Tipi ta’ finanzjament
Hemm tipi differenti ta’ finanzjament: għotjiet, strumenti finanzjarji (self, garanziji u ekwità), sussidji, premjijiet u akkwisti ta’ fondi fiduċjarji (kuntratti pubbliċi). Ir-regoli ta’ implimentazzjoni għat-tipi kollha ta’ finanzjament huma rregolati mir-Regolament Finanzjarju.
Għotjiet
L-għotjiet huma kontribuzzjonijiet finanzjarji diretti mill-baġit tal-Unjoni Ewropea mogħtijin permezz ta’ donazzjoni lill-benefiċjarji terzi (normalment organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ) involuti f’attivitajiet li jaqdu l-politiki tal-UE. Din in-nefqa hi soġġetta l-aktar għal immaniġġjar iċċentralizzat mill-Kummissjoni Ewropea, jew direttament mid-dipartimenti tagħha stess jew indirettament permezz ta’ aġenziji tal-UE, aġenziji eżekuttivi jew aġenziji nazzjonali.
L-għotjiet jirrappreżentaw parti kbira min-nefqa tal-Unjoni Ewropea u jaqgħu f’żewġ kategoriji wesgħin:
- għotjiet li jiffinanzjaw azzjonijiet maħsubin biex jgħinu fil-kisba ta’ objettiv li jifforma parti minn politika tal-UE
- għotjiet operattivi li jiffinanzjaw in-nefqa operattiva ta’ korp li jsegwi għan ta’ interess Ewropew ġenerali jew objettiv li jifforma parti minn politika tal-UE
L-għotjiet huma bbażati fuq l-ispejjeż effettivament imġarrbin mill-benefiċjarji għat-twettiq tal-attivitajiet inkwistjoni, u r-riżultati tal-azzjoni jibqgħu l-proprjetà tal-benefiċjarji.
Strumenti finanzjarji
L-istrumenti finanzjarji huma miżuri ta’ appoġġ finanzjarju pprovdut fuq bażi komplementari mill-baġit sabiex jiġu indirizzati l-objettivi ta’ politika speċifiċi tal-Unjoni Ewropea.
Dawn l-istrumenti jistgħu jieħdu l-forma ta' investimenti ta' ekwità jew kważi ekwità, self jew garanziji, jew strumenti oħra għall-kondiviżjoni tar-riskji, u jistgħu, fejn xieraq, jiġu kkombinati mal-għotjiet. L-istrumenti finanzjarji jistgħu jiksbu:
- ingranaġġ finanzjarju - multiplikazzjoni ta’ riżorsi baġitarji skarsi billi jiġu attirati fondi privati u pubbliċi biex jappoġġjaw l-objettivi tal-politika tal-UE
- ingranaġġ tal-politika - l-inċentivar tal-entitajiet fdati u tal-intermedjarji finanzjarji biex isegwu l-objettivi tal-politika tal-UE permezz tal-allineament tal-interess
- ingranaġġ istituzzjonali - benefiċċju mill-għarfien espert tal-atturi involuti fil-katina tal-implimentazzjoni
Barra minn hekk, dawn l-istrumenti, implimentati fi sħubija ma’ istituzzjonijiet pubbliċi u privati, jindirizzaw il-fallimenti tas-suq fil-provvista ta’ finanzjament estern (pereżempju għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, jew SMEs) u jevitaw kwalunkwe esklużjoni tal-finanzjament privat.
Fondi fiduċjarji
Fond fiduċjarju hu mekkaniżmu ta’ finanzjament kollettiv, li fih diversi donaturi jiffinanzjaw azzjoni b’mod konġunt abbażi ta’ objettivi u formati ta’ rappurtar maqbulin b’mod komuni. Kull fond fiduċjarju tal-UE għandu l-bord ta’ tmexxija tiegħu stess, li jiddeċiedi dwar l-użu tar-riżorsi miġburin flimkien. Fond fiduċjarju tal-UE jaġixxi b’mod kollettiv f’isem l-UE u l-kontributuri kollha għall-finanzjament tiegħu.
Hemm informazzjoni disponibbli dwar il-fondi fiduċjarji eżistenti tal-UE u l-allokazzjoni tal-fondi.
Premjijiet
Premju hu kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija bħala premju wara kompetizzjoni. Permezz ta’ premjijiet, l-istituzzjonijiet tal-UE
- jirrikonoxxu l-ħidma u l-kisbiet eċċellenti
- iħeġġu l-investiment - il-premjijiet ta’ inċentiv huma maħsubin biex jixprunaw l-investiment f’direzzjoni partikolari u jintużaw prinċipalment mill-programm Orizzont Ewropa
Sussidji
Is-sussidji huma parti kbira mill-finanzjament ipprovdut mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), u joffru, fost affarijiet oħra, pagamenti diretti fi flus lill-bdiewa sabiex ikunu jistgħu jsaħħu l-introjtu tagħhom. Is-sussidji għandhom l-għan ukoll li jnaqqsu d-disparità ekonomika u soċjali fl-ifqar reġjuni tal-UE. Permezz tal-Fond ta’ Koeżjoni tal-UE, is-sussidji jingħataw biex jgħinu l-ħlas ta’ proġetti ta’ infrastruttura u l-ħarsien tal-ambjent.
Kuntratti ta’ akkwist pubbliku
L-akkwist pubbliku hu x-xiri ta’ servizzi, provvisti jew xogħlijiet minn awtorità kontraenti (Istituzzjoni tal-UE jew amministrazzjoni lokali fl-Istat Membru) permezz ta’ kuntratt pubbliku.
Bħala regola ġenerali, kuntratt pubbliku hu evidentement differenti minn għotja:
- fil-każ ta’ kuntratt, l-awtorità kontraenti tikseb prodott jew servizz li teħtieġ bi ħlas
- fil-każ ta’ għotja tagħmel kontribuzzjoni jew għal proġett imwettaq minn organizzazzjoni esterna jew direttament lil dik l-organizzazzjoni minħabba li l-attivitajiet tagħha jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-politika tal-UE
Jekk qed tfittex għal kuntratti ta’ akkwist pubbliku, jekk jogħġbok ara l-opportunitajiet ta’ offerti
Sib sħab għal proġetti
Il-biċċa l-kbira tal-proġetti ffinanzjati mill-UE jinvolvu kollaborazzjoni bejn organizzazzjonijiet minn pajjiżi differenti tal-UE jew pajjiżi assoċjati. Numru ta’ servizzi ta’ tiftix huma disponibbli għat-tiftix ta’ sħab adatti.
Min jista’ jkun sieħeb?
Kwalunkwe kumpanija, organizzazzjoni jew organizzazzjoni mhux governattiva tista’ tkun sieħeb, irrispettivament minn fejn huma bbażati, sakemm dawn ikunu finanzjarjament vijabbli u kkwalifikati biex iwettqu l-kompiti speċifikati fil-proposta tal-proġett.
Madankollu, għandu jkun hemm prova ta’ vijabbiltà finanzjarja u operattiva li l-kompiti tal-proġett fil-proposta jistgħu jitwettqu.
Tiftix għal sieħeb
Kull applikant hu liberu li jsib is-sħab tiegħu, iżda hemm diversi servizzi ta’ tiftix ta’ sħab li jistgħu jgħinuk issib organizzazzjonijiet li jixtiequ jipparteċipaw fil-proposti, jew tippubblika l-offerti ta’ kollaborazzjoni tiegħek stess.
Il-Portal tal-Opportunitajiet ta’ Finanzjament u Offerti jkopri programmi implimentati taħt immaniġġjar dirett. L-għodda ta’ tiftix tas-sieħeb tgħinek issib sħab għall-proġett tiegħek fost il-bosta parteċipanti ta’ proġetti tal-UE tal-imgħoddi. Se tkun tista’ tagħżel organizzazzjoni abbażi tal-profil jew tal-parteċipazzjoni preċedenti tagħha.
Tista’ ssib ukoll sħab meta twieġeb għal proċedura ta’ akkwist bħala konsorzju. Aktar informazzjoni dwarhom it-tnejn hi disponibbli taħt Kif tipparteċipa.
Skont il-programm ta’ finanzjament ikkonċernat, il-punti ta’ kuntatt nazzjonali jipprovdu wkoll servizzi ta’ tiftix għal sħab, li joffru profili ddettaljati tas-sħab u talbiet ta’ sħubija attivi.
Informazzjoni u servizzi li jgħinu biex jinstabu sħab jeżistu dwar firxa ta’ suġġetti, inklużi:
- Tiftix ta’ Sieħeb Idealist - prinċipalment, iżda mhux limitat għal, teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni
- Bażi tad-data tal-Opportunitajiet ta’ Kooperazzjoni tan-Network Enterprise Europe - tinkludi profili ta’ innovazzjoni u teknoloġija minn kumpaniji internazzjonali u organizzazzjonijiet ta’ riċerka
- Manwal online - gwida biex jinstabu sħab
- Sħab fl-edukazzjoni - isib sħab għal opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE fl-edukazzjoni
- Politika Ewropea tal-viċinat - informazzjoni dwar ir-riċevituri tal-finanzjament għall-politika tal-viċinat (ara t-tiftixiet tas-sħab)
- Network Enterprise Europe - jgħinek tikkonnettja ma’ sħab internazzjonali
- Organizzazzjonijiet taħt immaniġġjar indirett - skopri dwar il-ħidma ma’ organizzazzjoni sieħba taħt immaniġġjar indirett