
Il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet pjan biex ir-reġjuni tal-UE li jmissu mar-Russja, mal-Belarussja, u mal-Ukrajna jsiru postijiet aktar siguri, reżiljenti, u attraenti fejn wieħed jgħix u jaħdem.
Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna affettwat b’mod sever lin-nies u lill-komunitajiet f’dawn iż-żoni. Mit-theddid għas-sigurtà, li qed jiżdied, u t-tfixkil ekonomiku, għall-pressjoni fuq is-servizzi lokali u t-tnaqqis tal-popolazzjoni. Dan jolqot b’mod partikulari lil diversi pajjiżi tal-UE: il-Finlandja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, is-Slovakkja, l-Ungerija, ir-Rumanija, u l-Bulgarija.
Mill-2022 ’l hawn, l-UE tat appoġġ politiku, tekniku, u finanzjarju lir-reġjuni tagħha li qegħdin fil-Lvant. Dan l-appoġġ għen biex tittejjeb l-infrastruttura, tingħata spinta lir-reżiljenza ekonomika, jiġu żviluppati l-kapaċitajiet tad-difiża, jiġu indirizzati l-isfidi fl-oqsma tal-enerġija u tal-konnettività, u jiġu appoġġati l-impjiegi. Barra minn hekk, il-Korsiji ta’ Solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna sostnew il-flussi kummerċjali.
Madankollu, minħabba li l-gwerra għadha għaddejja, hemm bżonn ta’ aktar appoġġ min-naħa tal-UE. Il-pjan il-ġdid jippreżenta sett ta’ azzjonijiet biex jiġu indirizzati l-isfidi speċifiċi u bla preċedent li qed jiffaċċjaw dawn ir-reġjuni. Fost il-ħames oqsma prijoritarji għal intervent hemm
- is-sigurtà u r-reżiljenza, inklużi proġetti u inizjattivi ġodda bħall-Għassa tan-Naħa tal-Lvant, l-inizjattiva Ewropea għad-Difiża kontra d-Droni, it-Tarka tal-Ajru Ewropea, u t-Tarka Spazjali Ewropea
- it-tkabbir u l-prosperità reġjonali: l-iffaċilitar tal-aċċess għall-finanzjament, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment u s-sħubija mal-Bank Dinji dwar l-analitika u l-appoġġ tekniku
- l-isfruttament tal-vantaġġi lokali: l-integrazzjoni tan-network tal-elettriku tal-istati Baltiċi mal-grilja Ewropea usa’, l-iżvilupp ta’ infrastruttura bħall-Kuritur Nordiku-Baltiku tal-Idroġenu, u l-appoġġ għal inizjattivi tal-industrija ċirkolari
- il-konnettività: il-promozzjoni tal-konnettività diġitali u t-titjib tan-networks tat-trasport
- l-għoti tas-sostenn lin-nies: l-indirizzar tad-depopolazzjoni u tan-nuqqas ta’ ħaddiema u t-tisħiħ tal-komunitajiet permezz ta’ inizjattivi bħall-Programm għar-Reżiljenza tal-Media
Biex tiżgura li jsir progress, il-Kummissjoni se tniedi djalogu politiku annwali dwar l-impatt tal-azzjonijiet tal-UE fuq ir-reżiljenza u l-iżvilupp tar-reġjuni tal-Lvant. L-ewwel avveniment se jsir fis-26 ta’ Frar 2026, meta l-istituzzjonijiet finanzjarji se jiffirmaw dikjarazzjoni dwar il-Faċilità EastInvest.
It-tisħiħ tal-prosperità u tar-reżiljenza tar-reġjuni tal-fruntiera tal-Lvant mhuwiex biss espressjoni ta’ solidarjetà, iżda wkoll investiment strateġiku fis-sigurtà, il-kompetittività, u l-istabbiltà fit-tul tal-Ewropa.
Għal aktar tagħrif
- Data tal-pubblikazzjoni
- 18 Frar 2026
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni