Id-data tiegħek hija importanti
Ilkoll nikkondividu d-data personali kuljum, fix-xiri online, fil-prenotazzjonijiet, jew fl-abbonament għal servizz ġdid. Id-data tiegħek hija importanti. Int biss għandek tiddeċiedi kif tintuża.
L-UE għandha regoli b’saħħithom fis-seħħ biex tiżgura li d-data tiegħek dejjem tiġi ttrattata b’mod responsabbli, u li int tibqa’ fil-kontroll.
Qatt ħassejt li l-mowbajl tiegħek qed jisimgħek? Id-data tiegħek tirrifletti ħajtek — mis-siti web li żżur sal-għażliet li tagħmel kuljum. Jekk tuża app tal-fitness, pereżempju, l-informazzjoni dwar il-passi, l-irqad jew ir-rata ta’ kemm tħabbat qalbek għandha dejjem tibqa’ taħt il-kontroll tiegħek.

Kif tieħu azzjoni
Jekk taħseb li d-data personali tiegħek mhijiex korretta, qed tintuża b’mod li ma taqbilx miegħu, jew qed tiġi ttrattata b’mod inġust, tista’ tieħu azzjoni.
Ħu l-kontroll
Filwaqt li drittijietek huma l-iktar protezzjoni b’saħħitha tiegħek, hemm ukoll passi ta’ kuljum li tista’ tieħu biex iżżomm id-data personali tiegħek sikura.
🔐 Uża passwords b’saħħithom u uniċi
Uża password differenti għal kull wieħed mill-kontijiet online tiegħek, u agħmilhom diffiċli biex taqtahom. Software tal-ġestjoni tal-password jista’ jgħinek fiż-żamma tal-passwords.
🤔 Aħsibha darbtejn qabel tikkondividi
Ladarba l-informazzjoni personali tkun online, jista’ jkun diffiċli li titneħħa. Qabel tikkondividi d-dettalji dwarek jew dwar l-oħrajn, ikkunsidra min jista’ jarahom u kif jistgħu jintużaw.
🎣 Ibqa’ b’seba’ għajnejn għall-qerq
Emails u messaġġi frodulenti spiss jippruvaw iqarrqu bik biex tagħti l-informazzjoni personali. Jekk tħoss li xi ħaġa ma tkunx mistennija — speditur mhux familjari, talba urġenti, link suspettuża — tikklikkjax.
🧐 Aqra qabel taqbel
Meta sit web jew app titlob il-kunsens tiegħek biex tuża d-data tiegħek, ħu l-ħin tiegħek biex tifhem dak li qed taqbel miegħu. Xi servizzi jaf jidhru mingħajr ħlas mal-ewwel daqqa t’għajn, iżda jistgħu jimmonetizzaw id-data tiegħek minflok ma jitolbu tariffa ta’ abbonament.
⚙️ Rieżamina l-konfigurazzjoni tal-privatezza tiegħek
Il-biċċa l-kbira tal-apps u tal-pjattaformi tal-midja soċjali jħalluk tikkontrolla min jista’ jara l-informazzjoni tiegħek u kif tintuża. Ħu ftit minuti biex tikkontrolla — il-konfigurazzjonijiet prestabbiliti mhux dejjem ikunu fl-aħjar interessi tiegħek.
⚠️ Oqgħod għassa għal xi xejriet suspettużi
Xi siti web jużaw inganni ta’ disinn qarrieqi biex jħeġġuk taċċetta l-cookies: il-ħabi tal-buttuna tar-rifjut, l-aċċettazzjoni bi klikk waħda filwaqt li r-rifjut jirrikjedi diversi passi, jew l-użu ta’ kliem qarrieqi bħal “Billi tuża dan is-sit inti taqbel...”. Skont ir-regoli tal-UE, li tgħid le għandu jkun faċli daqs li tgħid iva.
👋 Ħassar l-abbonament
Kull email ta’ kummerċjalizzazzjoni li tirċievi tuża d-data personali tiegħek. Xbajt? Iftaħ waħda minnhom u fittex “ħassar l-abbonament”, “ġestixxi l-preferenzi”, “tirċevix”: skont ir-regoli tal-UE din l-għażla trid tkun preżenti dejjem.
Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 16 Lulju 2026
