Inwettqu l-wegħdiet tagħna
Biex nagħmlu l-ekonomija tagħna kompetittiva u adatta għas-seklu 21 , kellna l-għan li nmexxu ’l quddiem il-modernizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni tagħha. B’dan il-mod, nistgħu nibnu ekonomija li taħdem għan-nies u għan-negozji. Dan iġibilhom prosperità, iżda li b’mod li qatt ma jinsa li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali.
Il-pedament tal-politika ekonomika tagħna kien NextGenerationEU, il-pjan ta’ rkupru ta’ wara l-pandemija ta’ EUR 800 biljun li jinvesti, fost l-oħrajn, f’parks eoliċi lil hinn mill-kosta, ferroviji elettriċi, servizzi pubbliċi diġitali tal-ogħla livell u sptarijiet ta’ klassi dinjija. Ħeġġiġna lin-negozji jwettqu r-riformi tant meħtieġa permezz ta’ miżuri ta’ għajnuna mill-Istat u sawwarna l-politika kummerċjali tagħna f’waħda aktar sostenibbli u assertiva.
Appoġġajna l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, is-sinsla tal-ekonomija tal-Ewropa, biex nagħtu spinta lill-kompetittività tagħhom. B’mod kruċjali, iffukajna wkoll fuq il-kapital uman tagħna — fuq il-ħiliet u l-benesseri tal-ħaddiema tagħna — it-tnedija ta’ Patt għall-Ħiliet, biex il-ħaddiema jingħataw it-taħriġ li jeħtieġu biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tan-negozju. Barra minn hekk, stabbilixxejna regoli biex niżguraw paga ugwali u ntejbu l-paga minima.
Din hija l-Unjoni tagħna li tixpruna l-prosperità tal-Ewropa.
Wegħdiet miżmuma
L-irkupru ekonomiku u l-modernizzazzjoni
- In-NextGenerationEU, li tnieda f’Mejju 2020, qed jipprovdi aktar minn EUR 800 biljun biex jinvesti f’riformi u proġetti strateġiċi biex l-ekonomiji tagħna jsiru aktar ekoloġiċi, aktar diġitali, kompetittivi u reżiljenti.
Kummerċ u sigurtà ekonomika
- Qbilna dwar għadd rekord ta’ ftehimiet kummerċjali (42 ftehim preferenzjali ma’ 74 pajjiż) u stabbilixxejna 180 miżura għad-difiża tal-kummerċ sa tmiem l-2023, li jipproteġu kważi 500,000 impjieg Ewropew.
- Għamilna użu mingħajr preċedent mill-possibbiltajiet offruti mill-għodod tal-politika kummerċjali tagħna, li ppermettielna naħsdu l-benefiċċji tal-ftuħ ekonomiku filwaqt li nindirizzaw ir-riskji ta’ dinja dejjem aktar polarizzata.
- L-ewwel Strateġija Ewropea ta’ Sigurtà Ekonomika identifikat riskji ġodda għas-sigurtà ekonomika tagħna li tfaċċaw bħala riżultat ta’ tensjonijiet ġeopolitiċi li qed jiżdiedu u frammentazzjoni ġeoekonomika.
Il-governanza ekonomika
- Fi Frar 2024 intlaħaq qbil dwar l-aktar riforma komprensivad tar-regoli tal-governanza ekonomika mill-kriżi finanzjarja ’l hawn.
Għajnuna mill-Istat
- F’Marzu 2023 ġie adottat Qafas Temporanju ta’ Għajnuna mill-Istat għall-Kriżijiet u t-Tranżizzjoni, li approva kważi EUR 13-il biljun f’miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jitħaffef il-finanzjament għall-produzzjoni ta’ teknoloġija nadifa.
- Disa’ Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni ġew approvati bil-parteċipazzjoni ta’ 22 Stat Membru, fl-oqsma strateġiċi tal-batteriji, il-mikroelettronika, l-idroġenu u l-cloud computing.
Ħiliet, drittijiet tax-xogħol u protezzjoni soċjali
- Stabbilixxejna l-Patt għall-Ħiliet, biex nagħtu lill-ħaddiema t-taħriġ li jeħtieġu biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tan-negozju.
- Ipproponejna regoli biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq il-pjattaformi li fl-2021 offrew xogħol lil aktar minn 28 miljun persuna.
- Stabbilixxejna regoli dwar it-trasparenza fil-pagi, biex il-prinċipju bażiku li xogħol ugwali jistħoqqlu paga ugwali jsir realtà, irrispettivament minn jekk intix mara jew raġel.
- Introduċejna Garanzija għat-Tfal, sabiex il-familji fil-bżonn ikunu jistgħu jaffordjaw l-indukrar tat-tfal, u li l-ommijiet u l-missirijiet ikunu jistgħu jaħdmu u jkollhom familja.
- Id-Direttiva “Nisa fuq il-bordijiet” ġiet adottata, li tistabbilixxi mira li 40 % tad-diretturi mhux eżekuttivi f’kumpaniji elenkati jkunu nisa.
Finanzi sostenibbli
- Ir-Regolament dwar it-Tassonomija tal-UE — sistema ta’ klassifikazzjoni ta’ attivitajiet ekonomiċi sostenibbli — ġie żviluppat biex jinkludi madwar 150 attività ekonomika, li jkopru madwar żewġ terzi tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Ewropa.
- L-Istandard tal-Bonds Ekoloġiċi daħal fis-seħħ f’Diċembru 2023, u żgura li l-investituri jkunu jistgħu jafdaw li l-investimenti tagħhom ikunu sostenibbli.
- Id-Direttiva dwar ir-Rappurtar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà, li daħlet fis-seħħ fil-bidu tal-2023, tippermetti lill-investituri jaċċessaw l-informazzjoni li jeħtieġu biex jifhmu l-impatt fuq is-sostenibbiltà tal-kumpaniji li jinvestu fihom.
Finanzi diġitali
- Minn Ġunju 2023, ir-Regolament dwar is-Swieq fil-Kriptoassi jġib il-kriptoassi u l-fornituri tas-servizzi tagħhom taħt regolamentazzjoni u superviżjoni.
- L-Att dwar ir-Reżiljenza Operazzjonali Diġitali, fis-seħħ minn Jannar tal-2023, iqawwi ċ-ċibersigurtà tas-settur finanzjarju fl-Ewropa u jara li dan ikun jista’ jkompli jiffunzjona f’kull ħin f’każ ta’ tfixkil operazzjonali.
- Il-Kummissjoni ressqet regoli ġodda għall-pagamenti istantanji bl-euro, adottati mill-koleġiżlaturi fi Frar 2024.
- Adottajna proposti għal euro diġitali futur possibbli u s-salvagwardja tal-valuta legali tal-flus kontanti.
It-tassazzjoni globali
- Ħdimna mal-Istati Membri biex niżguraw l-adozzjoni tad-Direttiva li tippromulga rata tat-taxxa effettiva minima għall-kumpaniji multinazzjonali.
- Ipproponejna n-“Negozju fl-Ewropa: Qafas għat-Tassazzjoni tal-Introjtu”, li se jagħmel il-ħajja aktar faċli kemm għan-negozji l-kbar kif ukoll għall-awtoritajiet tat-taxxa billi jintroduċi sett uniku ġdid ta’ regoli biex tiġi ddeterminata l-bażi għat-taxxa ta’ gruppi ta’ kumpaniji.
- Ipproponejna l-ħolqien ta’ Sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali għall-SMEs biex tagħmilha aktar faċli għall-SMEs li jikkalkulaw u jħallsu t-taxxi meta joperaw bejn il-fruntieri fis-suq uniku.
L-Unjoni Doganali
- Il-Kummissjoni von der Leyen ressqet l-aktar riforma ambizzjuża u komprensiva tal-Unjoni Doganali tal-UE mit-twaqqif tagħha fl-1968.
Oqsma ta' politika
L-iżgurar tal-moviment liberu tal-merkanzija, tas-servizzi, tal-kapital u tal-persuni fl-UE
Nibnu ekonomija soċjali b’saħħitha li tkun ġusta, inklużiva, u li twieġeb għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini kollha tal-UE
Pjan li jillibera l-fondi għat-tkabbir ekonomiku tal-Ewropa
Appoġġ għall-intrapriżi matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom
Pont għall-impjiegi għall-ġenerazzjoni li jmiss
L-iżgurar li r-riżorsi tal-Istat ma jintużawx biex ifixklu l-kompetizzjoni fis-suq uniku
Il-preservazzjoni tal-istabbiltà finanzjarja fl-UE, billi jiġu protetti dawk li jfaddlu u l-investituri
Tbassir makroekonomiku għall-UE u l-Istati Membri tagħha
Iċ-ċiklu annwali tal-UE għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika
