Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 22 Ottubru 2024
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 3 min qari

Kif l-aħjar tingħata spinta lill-potenzjal taż-Żona Ewropea tar-Riċerka

Woman scientist in labcoat in laboratory

 

Iż-żona Ewropea tar-Riċerka taħdem billi toħloq ambjent dinamiku u attraenti għar-riċerkaturi u l-innovaturi madwar l-Ewropa biex tiġi indirizzata l-frammentazzjoni fix-xenarju Ewropew tar-riċerka. L-aħħar komunikazzjoni tal-UE sabet li filwaqt li l-UE għamlet progress sinifikanti biex il-qasam isir aktar attraenti, effiċjenti u integrat, għad hemm lok għal spinta ulterjuri fil-potenzjal taż-żona.  

Il-komunikazzjoni tidentifika 4 oqsma fejn hija meħtieġa azzjoni futura: 

  • Prijoritizzazzjoni tal-investimenti u r-riformi: l-UE qed taħdem mal-pajjiżi tal-UE biex tallinja l-isforzi tar-riċerka u l-innovazzjoni, u tappoġġa r-riformi u l-investimenti. Iżda l-Ewropa għadha ’l bogħod milli tilħaq il-mira ta’ 3 % tal-PDG tal-UE investit fir-riċerka u l-iżvilupp. Jeħtieġ li jsir aktar xogħol biex jitnaqqsu l-ostakli regolatorji, legali u amministrattivi għall-investiment privat, u dan huwa essenzjali biex jiġu attirati aktar investituri u innovaturi. 
  • Titjib fl-aċċess għall-eċċellenza: L-appoġġ ipprovdut bil-programm Orizzont Ewropa tal-UE u l-iskemi ta’ mobbiltà għen biex jissaħħu n-networks ta’ kooperazzjoni xjentifika. Ġew investiti wkoll aktar minn EUR 1 biljun biex jappoġġaw l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni aktar b’saħħithom f’pajjiżi tal-UE bi prestazzjoni aktar baxxa. Madankollu, hija meħtieġa aktar ħidma biex titnaqqas il-burokrazija u tiġi pprovduta informazzjoni aħjar dwar l-opportunitajiet disponibbli għar-riċerkaturi. 
  • Insarrfu r-riżultat f’impatt ekonomiku: Il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni sar l-akbar investitur fit-teknoloġija profonda fl-Ewropa. Iż-żona Ewropea tar-Riċerka appoġġat l-iżvilupp, flimkien mal-pajjiżi tal-UE, ta’ gwida mmirata għall-isfruttament ekonomiku tar-riżultati tar-riċerka u tal-pjanijiet direzzjonali tat-teknoloġija, iżda l-Ewropa għad għandha bżonn aktar kapital ta’ riskju biex twettaq innovazzjonijiet rivoluzzjonarji.  
  • Approfondiment taż-Żona Ewropea tar-Riċerka: Iż-żona Ewropea tar-Riċerka wasslet għal progress sinifikanti fit-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-iżvilupp tal-karriera għar-riċerkaturi, iżda għad hemm iktar xi jsir. F’konformità mal-valuri Ewropej, Orizzont Ewropa mexxa t-triq biex tingħata spinta ulterjuri lill-ugwaljanza bejn il-ġeneri u lill-integrità tar-riċerka, lix-xjenza miftuħa u lill-isforzi għall-kondiviżjoni tad-data. Iżda huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġu indirizzati d-disparitajiet li fadal fl-opportunitajiet ta’ żvilupp tal-karriera madwar l-UE u biex jiġu żgurati s-sostenibbiltà u l-aċċessibbiltà fit-tul tal-infrastrutturi Ewropej tar-riċerka u t-teknoloġija. 

Ir-rapport reċenti ta’ Draghi u l-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss jenfasizzaw kif ir-riċerka u l-innovazzjoni huma muturi kritiċi tar-reżiljenza ekonomika, tal-kompetittività u tal-benesseri. Din l-aħħar komunikazzjoni tafferma mill-ġdid l-impenn tal-UE li tqiegħed ir-riċerka u l-innovazzjoni fil-qalba tat-tkabbir futur tal-Ewropa. 

Għal aktar informazzjoni 

Żona Ewropea tar-Riċerka 

Il-Pjattaforma taż-Żona Ewropea tar-Riċerka 

Aġenda ta’ Politika taż-ŻER 2022–24 

Orizzont Ewropa 

Ir-Rapport ta’ Draghi

Linji gwida politiċi 2024-2029

Stqarrija għall-istampa: Il-Kummissjoni tanalizza l-potenzjal biex tingħata spinta liż-Żona Ewropea tar-Riċerka 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
22 Ottubru 2024
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni