Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

It-trattat li bih twaqqfet l-organizzazzjoni antenata tal-UE jagħlaq 75 sena

  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 17 April 2026
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 2 min qari
The signing of the Treaty of Paris establishing the European Coal and Steel Community: Paul van Zeeland, Belgian Minister for Foreign Affairs; Joseph Bech, Luxembourgish Minister for Foreign Affairs and Foreign Trade and Wine growing; Joseph Meurice, Belgian Minister for Foreign Trade; Carlo Sforza, Italian Minister for Foreign Affairs; Robert Schuman, French Minister for Foreign Affairs; Konrad Adenauer, German Federal Chancellor; Dirk Stikker, Dutch Minister for Foreign Affairs; and Johannes van den Brink

 

Fit-18 ta’ April niċċelebraw il-75 sena minn mindu ġie ffirmat it-Trattat ta’ Pariġi, li stabbilixxa l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA), l-ewwel Trattat li wassal għall-ħolqien tal-Unjoni Ewropea. 

Iffirmawh il-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu, u n-Netherlands, u witta t-triq għall-approfondiment tal-integrazzjoni ekonomika Ewropea u għall-ħolqien tal-Komunità Ekonomika Ewropea bit-Trattat ta’ Ruma tal-1957, u tal-Unjoni Ewropea bit-Trattat ta’ Maastricht tal-1992. 

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Franċiż, Robert Schuman, ippreżenta l-idea ta’ komunità tal-faħam u l-azzar fid-“Dikjarazzjoni ta’ Schuman”, li tant saret famuża, li għamel fid-9 ta’ Mejju 1950. Wara l-effetti devastanti tat-tieni gwerra dinjija, iddikjara: “Is-solidarjetà ta’ produzzjoni b’hekk stabbilita għandha twassal biex kwalunkwe gwerra bejn Franza u l-Ġermanja mhux biss tkun inkonċepibbli, iżda ssir materjalment impossibbli”.  

Sena wara tnediet il-KEFA. L-għan ewlieni tal-Komunità kien li torganizza l-moviment ħieles tal-faħam u l-azzar, tillibera l-aċċess għas-sorsi tal-produzzjoni, u tiżgura t-trasparenza tal-prezzijiet. 

Dak iż-żmien, l-għażla tal-faħam u l-azzar kienet simbolika għall-aħħar: fil-bidu tas-snin ħamsin, il-faħam u l-azzar kienu industriji vitali. Minbarra l-benefiċċji ekonomiċi li jġib miegħu, il-ġbir flimkien tar-riżorsi Franċiżi u Ġermaniżi kien maħsub biex jissimbolizza t-tmiem tar-rivalità bejn iż-żewġ pajjiżi. Is-suq komuni tal-faħam u l-azzar kellu jkun esperiment li seta’ jiġi estiż gradwalment għal sferi ekonomiċi oħrajn, biex jilħaq il-qofol tiegħu f’Ewropa politika. 

Dan it-Trattat stabbilixxa wkoll il-pedamenti ta’ ħafna mill-istituzzjonijiet moderni tal-UE billi waqqaf eżekuttiv magħruf bħala l-“Awtorità Għolja”, li hija l-predeċessur tal-Kummissjoni Ewropea tal-lum, Assemblea Parlamentari, Kunsill tal-Ministri, Qorti tal-Ġustizzja, u Kumitat Konsultattiv. 

Għal iktar informazzjoni 

It-Trattati Fundaturi  

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
17 April 2026
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni