Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissjoni tipproponi miżuri ġodda biex nipprevjenu u nikkumbattu t-terroriżmu

  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 26 Frar 2026
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 3 min qari
Cyber defence exercise, Estonia

 

Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet sett ġdid ta’ miżuri biex nipprevjenu u nikkumbattu t-terroriżmu. Uriet kif jista’ jissaħħaħ ir-rispons kollettiv tal-Ewropa għall-mod kif qed jevolvi t-theddid terroristiku u estremist vjolenti.

Matul l-aħħar għaxar snin, l-UE saħħet ir-rispons tagħha għat-terroriżmu u għall-estremiżmu vjolenti. Madankollu, in-natura ta’ dan it-theddid qed tevolvi l-ħin kollu. L-użu ħażin tat-teknoloġiji ġodda, li qiegħed dejjem jiżdied, qed jibdel il-mod kif isseħħ l-attività terroristika. Il-minorenni qed ikunu dejjem aktar fil-mira u qed jiġu radikalizzati online, u minħabba l-iżviluppi ġeopolitiċi x-xenarju tat-theddid qed ikompli jeħżien. Dan jitlob rispons adattat u aktar qawwi

Il-Kummissjoni ppreżentat pakkett ta’ inizjattivi biex nintensifikaw il-preparatezza u r-rispons biex lin-nies u n-negozji fl-UE nipproteġuhom aħjar mill-perikli. Ħarġet b'azzjonijiet konkreti fl-ambitu ta’ sitt pilastri:

  • nantiċipaw it-theddid: nagħtu spinta lill-analiżi tal-intelligence fil-livell tal-UE, nissudaw il-kapaċitajiet ta’ appoġġ analitiku tal-Europol, u nsaħħu r-riċerka fil-qasam tas-sigurtà dwar it-teknoloġiji emerġenti
  • nipprevjenu r-radikalizzazzjoni, fost l-oħrajn b’pakkett ta’ għodod għall-prevenzjoni u programm ta’ €5 miljun għall-involviment u r-responsabbilizzazzjoni tal-komunità li jagħti sostenn għal proġetti li jiffukaw fuq il-prevenzjoni bikrija tar-radikalizzazzjoni
  • nipproteġu lin-nies online: nirrevedu r-Regolament dwar il-Kontenut Terroristiku Online u ninfurzaw l-Att dwar is-Servizzi Diġitali, insaħħu l-kooperazzjoni volontarja mal-fornituri tas-servizzi online permezz tal-Forum tal-UE dwar l-Internet, u nittrasformaw il-protokoll tal-UE għall-kriżijiet f’qafas online tal-UE għar-rispons għall-kriżijiet għal kooperazzjoni aħjar
  • nipproteġu lin-nies fl-ambjent fiżiku: intejbu l-qsim tal-informazzjoni dwar l-allerti relatati mat-terroriżmu, nesploraw il-possibbiltajiet li jeżistu biex inwessgħu l-qafas dwar l-informazzjoni avvanzata dwar l-ivvjaġġar, u nżidu s-sigurtà tal-ispazji pubbliċi u l-infrastruttura kritika billi ninvestu €30 miljun u nsaħħu l-programm konsultattiv tal-UE dwar is-sigurtà protettiva
  • nirrispondu għat-theddid u għall-attakki: intejbu t-traċċar tal-finanzjament tat-terroriżmu, nirrevedu l-mandati tal-Europol u tal-Eurojust, u nimplimentaw il-pjan direzzjonali dwar l-aċċess legali u effettiv għad-data għall-infurzar tal-liġi
  • nikkooperaw ma’ sħabna fil-livell internazzjonali: insaħħu l-kooperazzjoni esterna tal-Europol u tal-Eurojust fir-rigward tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kooperazzjoni tal-Europol ma’ sħab fdati biex tinkiseb data dwar individwi li huma ta’ theddida terroristika, u nikkooperaw ma’ sħabna tat-tkabbir u ma’ sħabna fir-reġjun tal-Mediterran

Stħarriġ reċenti tal-UE juri li ċ-ċittadini jqisu d-difiża u s-sigurtà bħala waħda mill-ħames sfidi ewlenin. Skont stħarriġ ieħor, aktar minn żewġ terzi jemmnu li r-rwol tal-UE fir-rigward tal-protezzjoni taċ-ċittadini mill-kriżijiet globali u mir-riskji għas-sigurtà għandu jsir aktar importanti.

Dawn il-proposti huma parti mill-istrateġija Ewropea għas-sigurtà interna, il-ProtectEU. Ġew ippreżentati flimkien ma’ proposta dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi tan-nar.

Għal aktar tagħrif

Stqarrija għall-istampa

Skeda informattiva

Is-sigurtà u d-difiża

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
26 Frar 2026
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni