Il-kisbiet ewlenin
Matul l-aħħar sena, ksibna ħafna billi ħdimna flimkien. Urejna reżiljenza, aġilità, u viżjoni biex niggarantixxu l-prosperità tal-Ewropa billi
- tajna spinta lill-indipendenza enerġetika tagħna permezz tar-REPowerEU u ġġilidna l-gwerra tal-enerġija li r-Russja qed tagħmel kontra l-ekonomija tal-UE
- aċċellerajna t-tranżizzjoni ekoloġika
- saħħaħna l-pożizzjoni tal-UE fit-tellieqa lejn emissjonijiet żero netti permezz tal-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku
- sawwarna trasformazzjoni diġitali ċċentrata fuq il-bniedem fl-Ewropa
- ippromwovejna l-valuri u l-interessi Ewropej permezz tal-investimenti tal-Global Gateway fid-dinja kollha
- saħħaħna s-Suq Uniku u l-ekonomija soċjali tas-suq tagħna
- tajna spinta lill-kompetittività tagħna bl-appoġġ tan-NextGenerationEU

Ksibna mill-ġdid l-indipendenza enerġetika tagħna
Ir-Russja għamlet gwerra mhux biss kontra l-Ukrajna iżda wkoll kontra l-ekonomija tal-Ewropa billi użat il-provvisti tal-enerġija bħala arma. Permezz tar-REPowerEU, qed intemmu d-dipendenza tagħna fuq il-fjuwils fossili Russi u nerġgħu niksbu u niżguraw l-indipendenza enerġetika sostenibbli u fit-tul tal-Ewropa.
Dan kien sforz komuni Ewropew. L-Istati Membri kkoperaw biex jiżguraw li kull pajjiż ikollu provvista adegwata ta’ gass, filwaqt li l-UE ħadmet biex tiddiversifika l-provvista tal-enerġija tagħha bi prezzijiet raġonevoli.
Verżjoni bil-kliem biss
- Fl-ewwel tmien xhur tal-gwerra ġew sostitwiti 70 biljun metru kubu ta’ gass mill-pipelines Russi
- Waqqafna l-importazzjonijiet tal-faħam Russu u naqqasna l-importazzjonijiet taż-żejt Russu
- Użajna l-kapaċità tal-ħżin tal-gass fl-Ewropa u qbiżna l-95%, u b’hekk ilħaqna livelli rekord
- Bejn Awwissu 2022 u Marzu 2023 iffrankajna l-enerġija u naqqasna l-konsum tal-gass tagħna bi 18%
Il-Pjattaforma tal-UE għax-Xiri tal-Enerġija
Il-Kummissjoni stabbiliet ukoll il-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE biex torganizza l-ewwel xiri konġunt tal-gass għall-Istati Membri, flimkien mal-Georgia, il-Moldova, l-Ukrajna, u l-pajjiżi fil-Balkani tal-Punent. Dan ix-xiri konġunt ippermettielna, għall-ewwel darba, nużaw il-piż politiku u tas-suq kollettiv tagħna biex namplifikaw l-influwenza tan-negozjar tagħna u niggarantixxu l-provvista tal-gass u tal-LNG billi jkollna domanda waħda komuni u nattiraw lill-fornituri.
Naċċelleraw it-tranżizzjoni ekoloġika u l-protezzjoni tan-natura
Bħala pilastru ewlieni tar-REPowerEU, l-enerġija rinnovabbli rat progress sinifikanti matul il-kriżi tal-enerġija, bl-użu addizzjonali tal-enerġija rinnovabbli jirdoppja madwar l-UE fl-2022.
L-Istrateġija tagħna dwar l-Enerġija Solari hija ppreparata biex taċċellera saħansitra aktar l-użu tal-enerġija fotovoltajka, filwaqt li l-UE qiegħda fuq quddiem fl-iżvilupp ta’ ekonomija globali tal-idroġenu, b’Pakkett tad-Dekarbonizzazzjoni tal-Idroġenu u tal-Gass li qed jiġi ppreparat.

Verżjoni bil-kliem biss
- Aktar elettriku prodott mir-riħ u mix-xemx milli mill-gass fl-2022
- Kważi erba’ darbiet aktar enerġija mill-installazzjonijiet fotovoltajċi solari sal-2030
Biex jinżamm il-pass fit-tellieqa lejn emissjonijiet żero netti u biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija tal-UE, fl-1 ta’ Frar 2023 il-Kummissjoni żvelat il-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku.
F’Marzu, ġew introdotti tliet inizjattivi ewlenin li jappoġġjaw il-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku
F’Ġunju 2023 f’Narva, l-Estonja, beda l-ewwel proġett tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta: impjant ġdid għar-raffinar tal-kalamiti tal-materjali tal-art rari għall-vetturi elettriċi, l-ewwel faċilità bħal din barra mill-Asja. Huwa wkoll konnessa ma’ minjiera ġdida fi Greenland, u dan jagħmilha l-ewwel katina ta’ provvista Ewropea mill-minjiera għar-raffinerija.
Komplejna wkoll niġġieldu biex nirrestawraw in-natura fl-Unjoni Ewropea bil-Liġi dwar ir-Restawr tan-Natura proposta reċentement u bil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero. Sadanittant, adottajna leġiżlazzjoni biex ma jkollniex prodotti mhux sostenibbli fuq l-ixkafef tas-supermarkets tagħna bil-liġi tal-UE dwar id-deforestazzjoni, u għamilna progress fl-ilħuq tal-objettivi tagħna tal-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55%”.
Naturalment, din it-tranżizzjoni se jkollha impatt fuq il-bdiewa u fuq il-komunitajiet rurali. Il-Politika Agrikola Komuni (PAK) 2023-27, li daħlet fis-seħħ fil-bidu tas-sena, se tappoġġja lill-bdiewa fil-produzzjoni ta’ ikel sikur, ta’ kwalità, u sostenibbli, filwaqt li tippreserva wkoll il-vitalità u d-diversità tal-komunitajiet rurali.
Nagħmlu d-Deċennju Diġitali tal-Ewropa realtà
L-innovazzjoni diġitali qiegħda ssawwar mill-ġdid l-ekonomija tagħna b’ritmu mgħaġġel, u l-UE qed iżżomm il-pass. Ir-rivoluzzjoni tal-Intelliġenza Artifiċjali (IA) tinsab tabilħaqq fostna, u huwa għalhekk li l-Kummissjoni diġà ressqet l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali f’April 2021. Dan se jiżgura li s-sistemi tal-IA fl-UE jkunu sikuri, trasparenti, etiċi, imparzjali, u taħt il-kontroll tal-bniedem.
Sadanittant, wara li l-Parlament Ewropew u l-Istati Membri tal-UE laħqu ftehim dwar l-Att Ewropew dwar iċ-Ċipep f’Marzu, lejn l-aħħar ta’ Lulju l-Kunsill approva formalment ir-regolament biex tissaħħaħ l-ekosistema tas-semikondutturi tal-Ewropa. F’termini ta’ data, il-mutur tal-ekonomija diġitali tal-Ewropa, għamilna progress biex inżommuha f’idejn l-Ewropej, bl-Istrateġija Ewropea għad-Data. Rigward l-ekonomija, ukoll matul l-aħħar sena, il-Kummissjoni ressqet żewġ proposti ġodda biex il-pagamenti u s-settur finanzjarju usa’ jiddaħħlu fl-era diġitali.
Ir-reġjun tas-Sassonja, fil-Ġermanja tal-Lvant, kiseb suċċess fit-tranżizzjoni biex isir wieħed miċ-ċentri tat-teknoloġija preeminenti fl-Ewropa, b’enfasi speċjali fuq il-mikroelettronika. Il-finanzjament tal-UE kellu rwol ewlieni u għen biex jattira investimenti addizzjonali. L-aktar proġett prominenti huwa l-Infineon chips fab, investiment ta’ €5 biljun li se joħloq aktar minn 1,000 impjieg ġdid b’ħiliet għoljin. €1 biljun huma mistennija li jingħataw skont l-Att tal-UE dwar iċ-Ċipep.

Verżjoni bil-kliem biss
- L-investiment fl-Att Ewropew dwar iċ-Ċipep huwa stmat għal aktar minn €43 biljun
- €8 biljun f’investimenti Franċiżi u Taljani f’faċilitajiet tas-semikondutturi li huma l-ewwel tat-tip tagħhom
- €8.1 biljun f’finanzjament pubbliku fl-ambitu tal-istrument “Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (IPCEI)”
Stadju importanti ieħor intlaħaq f’Novembru 2022, meta l-pjattaformi online assumew responsabbiltà akbar għall-mitigazzjoni tal-ħsara u għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-utenti, bid-dħul fis-seħħ tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA). Biex tinforza d-DSA, f’April 2023 il-Kummissjoni nediet iċ-Ċentru Ewropew għat-Trasparenza Algoritmika (ECAT), li huwa ospitat fiċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni.
Fl-istess xahar, il-ġustizzja u l-kontestabbiltà fis-swieq diġitali ssaħħew permezz tal-infurzar tal-Att dwar is-Swieq Diġitali.
Insaħħu s-Suq Uniku u l-ekonomija soċjali tas-suq tagħna
Din is-sena ċċelebrajna t-30 anniversarju tas-Suq Uniku – il-pedament tal-kompetittività dejjiema tal-Ewropa. F’Marzu, il-Kummissjoni ddeskriviet approċċ ġdid fit-tul dwar kif l-UE tista’ tibni fuq il-punti b’saħħithom tagħha billi tippromwovi negozji b’saħħithom li kapaċi jikkompetu fis-suq globali, b’impjiegi attraenti, u jiffissaw standards globali.
Din is-sena wkoll, ipproponejna modi oħrajn biex nappoġġjaw u nsaħħu aktar is-Suq Uniku. F’Mejju, ipproponejna l-aktar riforma komprensiva u ambizzjuża tal-Unjoni Doganali li qatt saret mit-twaqqif tagħha fl-1968. Xahar qabel ipproponejna regoli ġodda dwar il-privattivi li se joħolqu qafas tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali aktar trasparenti, effettiv, u li jibqa’ validu fil-futur.
Il-pont ta’ Braila ġie inawgurat din is-sena bis-saħħa ta’ aktar minn €363 miljun mill-Fondi ta’ Koeżjoni tal-UE. B’tul ta’ 2 km, huwa l-akbar pont fuq id-Danubju, l-akbar wieħed fir-Rumanija, u t-tielet l-itwal pont imdendel fl-UE.

L-ekonomija tal-UE qed tkompli turi reżiljenza notevoli fost ix-xokkijiet ekonomiċi suċċessivi ta’ dawn l-aħħar snin. Fl-2022, l-irkupru tat-tkabbir laħaq livell impressjonanti ta’ 3.4%. L-espansjoni kienet appoġġata minn suq tax-xogħol robust, bir-rati tal-qgħad jilħqu livelli baxxi rekord u bl-impjiegi jiżdiedu. Dan ir-riżultat huwa dovut bil-kbir għall-azzjoni deċiżiva meħuda mill-UE u mill-Istati Membri tagħha.
Naturalment, il-mudell Ewropew uniku tagħna jagħti prijorità mhux biss lill-opportunitajiet kummerċjali iżda wkoll lill-benesseri tas-soċjetà, u jqiegħed lin-nies fil-qalba tal-ekonomija tagħna. Għal dan il-għan, u peress li nemmnu b’mod kostanti fis-setgħa tad-djalogu soċjali, ipproponejna miżuri li jsaħħu d-djalogu soċjali kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE. Fl-istess ħin, irridu niżguraw li x-xbieki tas-sikurezza soċjali tagħna jkunu adattati għall-iskop tagħhom. Huwa għalhekk li ressaqna rakkomandazzjonijiet biex niżguraw introjtu minimu adegwat fl-Istati Membri kollha tal-UE.
Fil-bażi ta’ dan kollu hija l-ħtieġa tal-Ewropa li tinvesti ħafna fit-tagħlim tul il-ħajja, li huwa fundamentali biex it-tranżizzjoni ekoloġika, dik diġitali, u dik demografika jirnexxu. Huwa għalhekk li għamilna l-2023 is-Sena Ewropea tal-Ħiliet, li għaliha l-Istati Membri allokaw madwar €65 biljun f’fondi tal-UE.
Verżjoni bil-kliem biss
- 1,500 organizzazzjoni fl-UE ngħaqdu ma’ 14-il ekosistema industrijali
- €160 miljun investiti f’inizjattivi ta’ ħiliet
- 2 miljun ruħ ibbenefikaw minn attivitajiet ta’ titjib u tiġdid tal-ħiliet
- Ġew aġġornati jew żviluppati 15,500 programm ta’ taħriġ
In-NextGenerationEU u l-għoti ta’ spinta lill-investiment Ewropew
Fl-2022 u l-2023, l-investiment Ewropew komuni tagħna ta’ €800 biljun fin-NextGenerationEU beda, bi proġetti konkreti fuq il-post, jibni Ewropa li tkun sostenibbli, reżiljenti, u kompetittiva, biex niggarantixxu l-prosperità għall-Ewropej kollha.
Fil-qalba tan-NextGenerationEU hemm il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), li tagħmel disponibbli riżorsi finanzjarji bla preċedent għall-Istati Membri kollha tal-UE. L-Istati Membri qed jużaw dawn il-fondi biex jimplimentaw riformi u investimenti trasformattivi li se jbiddlu l-ekonomiji u s-soċjetajiet Ewropej għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. L-implimentazzjoni tal-RRF għaddejja b’ħeffa sħiħa.

Wieħed mill-akbar benefiċjarji tal-Pjan Finlandiż għall-Irkupru u r-Reżiljenza huwa s-Solar Foods, startup li jipproduċi l-proteina permezz ta’ bijoproċess li juża l-idroġenu ekoloġiku. Is-“Solein”, li hemm privattiva għalih, jista’ jintuża biex jiġi prodott kwalunkwe ikel, litteralment mix-xejn. Din mhijiex finzjoni xjentifika – in-negozji l-ġodda qed jirċievu €33.6 miljun biex jibnu fabbrika dimostrattiva f’Vantaa, il-Finlandja.

Il-Global Gateway u l-ispinta lill-investiment globali
L-UE jibqa’ jkollha rwol ċentrali fil-bini ta’ ekonomija globali reżiljenti, sostenibbli, u li tiżgura tkabbir għal kulħadd. Permezz tal-Global Gateway, pjan ta’ €300 biljun għal investimenti sostenibbli madwar id-dinja, il-Kummissjoni qed tappoġġja proġetti ta’ infrastruttura tal-ogħla kwalità li joħolqu l-impjiegi u tkabbir dejjiemi, u joħolqu valur fil-livell lokali.
It-tragward inawgurali tal-Global Gateway immaterjalizza fil-Pakkett ta’ Investiment Afrika-Ewropa. Nofs l-investimenti inizjali tal-Global Gateway, madwar €150 biljun, huma ddedikati għat-tisħiħ tal-koperazzjoni mas-sħab Afrikani. Minn dak iż-żmien ’l hawn, bdejna nimplimentaw il-Global Gateway fl-Asja u fil-Paċifiku u fl-Amerka Latina u fil-Karibew, fejn il-President von der Leyen ħabbret li l-UE u l-Istati Membri tagħha se jinvestu €45 biljun.
Invaraw mill-ġdid l-aġenda kummerċjali tal-Ewropa
Il-Kunsilli tal-Kummerċ u t-Teknoloġija
Fl-ispirtu ta’ kollaborazzjoni internazzjonali, l-UE stabbiliet Kunsilli tal-Kummerċ u t-Teknoloġija mal-Istati Uniti u mal-Indja biex tippromwovi s-sħubijiet produttivi u tindirizza l-isfidi komuni.
Il-kummerċ globali
Minkejja x-xokk għall-ktajjen tal-provvista kkawżat mill-pandemija u mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, għamilna passi ’l quddiem fil-promozzjoni tal-ftuħ kummerċjali permezz ta’ kisbiet tanġibbli fl-involviment ma’ sħab kummerċjali ewlenin. B’mod partikolari, ġew konklużi b’suċċess in-negozjati dwar ftehimiet ta’ kummerċ ħieles maċ-Ċilì u ma’ New Zealand, filwaqt li komplew in-negozjati mal-Awstralja, mal-Mercosur, mal-Messiku, mal-Indja, u mal-Indoneżja.
Is-sigurtà ekonomika
Fl-20 ta’ Ġunju, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli ppreżentaw Strateġija Ewropea ta’ Sigurtà Ekonomika ġdida. L-istrateġija tiffoka fuq il-minimizzazzjoni tar-riskji li jirriżultaw minn ċerti flussi ekonomiċi fil-kuntest ta’ tensjonijiet ġeopolitiċi akbar u bidliet teknoloġiċi aċċellerati, filwaqt li jinżammu l-livelli massimi ta’ ftuħ u dinamiżmu ekonomiku.






