Liġijiet ġodda jindirizzaw ħtieġa urġenti
L-użu mhux sostenibbli tar-riżorsi naturali, b’mod partikolari t-tnawwir u t-tniġġis tal-ħamrija, hu kaġun ewlieni tal-kriżijiet tal-klima u tal-bijodiversità. Dan diġà sewa eluf ta’ ħajjiet u biljuni ta’ ewro.
In-nixfiet, in-nirien fil-foresti, l-iskarsezza tal-ilma u r-riskji tal-għargħar qed jiżdiedu malajr, u diġà qed jaffettwaw traġikament lil tliet kwarti tal-pajjiżi Ewropej.

It-telf tar-rendimenti minħabba tnawwir ambjentali, tniġġis, nixfiet, mewġiet tas-sħana, għargħar u pesti ġodda qed iħalli danni fuq il-bdiewa u s-sajjieda. Iżda dawn qed iħallsu għalihom ukoll iċ-ċittadini biż-żidiet fil-prezzijiet tal-ikel.
Il-Kummissjoni Ewropea daħħlet miżuri li l-benefiċċji ekonomiċi, soċjali, tas-saħħa u ambjentali fit-tul tagħhom qed jiżguraw l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali.
Il-ħamrija hi riżorsa naturali kruċjali, ħajja u essenzjali għall-ambjent, l-ekonomija u s-soċjetà. Hi riżorsa naturali li mhijiex rinovabbli, u li fiha jgħixu mijiet ta’ eluf ta’ speċijiet li jinteraġixxu u jaħdmu flimkien. Il-ħamrija tipprovdi ħemel ta’ servizzi tal-ekosistema li fuqhom niddependu biex nevitaw id-diżastri, intaffu t-tibdil fil-klima u niżguraw is-sigurtà tal-ikel.
Bil-liġi l-ġdida dwar il-monitoraġġ tal-ħamrija, l-UE qabbdet it-triq lejn ħamrija b’saħħitha sal-2050, billi:
- teżiġi l-pajjiżi tal-UE jimmonitorjaw u jassessjaw is-saħħa tal-ħamrija,
- twieżen lill-bdiewa u lill-amministraturi tal-ħamrija biex itejbu s-saħħa u r-reżiljenza tal-ħamrija,
- timplimenta soluzzjoni għas-siti li ilhom żmien twil ikkontaminati, u
- iżżid l-għarfien dwar is-saħħa tal-ħamrija.
Bosta teknoloġiji ġodda jistgħu jgħinuna nsaħħu r-reżiljenza tal-art agrikola u tal-art tal-foresti u jipproteġu l-ħsad mill-effetti tat-tibdil fil-klima, mit-telf tal-bijodiversità u mit-tnawwir ambjentali. L-hekk imsejħa Tekniki Ġenomiċi Ġodda (NGT) huma għodod innovattivi li jgħinuna nżidu s-sostenibbiltà u r-reżiljenza tas-sistema tal-ikel tagħna.
Jgħinuna niżviluppaw varjetajiet ta’ pjanti aħjar li jifilħu għall-klima, li jifilħu għall-pesti, li jeħtieġu anqas fertilizzanti u pestiċidi, u li jiżguraw aktar rendimenti. Jgħinuna nnaqqsu l-użu u r-riskji tal-pestiċidi kimiċi bin-nofs, u nnaqqsu d-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet agrikoli.
X’inhuma t-Tekniki Ġenomiċi Ġodda?
L-NGTs huma tekniki li jistgħu jgħinuna nnisslu varjetajiet ġodda ta’ pjanti aktar malajr, u bi preċiżjoni akbar mit-tekniki klassiċi tat-tnissil, bħal pereżempju l-għażla taż-żrieragħ jew it-tnissil inkroċjat. L-NGTs jistgħu jipproduċu diversità wiesgħa ta’ prodotti tal-pjanti. F’dawn il-pjanti jistgħu jsiru bidliet żgħar li saħansitra jkunu jistgħu jsiru fin-natura jew bit-tnissil klassiku, jew jistgħu jsiru modifiki aktar kumplessi.
Ir-regoli l-ġodda li daħlu fis-seħħ f’Ġunju 2026 qed jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent, u qed jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà f’firxa wiesgħa ta’ speċijiet tal-pjanti, filwaqt li qed joħolqu opportunitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni.
Ir-regoli:
- jistabbilixxu żewġ kategoriji tal-pjanti miksuba bl-NGTs – pjanti komparabbli ma’ varjazzjonijiet li jsiru b’modi naturali u pjanti b’modifiki aktar kumplessi,
- inaqqsu l-piż amministrattiv għan-nissiela u għall-bdiewa,
- jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa u l-ambjent,
- jipprevedu monitoraġġ sod tal-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali tal-prodotti bl-NGT.
Intejbu l-materjal riproduttiv tal-pjanti u tal-foresti
Is-settur Ewropew taż-żrieragħ hu l-akbar esportatur fis-suq dinji taż-żrieragħ.
Il-materjal riproduttiv tal-pjanti jintuża għar-riproduzzjoni ta’ pjanti oħra (żrieragħ, tirqid, għeruq u tuberi, eċċ.). Il-materjal riproduttiv tal-foresti (FRM) min-naħa l-oħra jirreferi għal żrieragħ, pjanti u partijiet ta’ speċijiet tas-siġar li jintużaw biex joħolqu foresti u jħawlu s-siġar. Hu importanti li l-leġiżlazzjoni tkun tlaħħaq mal-evoluzzjoni tax-xjenza.

Ir-regoli l-ġodda adottati f’Ġunju 2026 se:
- jiżguraw il-kwalità u d-disponibbiltà tal-FRM,
- jiżguraw foresti b’saħħithom u li jitħawlu s-siġar it-tajbin fil-postijiet it-tajbin bl-iskop it-tajjeb,
- jibnu settur tal-FRM sostenibbli u innovattiv li jappoġġa l-bijodiversità u jgħinna naffaċċjaw l-isfidi futuri,
- jiggarantixxu l-kwalità u s-saħħa tal-FRM.
Aktar informazzjoni dwar il-materjali riproduttivi tal-pjanti u tal-foresti
Innaqqsu l-ħela tal-ikel u l-iskart tat-tessuti
It-tnaqqis tal-ħela tal-ikel u tat-tessuti jista’ jgħin għal użu aktar effiċjenti tar-riżorsi naturali u jkompli jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta’ dawn is-setturi.
Nindirizzaw il-ħela tal-ikel
L-UE u l-Istati Membri tagħha jistinkaw favur l-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli (SDG) tan-Nazzjonijiet Uniti biex sal-2030 inaqqsu bin-nofs il-ħela tal-ikel dinji għal kull ras fil-livell tal-bejgħ fil-ħwienet u tal-konsumaturi. Biex iħaffu l-progress tal-UE, ir-regoli l-ġodda tal-UE li daħlu f’Settembru 2025 jeżiġu li l-pajjiżi tal-UE jnaqqsu l-ħela tal-ikel:
- b’10% waqt l-ipproċessar u l-manifattura,
- bi 30% għal kull ras waqt il-bejgħ fil-ħwienet, fir-ristoranti, fis-servizzi tal-ikel u fid-djar.
Jekk nindirizzaw il-ħela tal-ikel inkunu qed niffrankaw l-ikel li jikkonsma l-bniedem, ngħinu lin-negozji u lill-konsumaturi jiffrankaw il-flus, u nnaqqsu l-impatt ambjentali tal-produzzjoni u l-konsum tal-ikel.
Tessuti sostenibbli u ċirkolari
Il-konsum Ewropew tat-tessuti għandu r-raba’ l-akbar impatt fuq l-ambjent u fuq it-tibdil fil-klima, wara l-ikel, l-akkomodazzjoni u l-mobbiltà. Hu wkoll waħda mit-tliet pressjonijiet ewlenin fuq l-użu tal-ilma u tal-art, u wieħed mill-ewwel ħamsa mil-lat ta’ użu tal-materja prima u emissjonijiet tal-gassijiet serra.

Biex jonqos l-iskart tat-tessuti, f’Settembru 2025 daħlu fis-seħħ regoli ġodda li jagħmlu lill-produtturi responsabbli għaċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-prodotti tat-tessuti u li jappoġġaw l-immaniġġjar sostenibbli tal-iskart tat-tessuti madwar l-UE billi:
- jintroduċu skemi obbligatorji u armonizzati ta’ Responsabbiltà Estiża tal-Produttur (EPR) għat-tessuti fil-pajjiżi kollha tal-UE, u l-produtturi jagħmlu tajjeb għall-immaniġġjar tal-iskart tat-tessuti, u
- idaħħlu distinzjoni uniformi bejn l-iskart u t-tessuti użati – il-pajjiżi jridu jiżguraw li jsir issortjar tat-tessuti miġbura b’mod separat ħalli jkun evitat li l-iskart jiġi tikkettat b’mod falz li jista’ jerġa’ jintuża.
Iż-żieda fid-disponibbiltà tat-tessuti użati mistennija toħloq impjiegi lokali u tiffranka l-flus lill-konsumaturi fl-UE u lil hinn, filwaqt li ttaffi l-impatti tal-produzzjoni tat-tessuti fuq ir-riżorsi naturali.
Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 8 Lulju 2026