Il-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima
It-30 Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (COP30) saret bejn l-10 u l-21 ta’ Novembru 2025, f’Belém, il-Brażil.
Fl-10 anniversarju tal-Ftehim ta’ Pariġi, il-konferenza tal-COP 30 laqqgħet il-Partijiet (il-pajjiżi u l-organizzazzjonijiet reġjonali li ssieħbu fil-Konvenzjoni tan-NU dwar il-klima) flimkien biex jintensifikaw l-isforzi globali ħalli jillimitaw iż-żieda fit-temperatura globali.
Il-konferenza kienet ukoll opportunità biex il-Partijiet jippreżentaw pjanijiet klimatiċi ġodda jew aġġornati, magħrufa bħala Kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali (NCDs, Nationally Determined Contributions), li jiddeskrivu l-isforzi nazzjonali biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima, u jivvalutaw il-progress fl-impenji finanzjarji li ħadu fil-COP29.

Riżultati ewlenin
Fil-COP30, l-UE ħeġġet lill-komunità internazzjonali biex tistinka għal azzjoni aktar qalbiena ħalli jitnaqqsu l-emissjonijiet u jsir adattament għall-impatt tal-kriżi klimatika.
Filwaqt li l-għan tagħha kien li tiżdied l-ambizzjoni, l-UE
- rnexxielha tilħaq ftehim dwar reazzjoni globali biex il-limitu ta’ 1.5C jibqa’ fattibbli
- preżentat kontribut ambizzjuż stabbilit fil-livell nazzjonali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra bejn 66.25 % u 72.5 % taħt il-livelli tal-1990 sal-2035
- appellat biex sal-2035 jittripplikaw il-finanzi għall-adattament skont l-impenji tal-għan kollettiv ġdid kwantifikat dwar il-finanzjament għall-klima (NCQG, New Collective Quantified Goal) maqbula fil-COP29
- qablet ma’ dikjarazzjoni biex jissaħħaħ ir-rikonoxximent tal-ipprezzar tal-karbonju u l-mekkaniżmi tas-suq bħala għodod ewlenin ħalli l-azzjoni klimatika tavvanza globalment
- appoġġat mekkaniżmu ta’ finanzjament innovattiv globali li jippremja l-konservazzjoni tal-foresti tropikali
- tenniet l-impenn tagħha li żżomm kelmitha dwar il-wegħdiet globali li titbiegħed mill-fjuwils fossili, tittripplika l-kapaċità installata tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, u tirdoppja r-rata globali tat-titjib fl-effiċjenza enerġetika sal-2030, kif maqbul fil-COP28
L-azzjoni klimatika interna tal-UE
L-UE għadha fi triqitha biex tilħaq l-għanijiet klimatiċi tagħha.
Il-Kummissjoni pproponiet emenda tal-Liġi tal-UE dwar il-Klima li bħala mira klimatika għall-2040, tistabbilixxi tnaqqis ta’ 90 % (mira domestika ta’ 85 % u sa 5 % tal-krediti internazzjonali tal-karbonju) fl-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra, meta mqabbla mal-livelli tal-1990.
Bħala parti mill-mixja għall-2040, l-UE qablet dwar Kontribut stabbilit fil-livell nazzjonali u ppreżentatu lill-Konvenzjoni qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tibdil fil-klima (UNFCCC). L-NDC għandu jnaqqas l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra bejn 66.25 % u 72.5 % taħt il-livelli tal-1990 sal-2035.
Iż-żewġ miri jibbażaw fuq l-objettiv eżistenti li jitnaqqsu l-emissjonijiet netti b’mill-inqas 55 % sal-2030 u jirrappreżentaw pass intermedju ’l quddiem lejn l-impenn ġenerali tal-UE biex tikseb in-newtralità klimatika sal-2050.
Il-Kummissjoni ppreżentat il-Patt għal Industrija Nadifa. Dan pjan li jiddeskrivi azzjonijiet konkreti biex id-dekarbonizzazzjoni ssir strument ewlieni ta’ tkabbir għall-industriji Ewropej.
Barra minn hekk, il-baġit fit-tul il-ġdid tal-UE għall-2028–2034 għandu jsaħħaħ l-investimenti biex jiġu appoġġati l-kumpaniji innovattivi u jinżamm ir-rwol ewlieni tal-Ewropa fis-setturi tat-teknoloġija nadifa u ċ-ċirkolarità.
Il-kontribut tal-UE għall-finanzjament globali għall-klima
L-UE qed tkompli tappoġġa lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz ta’ finanzjament, sħubijiet, u kummerċ u investiment ibbażati fuq ir-regoli biex tippromwovi tranżizzjoni nadifa li ma tinsa lil ħadd.
L-UE għadha l-akbar donatur tal-finanzjament għall-klima fid-dinja. Fl-2024, l-Unjoni Ewropea u s-27 Stat Membru tagħha taw €31.7 biljun f’finanzjament għall-klima mis-sorsi pubbliċi u mmobilizzaw ammont addizzjonali ta’ €11-il biljun f’finanzjament privat biex jappoġġaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw ħalli jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom u jadattaw għall-impatti tat-tibdil fil-klima.
F’Jannar 2025, l-UE nediet il-Forum globali dwar it-tranżizzjoni tal-enerġija. Dan ilaqqa’ flimkien sħab mid-dinja kollha biex jinkisbu l-miri klimatiċi ambizzjużi u l-pajjiżi li qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi akbar jingħataw appoġġ fit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa.
L-approċċ tal-UE għall-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli jkompli jappoġġa l-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi terzi billi jżid l-impenji vinkolanti fil-ftehimiet kummerċjali l-ġodda biex jitħares il-Ftehim ta’ Pariġi.

Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 24 Novembru 2025