Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 11 Marzu 2025
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 2 min qari

Migrazzjoni: il-Kummissjoni tipproponi approċċ Ewropew ġdid għar-ritorni

 

Fil-preżent, ir-rati ta’ ritorn fl-UE huma madwar 20 fil-mija. Il-persuni li jiġu ordnati jitilqu minn pajjiż tal-UE spiss jaħarbu mill-awtoritajiet. Il-Kummissjoni Ewropea issa pproponiet li tgħin lill-pajjiżi tal-UE jżidu r-rati ta’ ritorn filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali billi jistabbilixxu sistema komuni tar-ritorn tal-UE. Din se tikkomplementa l-Patt tal-UE dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil li jidħol fis-seħħ f’nofs l-2026 u se tippermetti li l-applikazzjonijiet għall-ażil jiġu pproċessati iktar malajr u b’mod iktar effiċjenti. 

Ir-regoli komuni l-ġodda jinkludu: 

  • Proċeduri komuni għall-ħruġ tad-deċiżjonijiet dwar ir-ritorn u Ordni Ewropea ta’ Ritorn li għandhom jinħarġu flimkien ma’ deċiżjoni nazzjonali dwar ir-ritorn. 
  • Rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet dwar ir-ritorn biex il-pajjiżi tal-UE jkunu jistgħu jinfurzaw id-deċiżjonijiet dwar ir-ritorn maħruġa minn pajjiżi oħra tal-UE mingħajr ma jkollhom għalfejn jibdew proċess ġdid.  
  • Regoli ċari dwar ir-ritorn furzat, filwaqt li jiġi inċentivat it-tluq volontarju.
  • Obbligi iktar b’saħħithom għall-persuni ripatrijati biex jikkooperaw mal-awtoritajiet nazzjonali matul il-proċedura kollha tar-ritorn, bħall-verifika tal-identità u li jibqgħu fil-pajjiż.  
  • Salvagwardji b’saħħithom matul il-proċess kollu tar-ritorn biex jiġi ggarantit li l-proċess tar-ritorn jitwettaq b’rispett sħiħ tal-istandards tad-drittijiet fundamentali u internazzjonali tal-bniedem.  
  • Regoli msaħħa għall-prevenzjoni ta’ movimenti mhux awtorizzati u li jippermettu lill-pajjiżi tal-UE jsibu aħjar lill-persuni ripatrijati, bil-possibbiltà li jitolbu rapportar regolari jew li jirrisjedu f’post iddeżinjat mill-awtoritajiet nazzjonali.  
  • Regoli speċifiċi għal persuni li jirrappreżentaw riskji għas-sigurtà: Il-pajjiżi tal-UE se jivverifikaw minn kmieni jekk persuna tirrappreżentax riskju għas-sigurtà. Jekk iva, japplikaw regoli stretti, inkluż ir-ritorn furzat obbligatorju. 
  • L-iżgurar li deċiżjoni dwar ir-ritorn tiġi segwita sistematikament b’talba ta’ riammissjoni lill-pajjiż tal-oriġini.  
  • Ċentri tar-ritorn: ir-regoli l-ġodda jagħmluha legalment possibbli għal pajjiż tal-UE li jagħmel ftehim jew arranġament għar-ritorn ma’ pajjiż terz li jirrispetta l-istandards u l-prinċipji internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem f’konformità mad-dritt internazzjonali. 

Din il-proposta għal proċeduri ġodda għall-ġestjoni tar-ritorni tħabbret mill-President von der Leyen fil-linji gwida politiċi u ġiet mitluba mill-Kunsill Ewropew f’Ottubru 2024. 

Għal iktar informazzjoni 

Prijorità tal-2024-2029: is-sigurtà u d-difiża 

Skeda informattiva – Approċċ Komprensiv dwar il-Migrazzjoni 

Skeda informattiva – Sistema Ewropea Komuni ġdida għar-Ritorn

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal sistema Ewropea Komuni ġdida għar-ritorni 

Stqarrija għall-istampa: il-Kummissjoni tipproponi Sistema Ewropea Komuni ġdida għar-Ritorni 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
11 Marzu 2025
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni