F’kuntest ta’ kompetizzjoni globali iebsa, l-Ewropa tibqa’ ċentru ta’ innovazzjoni, xjenza, u industrija. Il-baġit fit-tul il-ġdid għandu l-għan li jagħti spinta qawwija lill-kompetittività biex l-Ewropa
- tiggarantixxi s-sigurtà tal-ktajjen tal-provvista
- tintensifika l-innovazzjoni
- tkun fuq quddiem nett fit-tellieqa globali għal teknoloġija nadifa u intelliġenti.
Dawn l-investimenti se jgħinu biex tinħoloq bażi industrijali aktar soda, suq uniku aktar integrat, u Ewropa magħquda li tisfrutta l-vantaġġi tagħha biex tirnexxi.

Ċifri ewlenin
Il-Fond għall-Kompetittività
Se jkun il-Fond Ewropew għall-Kompetittività li se jixpruna l-kompetittività tal-Ewropa. Bih, se ninvestu f’teknoloġiji strateġiċi għall-benefiċċju tas-suq uniku kollu kemm hu, kif jirrakkomandaw ir-rapporti ta’ Letta u ta’ Draghi. Il-Fond se jissimplifika u jaċċellera l-finanzjament tal-UE u se jikkatalizza l-investiment privat u pubbliku. Se jopera b’ġabra ta’ regoli waħda u se joffri passaġġ uniku għall-applikanti għall-finanzjament. Is-sostenn li se joffri jinqasam fuq erba’ oqsma:
- it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u d-dekarbonizzazzjoni
- it-tranżizzjoni diġitali
- is-saħħa, il-bijoteknoloġija, l-agrikoltura, u l-bijoekonomija
- id-difiża u l-ispazju.
L-Orizzont Ewropa
B’rabta mill-qrib mal-Fond Ewropew għall-Kompetittività, il-qafas ta’ riċerka magħruf tal-UE, Orizzont Ewropa, li għandu valur ta’ €175 biljun, se jkompli jiffinanzja l-innovazzjoni tal-prima klassi.
Il-finanzjament se jiġi ssimplifikat bi proċessi eħfef, għotjiet aktar rapidi, u opzjonijiet ta’ somom f’daqqa, filwaqt li tingħata spinta lir-riċerka fil-fruntieri tal-għarfien u lill-innovazzjoni tat-teknoloġija profonda permezz ta’ kunsilli msaħħin tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni. Il-baġit il-ġdid qed jagħmel differenza f’dan il-qasam billi jippromwovi wkoll il-kollaborazzjoni fuq l-isfidi tas-soċjetà, jallinja s-sħubijiet ma’ setturi strateġiċi, jagħti aktar sostenn għall-infrastrutturi tar-riċerka, u jappoġġa l-eċċellenza fir-reġjuni kollha biex tittejjeb il-kapaċità u jitnaqqas l-eżodu tal-imħuħ.
L-Orizzont Ewropa u l-Fond għall-Kompetittività se joffru appoġġ għall-vjaġġ kollu ta’ investiment ta’ proġett (mill-fażi tal-konċepiment sa dik tal-espansjoni) u jnaqqsu kemm il-kost għall-benefiċjarji potenzjali kif ukoll iż-żmien għall-iżborż.
It-tlestija tas-suq uniku tal-UE
Il-finanzjament għall-programm tas-suq uniku u d-dwana msaħħaħ ġie rduppjat meta mqabbel mal-allokazzjoni tiegħu fil-baġit fit-tul attwali tal-UE. Dan se jkun ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini u għall-kumpaniji billi jixpruna t-tlestija tas-suq uniku tal-UE.
Se
- jiżmantella l-fatturi li jimblukkaw l-aċċess fil-fruntieri u bejn il-pajjiżi u jagħti spinta lill-koperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali
- jiggarantixxi protezzjoni aktar b’saħħitha għall-konsumaturi
- jixpruna miżuri ta’ standardizzazzjoni, u
- jnaqqas il-burokrazija fl-oqsma tad-dwana, tat-tassazzjoni, u tal-ġlieda kontra l-frodi.
Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa
Minbarra l-Fond għall-Kompetittività, se nżidu l-finanzjament tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għat-trasport u tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għall-enerġija. Fir-rigward tat-trasport, qed nimmultiplikaw il-mobbiltà militari b’għaxra, sabiex il-forzi armati tagħna jkunu jistgħu jiċċaqilqu minn post għal ieħor aktar malajr, aħjar, u flimkien. In-nefqa fuq l-infrastruttura tal-enerġija se nimmultiplikawha b’ħamsa. Dan isaħħaħ l-indipendenza enerġetika u jaċċellera t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa. Dan kollu se jgħin biex insaħħu d-difiża Ewropea, il-konnettività Ewropea, u t-tħejjija Ewropea.
Xi jfisser dan għall-UE?
Bl-investiment fit-teknoloġija nadifa, fl-għodod diġitali, fis-saħħa, u fil-bijoteknoloġija, l-UE se toħloq impjiegi ġodda, tappoġġa lill-istartups, u twassal aktar malajr fis-suq soluzzjonijiet mill-aktar avvanzati.
Finanzjament tal-UE aktar sempliċi u aktar mgħaġġel ifisser li r-riċerkaturi, in-negozji, u r-reġjuni jkunu jistgħu jiksbu s-sostenn aktar faċilment — u b’hekk l-ideat jissarrfu f’impatt reali.
Iż-żieda fl-investiment fil-bijoteknoloġija, fl-agrikoltura, u fid-dekarbonizzazzjoni se ttejjeb is-saħħa pubblika, is-sistemi tal-ikel, u l-protezzjoni ambjentali.
Aktar sostenn għar-riċerka u l-innovazzjoni fir-reġjuni kollha jgħin biex jitnaqqas l-eżodu tal-imħuħ u jiżgura li ħadd ma jibqa’ lura.
Toroq, ferroviji, u networks tal-enerġija aħjar jagħmlu l-ivvjaġġar aktar faċli, aktar nodfa fl-użu tal-enerġija, u aktar siguri, u lill-Ewropa jagħmluha aktar reżiljenti fi żminijiet ta’ kriżi.
It-titjib tal-mobbiltà fil-qasam tad-difiża jsaħħaħ il-kapaċità tal-Ewropa li tirrispondi malajr u b’mod effettiv għat-theddid.
X’qed jagħtina l-baġit tal-UE llum?
L-inizjattiva Graphene Flagship huwa waħda mill-akbar inizjattivi ta’ riċerka li qatt kellna fl-Ewropa, u tlaqqa’ sħab akkademiċi u industrijali minn 18-il pajjiż tal-UE. L-inizjattiva, li hi ffinanzjata mill-programm Orizzont Ewropa, qed tisfrutta l-potenzjal tal-grafen u ta’ materjali 2D oħrajn biex tippermetti innovazzjonijiet rivoluzzjonarji — mit-trattament tal-marda tal-Parkinson għal titjiriet aktar sikuri b’sistemi li jneħħu s-silġ, għal batteriji u pannelli solari tal-ġenerazzjoni li jmiss.

Din il-paġna ġiet rieżaminata l-aħħar: 15 Jannar 2026