Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

Il-kriżi tal-Lvant Nofsani

Punti ewlenin

  • L-UE kkundannat bl-aktar mod qawwi l-attakki indiskriminati li qed iseħħu fir-reġjun tal-Golf u rriaffermat is-solidarjetà tagħha mal-pajjiżi milqutin.
  • Aktar minn 35,000 ċittadin tal-UE ġew ripatrijati b’mod sikur mill-Istati Membri tal-UE, inklużi aktar minn 13,000 permezz ta’ titjiriet ta’ ripatrijazzjoni appoġġati mill-UE.
  • Fl-2026, l-UE qed tipprovdi għajnuna umanitarja li tlaħħaq l-€458 miljun lill-Palestina, lil-Libanu, lill-Ġordan, u lill-Eġittu.

L-Unjoni Ewropea hija impenjata li tindirizza l-kriżijiet kumplessi fil-Lvant Nofsani, inklużi l-iżviluppi riċenti fl-Iran. Qed taġixxi fuq diversi fronti, mill-evakwazzjoni taċ-ċittadini u l-għoti ta’ appoġġ umanitarju sal-involviment diplomatiku, għat-tnaqqis tat-tensjoni u għall-prevenzjoni ta’ aktar kunflitti.

Il-kunflitt fl-Iran

 

L-UE kkundannat b’mod inekwivoku l-attakki indiskriminati tal-Iran. L-UE ilha mit-28 ta’ Frar 2026 f’kuntatt kostanti ma’ mexxejja fil-Lvant Nofsani u fl-Ewropa, b’solidarjetà mal-pajjiżi attakkati mill-Iran u b’appoġġ għall-aspirazzjonijiet demokratiċi tal-poplu Iranjan.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, u l-President tal-Kunsill Ewropew, António Costa, kif ukoll ir-Rappreżentant Għoli/Viċi President Kaja Kallas, affermaw mill-ġdid l-impenn tal-UE favur l-istabbiltà reġjonali, filwaqt li ħeġġew

  • għal tnaqqis immedjat tat-tensjoni u trażżin massimu
  • għall-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u tal-infrastruttura ċivili
  • għar-rispett sħiħ tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti

Il-pożizzjoni tal-UE ġiet imtennija fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 ta’ Marzu 2026, fejn is-27 mexxej ikkundannaw l-attakki tal-Iran, talbu għal waqfien mill-ġlied immedjat, u appellaw għal moratorju fuq l-attakki fuq l-infrastruttura tal-enerġija u tal-ilma.

 

Il-Presidenti von der Leyen u Costa, flimkien ma’ mexxejja oħrajn, laqgħu bil-ferħ il-waqfien mill-ġlied ta’ ġimagħtejn u ħeġġew liż-żewġ naħat jinnegozjaw tmiem rapidu u dejjiemi tal-gwerra. 

Impenji diplomatiċi ewlenin

  1. 28 ta' Frar 2026

    Il-President von der Leyen u l-President Costa affermaw mill-ġdid l-impenn tal-UE favur l-istabbiltà reġjonali, is-sikurezza nukleari, u l-isforzi diplomatiċi, u appellaw lill-partijiet kollha biex irażżnu lilhom infushom u jirrispettaw id-dritt internazzjonali.

  2. 5 ta' Marzu 2026

    Ir-Rappreżentant Għoli/Viċi President Kaja Kallas sejħet laqgħa ministerjali konġunta bejn l-UE u l-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf.

  3. 9 ta' Marzu 2026

    Il-President von der Leyen u l-President Costa kellhom skambju ta’ fehmiet mal-mexxejja tal-Ġordan, l-Eġittu, il-Bahrain, il-Libanu, is-Sirja, it-Turkija, l-Armenja, l-Iraq, il-Qatar, il-Kuwajt, l-Emirati Għarab Magħquda, l-Arabja Sawdija, u l-Oman. 
    Huma ssottolinjaw is-solidarjetà tal-UE mar-reġjun, filwaqt li kkundannaw l-attakki u appoġġaw l-isforzi diplomatiċi biex jitnaqqsu t-tensjonijiet, tiġi protetta l-popolazzjoni ċivili, u tiġi ssalvagwardjata s-sigurtà tal-enerġija.

  4. 18 ta' Marzu 2026

    Il-President von der Leyen iltaqgħet mas-Segretarju Ġenerali tan-NU, Guterres, biex jiddiskutu r-riperkussjonijiet tal-gwerra fil-Lvant Nofsani, ir-rispett tad-dritt internazzjonali, u l-kooperazzjoni multilaterali.

  5. 17 ta' April 2026

    Il-President von der Leyen ħadet sehem fil-vidjokonferenza dwar kif jerġa’ jkun hemm navigazzjoni bla xkiel u permanenti fl-Istrett ta’ Hormuz.

Ngħinu liċ-ċittadini tal-UE

Is-sikurezza taċ-ċittadini Ewropej fir-reġjun hija l-ogħla prijorità tal-UE. L-UE aġixxiet malajr biex tgħin lil dawk li nqabdu f’pajjiż ieħor minħabba l-kunflitt biex jirritornaw lura d-dar qawwijin u sħaħ. Aktar minn 35,000 ċittadin tal-UE ġew ripatrijati b’mod sikur mir-reġjun, minbarra għexieren ta’ eluf li telqu b’mezzi kummerċjali.

Iċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza tal-Kummissjoni Ewropea appoġġa lill-Istati Membri fl-organizzazzjoni tat-titjiriet ta’ ripatrijazzjoni. Permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili:

  • Ġew organizzati
    ’l fuq minn 92 titjira ta’ ripatrijazzjoni
  • Inġiebu lura d-dar qawwijin u sħaħ
    aktar minn 13,400 ċittadin tal-UE
  • Saru
    5 titjiriet tar-rescEU

Is-sigurtà marittima u miżuri fil-qasam tal-enerġija

L-UE għandha żewġ operazzjonijiet navali sabiex tinżamm is-sigurtà tar-rotot marittimi fl-Oċean Indjan u fil-Baħar l-Aħmar: l-EUNAVFOR Atalanta u l-EUNAVFOR Aspides.

Bħalissa, ma hemm l-ebda kwistjoni immedjata b’rabta mas-sigurtà tal-provvista. Is-sistema tal-enerġija tal-Ewropa hija mħejjija tajjeb u reżiljenti, bis-saħħa ta’ miżuri biex tiġi diversifikata l-provvista, jinbnew ir-riżervi, u tittejjeb il-konnettività. 

Madankollu, l-Ewropa għadha esposta għall-volatilità globali tal-prezzijiet. B’rispons għal dan, il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi miżuri temporanji u mmirati biex tipprovdi għajnuna immedjata filwaqt li tavvanza r-riformi strutturali fil-komponenti ewlenin tal-ipprezzar tal-elettriku. Dawn il-miżuri jinkludu l-espansjoni tal-għajnuna mill-Istat, it-titjib tal-effiċjenza tal-grilja, it-tnaqqis tat-taxxi fuq l-elettriku meta mqabbel mal-fjuwils fossili, u l-immodernizzar tas-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet.

Assistenza umanitarja

Ir-rispons tal-UE għall-konflitt Iżraeljan-Palestinjan

Wara l-attakki vjolenti u indiskriminati tal-Ħamas f’Iżrael fis-7 ta’ Ottubru 2023, l-UE kkundannathom u affermat is-solidarjetà tagħha ma’ Iżrael, filwaqt li enfasizzat id-dritt tiegħu għall-awtodifiża fl-ambitu tad-dritt umanitarju internazzjonali. L-UE tenniet il-ħtieġa li tiġi protetta l-popolazzjoni ċivili f’kull ħin u esprimiet tħassib dwar l-impatt umanitarju f’Gaża minħabba operazzjonijiet militari Iżraeljani u aċċess ristrett.

L-UE laqgħet b’mod pożittiv il-waqfien mill-ġlied u l-ħelsien tal-ostaġġi ta’ Ottubru 2025 u appellat lill-partijiet kollha biex jimplimentawh bis-sħiħ, inklużi l-irtirar Iżraeljan minn Gaża u l-aċċess umanitarju mingħajr xkiel. L-UE ħeġġet lill-partijiet ikkonċernati internazzjonali biex isaħħu l-isforzi lejn soluzzjoni bbażata fuq l-eżistenza ta’ żewġ stati, b’Iżrael u Stat Palestinjan maġenb xulxin fil-paċi bi fruntieri siguri u rikonoxxuti. Iddeplorat is-sitwazzjoni umanitarja katastrofika għad hemm f’Gaża u appellat lil Iżrael biex jippermetti aċċess immedjat u mingħajr xkiel, u distribuzzjoni sostnuta tal-assistenza umanitarja fuq skala kbira.

Appoġġ finanzjarju

  • Bejn Lulju 2024 u Frar 2025 l-UE pprovdiet €400 miljun f’appoġġ ta’ emerġenza lill-Awtorità Palestinjana.

  • Programm pluriennali propost ta’ €1.6 biljun għall-perjodu 2025–2027 għandu l-għan li jgħin l-irkupru fix-Xatt tal-Punent, f’Ġerusalemm tal-Lvant, u f’Gaża. Dan jinkludi €620 miljun f’assistenza finanzjarja diretta lill-Awtorità Palestinjana, li hija parzjalment marbuta mal-impenn tagħha għar-riformi.

  • Permezz tal-Grupp ta’ Donaturi għall-Palestina, l-UE qed taħdem mal-Istati Membri tagħha u mas-sħab internazzjonali tagħha biex timmobilizza appoġġ politiku għal governanza futura vijabbli ta’ Stat Palestinjan u tappoġġa l-implimentazzjoni tar-riformi.

L-appoġġ umanitarju tal-UE lill-poplu Palestinjan

L-UE ilha l-akbar donatur internazzjonali għall-poplu Palestinjan għal aktar minn għoxrin sena, u pprovdiet aktar minn €1.25 biljun f’għajnuna umanitarja. Din is-somma tinkludi aktar minn €550 miljun minn Ottubru 2023 ’l hawn. Parti minn din l-għajnuna twasslet permezz tal-Pont tal-Ajru Umanitarju tal-UE, li minn dak iż-żmien ‘l hawn ittrasporta aktar minn 5,400 tunnellata ta’ provvisti essenzjali permezz ta’ 81 titjira.

Permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili, l-UE tagħti wkoll assistenza permezz tal-Kuritur Marittimu ta’ Ċipru. F’Ċipru twaqqaf ċentru loġistiku tal-UE biex minnu tiġi ttrasferita l-għajnuna mill-Istati Membri tal-UE lejn Gaża. Mill-2024 ’l hawn, kien hemm 451 pazjent u 1,240 qarib li ġew evakwati lejn l-UE għal trattament mediku.

  • 16 APRIL 2025
More about the EU support to Palestinians - Factsheet

Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 26 Marzu 2026