Il-kuntest
L-UE hija mibnija fuq id-drittijiet fundamentali, id-demokrazija, u l-istat tad-dritt. L-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jipprevedi li “L-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel”.
Dawn il-valuri huma marbutin mill-qrib u jiggwidaw l-azzjoni interna u esterna tal-UE.
L-azzjoni tal-UE f’dan il-qasam hija bbażata fuq it-Trattati tal-UE u fuq il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, li għandha l-istess valur bħat-Trattati. Fil-Karta hemm imnaqqxin id-drittijiet fundamentali li jgawdu n-nies fl-UE. Hija strument modern u komprensiv li jipproteġi u jippromwovi d-drittijiet u l-libertajiet tan-nies fid-dawl tal-bidliet fis-soċjetà, il-progress soċjali, u l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi.
Il-Karta tapplika flimkien ma’ sistemi nazzjonali u internazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, inkluża l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.
Xi tkopri
Il-Karta fiha drittijiet u libertajiet imqassmin taħt sitt titoli:
- id-dinjità
- il-libertajiet
- l-ugwaljanza
- is-solidarjetà
- id-drittijiet taċ-ċittadini
- il-ġustizzja
Il-Karta saret legalment vinkolanti fuq l-UE bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona, f’Diċembru 2009.
Biex tirrifletti s-soċjetà moderna, il-Karta tinkludi d-drittijiet fundamentali tat-“tielet ġenerazzjoni”, inklużi:
- il-protezzjoni tad-data
- il-garanziji dwar il-bijoetika
- amministrazzjoni trasparenti
Id-drittijiet tat-tfal
Il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal huma żewġ objettivi ewlenin tal-UE li t-Trattat ta’ Liżbona poġġa aktar enfasi fuqhom.
Bil-fatt li mnaqqxin fiha hemm id-drittijiet tat-tfal, il-Karta:
-
tirrikonoxxi li l-politiki tal-UE li, direttament jew indirettament, jaffettwaw lit-tfal għandhom jitfasslu, jitwettqu, u jiġu mmonitorjati skont il-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal
-
tiggarantixxi d-dritt għal tali protezzjoni u indukrar kif ikun meħtieġ għall-benesseri tat-tfal
-
tirrikonoxxi l-ħtieġa li t-tfal jiġu protetti mill-abbuż, min-negliġenza, u minn ksur ta’ drittijiethom, u minn sitwazzjonijiet li jipperikolaw il-benesseri tagħhom
F’konformità mal-implimentazzjoni tal-Karta, il-Kummissjoni Ewropea qed tippromwovi l-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija u l-omofobija, u l-protezzjoni ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi.
Il-Konvenzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem
Il-Karta hija konsistenti mal-konvenzjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem. Meta l-Karta jkun fiha drittijiet li jirriżultaw minn din il-konvenzjoni, it-tifsira u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom ikunu l-istess
Il-Karta ssaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali billi tagħmel dawk id-drittijiet aktar viżibbli u aktar espliċiti għaċ-ċittadini.
Fl-2010, il-Kummissjoni Ewropea adottat strateġija biex timmonitorja u tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tad-drittijiet u l-libertajiet li hemm fil-Karta.