Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

Qabel ma tivvjaġġa, kun af xi drittijiet tagħtik l-UE bħala passiġġier

  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 28 Lulju 2026
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 3 min qari
Holiday planning in Europe

Il-bagalja lesta? Lilkom li dalwaqt terħulha għal btala qasira tas-sajf: jalla kollox jimxi ħarir, iżda tajjeb li tkun taf li, jekk xi ħaġa tmurlek żmerċ, ir-regoli tal-UE fil-qasam tal-ivvjaġġar jipproteġuk f’bosta sitwazzjonijiet li tista’ ssib ruħek fihom. Jekk titħassarlek it-titjira, tittardjalek il-ferrovija, jew jintilfulek il-bagalji fuq il-bastiment tal-kruċieri, għandek il-jedd li tagħmel talba skont id-drittijiet tal-passiġġieri li jgħoddu fl-UE kollha.

Irrispettivament minn jekk tkunx qed tivvjaġġa lejn l-UE, lil hinn minnha, jew fit-territorju tagħha, dak li tista’ jew ma tistax titlob jiddependi mit-tip ta’ trasport li tuża, pereżempju:

  • ✈️titlef it-titjira ta’ konnessjoni, it-titjira tkun ibbukkjata aktar mill-kapaċitá tagħha, jew ma titħalliex titla’ abbord
  • 🚆jitħassarlek jew jittardjalek it-tren
  • 🚌is-servizz tal-karozza tal-linja jew tal-kowċ jitlaqlek qabel il-ħin skedat
  • 🚢jintilfulek il-bagalji waqt il-vjaġġ, jew tweġġa’, fuq il-baħar.

Madankollu, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, hemm proċedura standard li trid tiġi segwita jekk ikollok bżonn tagħmel talba minħabba dewmien, kanċellazzjoni, jew problemi bil-bagalji:

  • Ikkuntattja lill-kumpanija tal-ivvjaġġar li mingħandha tkun xtrajt il-biljett tiegħek, billi tuża l-formola tal-ilmenti li tipprovdilek. 
  • Jekk ma tirċevix tweġiba fi żmien xahar f’każ ta’ kumpanija ferrovjarja, fi żmien xahrejn f’każ ta’ linja tal-ajru jew tat-tbaħħir, u fi żmien 3 xhur f’każ ta’ kumpanija tal-karozzi tal-linja jew tal-kowċijiet, jew jekk it-tweġiba ma tissodisfakx, tista’ tressaq ilment għand l-awtorità nazzjonali rilevanti fil-pajjiż fejn tkun seħħet il-problema.
  • Tista’ dejjem tikkuntattja wkoll liċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur għal għajnuna u pariri dwar problemi relatati mad-drittijiet tal-passiġġieri. 

Jekk tibqa' tiltaqa’ ma’ problemi bit-talba tiegħek, tista’ wkoll tipprova ssolvi t-tilwima tiegħek billi tagħmel użu minn proċeduri barra mill-qorti — jew minn entità għas-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim. Din il-forma ta’ soluzzjoni tat-tilwim hija disponibbli biss għar-residenti tal-UE.  

Jekk għandek diżabbiltà jew mobbiltà mnaqqsa, għandek id-dritt li taċċessa l-ivvjaġġar bl-ajru, bil-ferrovija, bil-karozza tal-linja, bil-kowċ, jew bil-baħar bħal kwalunkwe persuna oħra, u d-dritt għal assistenza mingħajr ħlas fit-terminals u fil-vetturi abbord. Jekk tħoss li drittijietek inkisru, segwi l-linji gwida ta’ hawn fuq biex tagħmel talba. Aktar dettalji dwar id-drittijiet tiegħek bħala passiġġier qed jingħataw hawn taħt. 

Ġejjin aktar miżuri biex nipproteġuk 

F’Lulju 2026, l-UE adottat regoli riveduti għad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru — l-ewwel reviżjoni maġġuri ta’ dawn ir-regoli f’aktar minn 20 sena. 

Ir-regoli riveduti se jagħmlu l-ivvjaġġar bl-ajru aktar sempliċi u aktar ġust għall-passiġġieri, fosthom billi: 

  • it-tfal ta’ taħt it-12-il sena jkunu bilqiegħda ħdejn adult li jkun qed jakkumpanjahom mingħajr ebda ħlas żejjed 
  • tingħatalek informazzjoni aktar ċara dwar x’inhu permess bħala bagalji u dwar kwalunkwe tariffa qabel ma tibbukkja 
  • ikun hemm proċeduri aktar rapidi u sempliċi biex jintalab kumpens jew rimborż 
  • jitjiebu l-assistenza u r-riprogrammar tar-rotot meta t-titjiriet jitħassru jew jittardjaw b’mod sinifikanti 
  • titjieb il-protezzjoni b’rabta mal-vjaġġi fejn wieħed irid ibiddel 
  • jingħataw drittijiet aktar b’saħħithom lill-passiġġieri b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa, inklużi protezzjonijiet aħjar għat-tagħmir tal-mobbiltà 

Ir-regoli l-ġodda għandhom jidħlu fis-seħħ is-sajf li ġej. Sa dak iż-żmien, tista’ tkompli tibbenefika mir-regoli eżistenti tal-UE. 

Għal aktar informazzjoni 

Id-drittijiet tal-passiġġieri 

Niżżel l-app “Your Passenger Rights” fuq l-apparat tiegħek (Google AndroidApple iOS)

Id-drittijiet tal-vjaġġaturi b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa 

L-awtoritajiet nazzjonali

Il-proċeduri barra l-qorti għall-konsumaturi 

Ir-rimedju għall-konsumaturi fl-UE

In-Network taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi

 

Data tal-pubblikazzjoni
28 Lulju 2026
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni