L-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti huma sħab impenjati bis-sħiħ biex jixprunaw it-trasformazzjoni diġitali u jikkooperaw fuq teknoloġiji ġodda bbażati fuq il-valuri demokratiċi kondiviżi tagħhom, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.
Il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti jservi bħala forum għall-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea biex jikkoordinaw l-approċċi għal kwistjonijiet kummerċjali, ekonomiċi u teknoloġiċi globali ewlenin u biex japprofondixxu r-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi trans-Atlantiċi bbażati fuq dawn il-valuri kondiviżi. Dan ġie stabbilit matul is-Summit bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-15 ta’ Ġunju 2021 fi Brussell.

Għanijiet tas-sħubija
Permezz tal-Kunsill, l-UE u l-Istati Uniti qed jaħdmu flimkien biex:
- jiżguraw li l-kummerċ u t-teknoloġija jservu lis-soċjetajiet u lill-ekonomiji tagħna, filwaqt li jħarsu l-valuri komuni tagħna.
- isaħħu t-tmexxija teknoloġika u industrijali tagħna
- jespandu l-kummerċ u l-investiment bilaterali

L-UE u l-Istati Uniti ltaqgħu f’Leuven (il-Belġju) fl-4-5 ta’ April 2024 għas-sitt laqgħa fil-livell ministerjali tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija. Huma qablu dwar:
1. L-avvanz tal-kooperazzjoni transatlantika dwar l-IA, is-6G, it-teknoloġiji kritiċi u emerġenti
- Intelliġenza Artifiċjali: iddikkjaraw mill-ġdid l-impenn tagħhom għal approċċ ibbażat fuq ir-riskju għall-IA u appoġġ għal teknoloġiji tal-IA sikuri u affidabbli, li se jgħinu biex jinstabu soluzzjonijiet għall-isfidi globali, u ħabbru Djalogu ġdid bejn l-Uffiċċju tal-IA tal-UE u l-Istitut tas-Sikurezza tal-IA tal-Istati Uniti
- 6G: adottaw viżjoni komuni tas-6G li tistabbilixxi l-prinċipji gwida għal din it-teknoloġija u ffirmaw arranġament amministrattiv għall-kollaborazzjoni fir-riċerka
- Semikondutturi: estendew għal tliet snin iż-żewġ arranġamenti amministrattivi li jippermettu l-bini ta’ ktajjen tal-provvista tas-semikondutturi reżiljenti
- Standards teknoloġiċi emerġenti: irrilaxxaw Rapport tal-Immappjar tal-Identità Diġitali biex jidentifikaw opportunitajiet għall-interoperabbiltà transatlantika u l-użu transfruntier tal-identitajiet diġitali
2. Il-promozzjoni ta’ kummerċ aktar faċli, aktar sostenibbli u aktar sigur fis-suq transatlantiku
- Kummerċ sostenibbli: iddikjaraw mill-ġdid l-importanza tal-Inizjattiva Trans-Atlantika dwar il-Kummerċ Sostenibbli u qablu li jippubblikaw Katalogu Konġunt tal-Aħjar Prattika dwar l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku biex jaċċelleraw l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ sostenibbiltà ffinanzjati b’mod pubbliku
- Kummerċ aktar faċli: qablu li jiffaċilitaw l-għodod diġitali fil-kummerċ, jikkoordinaw u jallinjaw l-istandards tekniċi għas-sistemi ta’ fatturazzjoni elettronika
- Enerġija nadifa: laqgħu il-pubblikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet għal kompatibbiltà transatlantika akbar fl-infrastruttura tal-irriċċarġjar tal-vetturi elettroniċi
- Minerali kritiċi: avvanzaw in-negozjati lejn Ftehim dwar il-Minerali Kritiċi biex isaħħu l-ktajjen tal-provvista bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-minerali kritiċi għall-batteriji tal-vetturi elettroniċi, u laqgħu t-tnedija tal-Forum għas-Sħubija għas-Sigurtà tal-Minerali
- Sigurtà ekonomika: iddikjaraw mill-ġdid it-tħassib kondiviż tagħhom dwar l-isfidi li nħolqu mill-koerċizzjoni ekonomika u l-prattiki mhux tas-suq użati minn pajjiżi terzi, iddeċidew li jkomplu bl-isforzi tagħhom biex ineħħu r-riskju u jiddiversifikaw ir-relazzjonijiet kummerċjali u ta’ investiment tagħhom, u li jkomplu l-ħidma biex jiffaċilitaw il-kummerċ sigur ta’ teknoloġija għolja
3. Id-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u l-valuri f’ambjent diġitali ġeopolitiku li qed jinbidel
- Vjolenza abbażi tal-ġeneru: żviluppaw sett ta’ prinċipji konġunti dwar li-vjolenza abbażi tal-ġeneru fuq il-pjattaformi online
- Demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem: iddikjaraw mill-ġdid l-appoġġ tagħhom għad-demokraziji fid-dinja kollha u l-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza minn barranin u ppubblikaw b'mod konġunt l-Azzjonijiet Rakkomandati għall-Pjattaform Online dwar il-Protezzjoni tad-Difensur tad-Drittijiet tal-Bniedem Online
- Data: impenjaw ruħhom li jiffaċilitaw l-aċċess għad-data minn pjattaformi online u ppubblikaw rapport dwar il-mekkaniżmi għall-aċċess tar-riċerkaturi għal tali data
Oqsma ta’ Kooperazzjoni
Fil-laqgħa inawgurali tiegħu fid-29 ta’ Settembru 2021 f’Pittsburgh, l-Istati Uniti tal-Amerika, il-Kunsill qabel dwar ħames oqsma ewlenin ta’ kooperazzjoni:
- Kontrolli tal-esportazzjoni
- Skrinjar tal-Investiment dirett barrani
- Ktajjen tal-provvista siguri (speċjalment fir-rigward tas-semikondutturi)
- Standards tat-teknoloġija, inkluża l-kooperazzjoni dwar l-Intelliġenza Artifiċjali
- Sfidi kummerċjali globali
Modi ta’ ħidma
Il-Kunsill huwa magħmul minn gruppi ta’ ħidma mmexxija jew immexxija b’mod konġunt minn dipartimenti, servizzi jew aġenziji rilevanti, biex joperazzjonalizzaw id-deċiżjonijiet politiċi u jikkoordinaw il-ħidma teknika.
Il-Kunsill inizjalment inkluda għaxar gruppi ta’ ħidma:
1. Kooperazzjoni fl-istandards tat-teknoloġija |
2. Klima u teknoloġija nadifa |
3. Ktajjen ta’ provvista siguri |
4. Sigurtà u kompetittività tal-ICTs |
5. Pjattaformi tal-governanza tad-data u tat-teknoloġija |
6. Użu ħażin tat-teknoloġija li thedded is-sigurta u d-drittijiet tal-bniedem |
7. Kooperazzjoni fil-kontrolli tal-esportazzjoni |
8. Kooperazzjoni fl-iskrinjar tal-investiment |
9. Promozzjoni tal-aċċess għat-teknoloġiji diġitali u l-użu tagħhom mill-SMEs |
10. Sfidi kummerċjali globali |
Sfond
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u l-President tal-Istati Uniti Joe Biden nedew Kunsill għall-Kummerċ u t-Teknoloġija (KKT) bejn l-UE u l-Istati Uniti waqt is-Summit bejn l-Istati Uniti u l-UE fi Brussell fil-15 ta’ Ġunju, 2021.
Il-Kunsill jiltaqa’ perjodikament fil-livell politiku biex imexxi l-kooperazzjoni, kopresedut mill-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissarju tal-UE għall-Kompetizzjoni, Margrethe Vestager, u l-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissarju tal-UE għall-Kummerċ, Valdis Dombrovskis, min-naħa tal-UE; u s-s-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti, Antony Blinken, is-Segretarju tal-Kummerċ tal-Istati Uniti, Gina Raimondo, u r-Rappreżentant tal-Kummerċ tal-Istati Uniti, Katherine Tai, min-naħa tal-Istati Uniti.
Fl-istess ħin, l-UE u l-Istati Uniti waqqfu Djalogu Konġunt dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni li se jiffoka fuq l-iżvilupp ta’ approċċ komuni u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar il-politika tal-kompetizzjoni u l-infurzar fis-setturi tat-teknoloġija.
Skeda taż-żmien
- 4-5 ta’ April 2024
Is-sitt laqgħa ministerjali ssir f’Leuven, il-Belġju
- 30-31 ta’ Jannar 2024
Il-ħames laqgħa fil-livell ministerjali ssir f’Washington DC, l-Istati Uniti tal-Amerika
- 30-31 ta’ Mejju 2023
Ir-raba’ laqgħa fil-livell ministerjali ssir f’Luleå, l-Iżvezja
- 5 ta' Diċembru 2022
It-tielet laqgħa fil-livell ministerjali ssir f’College Park, Maryland (l-Istati Uniti tal-Amerika)
- 15-16 ta’ Mejju 2022
It-tieni laqgħa fil-livell ministerjali ssir f’Pariġi
- 18 ta' Ottubru 2021
Il-Kummissjoni tniedi pjattaforma ta’ konsultazzjoni għall-involviment tal-partijiet ikkonċernati biex tissawwar il-kooperazzjoni transatlantika
- 29 ta' Settembru 2021
Laqgħa inawgurali fil-livell ministerjali f’Pittsburgh, l-Istati Uniti
- 15 ta' Ġunju 2021
Il-Kunsill huwa stabbilit fis-Summit bejn l-UE u l-Istati Uniti fi Brussell
Dokumenti
- 5 APRIL 2024
- 31 MEJJU 2023
- 4 DIĊEMBRU 2022
- 5 DIĊEMBRU 2022
- 12 MEJJU 2022