ukrajna ilhom bi ftehim ta’ assoċjazzjoni mill-2014. Dan il-ftehim huwa l-għodda ewlenija biex l-Ukrajna u l-UE jitqarrbu lejn xulxin: jippromwovi rabtiet politiċi aktar profondi, rabtiet ekonomiċi aktar b’saħħithom, u rispett għall-valuri komuni.
Il-Ftehim jinkludi ż-żona ta’ kummerċ ħieles profonda u komprensiva (DCFTA, deep and comprehensive free trade area), li tagħti spinta lill-kummerċ bejn l-UE u l-Ukrajna billi gradwalment tnaqqas it-tariffi fuq l-oġġetti u s-servizzi. Jikkontribwixxi wkoll għall-integrazzjoni tal-Ukrajna fis-suq uniku billi jħeġġeġ lill-Ukrajna tallinja ruħha mal-istandards tal-UE. DCFTA aġġornat daħlet fis-seħħ f’Ottubru 2025. Dan se jgħin biex ikomplu jissaħħu l-flussi kummerċjali.
L-UE hija s-sieħeb kummerċjali ewlieni tal-Ukrajna, u fl-2024 kienet responsabbli għal aktar minn 50 % tal-kummerċ tagħha fil-merkanzija. Il-kummerċ totali fil-merkanzija bejn l-UE u l-Ukrajna laħaq € 67.2 biljun fl-2024, li jfisser li l-kummerċ fil-merkanzija żdied b’aktar mid-doppju mid-dħul fis-seħħ tad-DCFTA fl-2016.
Skopri aktar dwar il-kummerċ bejn l-UE u l-Ukrajna
L-integrazzjoni tas-suq uniku
L-Ukrajna ssieħbet fil-Programm tas-Suq Uniku fi Frar 2023. Il-parteċipazzjoni f’dan il-programm tippermetti lill-kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) Ukreni jiksbu appoġġ u jiksbu aċċess għas-swieq tal-UE.
Skopri aktar dwar l-appoġġ tal-UE għall-integrazzjoni tas-suq uniku tal-Ukrajna
Ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni
Ix-xjenzati Ukreni u ċ-ċittadini tal-Ukrajna jieħdu sehem fi programmi importanti tal-UE għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni permezz ta’ Orizzont Ewropa u Erasmus+.
F’Diċembru 2023, il-Kummissjoni fetħet uffiċċju ġdid tal-Orizzont Ewropa f’Kiev. Il-parteċipazzjoni tal-Ukrajna fl-Orizzont Ewropa u fil-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Euratom qed tgħin fil-preservazzjoni u t-trawwim tal-ekosistema tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Ukrajna.
L-UE ffinanzjat aktar minn 11,500 skambju bejn iċ-ċittadini tal-UE u dawk Ukreni permezz tal-programm Erasmus+ mill-2021 ’l hawn.
Skopri aktar dwar l-appoġġ tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Ukrajna
Il-konnettività
L-Ukrajna ilha assoċjata mal-programm tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa minn Ġunju 2023. Dan ippermetta lill-awtoritajiet u l-kumpaniji Ukreni japplikaw għal finanzjament mill-UE għat-trasport, l-enerġija, u l-proġetti diġitali ta’ interess komuni, u biex b’hekk tkompli tittejjeb il-konnettività tal-Ukrajna mal-ġirien tagħha tal-UE.
L-Ukrajna ssieħbet fiż-żona tar-roaming tal-UE fl-1 ta’ Jannar 2026. Iċ-ċittadini Ukreni li jivvjaġġaw lejn l-Istati Membri tal-UE issa jistgħu jużaw is-servizzi mobbli tagħhom mingħajr xkiel mingħajr ma jħallsu tariffi addizzjonali tar-roaming. L-istess japplika għaċ-ċittadini tal-UE li jużaw ir-roaming fl-Ukrajna.
Kultura
Minn mindu bdiet il-gwerra ’l hawn, l-UE impenjat €50 miljun biex tappoġġa s-setturi kulturali u kreattivi tal-Ukrajna.
Mill-2022 ’l hawn, Ewropa Kreattiva pprovdiet ’il fuq minn €7 miljun lil organizzazzjonijiet kulturali Ukreni u €700,000 f’għotjiet għall-mobbiltà tal-artisti u tal-professjonisti fil-qasam kulturali. Il-finanzjament jsostnu l-preservazzjoni tal-wirt kulturali u tar-rappreżentazzjonijiet artistiċi kemm fl-Ukrajna kif ukoll barra minnha.
Skopri aktar dwar l-appoġġ tal-UE għas-setturi kulturali u kreattivi tal-Ukrajna
Skeda taż-żmien
- 15 ta' Ġunju 2026
L-UE taqbel li tiftaħ l-ewwel ġabra ta’ negozjati tal-adeżjoni (Elementi fundamentali) mal-Ukrajna fit-tieni konferenza intergovernattiva.
- 30 ta’ Settembru 2025
L-Ukrajna tlesti l-proċess ta’ skrinjar tal-kapitoli ta’ negozjar mal-Kummissjoni Ewropea.
- 25 ta’ Ġunju 2024
L-UE tiftaħ formalment in-negozjati tal-adeżjoni mal-Ukrajna fl-ewwel konferenza intergovernattiva.
- 12 ta’ Marzu 2024
Il-Kummissjoni tippreżenta lill-Kunsill abbozz ta’ qafas għan-negozjati tal-adeżjoni tal-Ukrajna.
- 14 ta’ Diċembru 2023
Il-Kunsill Ewropew jiddeċiedi li jiftaħ negozjati ta’ adeżjoni mal-Ukrajna.
- 8 ta’ Novembru 2023
Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Kunsill jiftaħ in-negozjati tal-adeżjoni mal-Ukrajna.
- 23 ta’ Ġunju 2022
Il-Kunsill Ewropew jirrikonoxxi l-perspettiva Ewropea u jagħti l-istatus ta’ kandidat lill-Ukrajna.
- 17 ta’ Ġunju 2022
Il-Kummissjoni toħroġ l-opinjoni tagħha dwar l-applikazzjoni għal sħubija fl-UE.
- 28 ta’ Frar 2022
L-Ukrajna tapplika għal sħubija fl-UE.
Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 15 Ġunju 2026