
Fuq il-bażi tal-pjanijiet tagħha biex tipproteġi l-paċi u żżid il-prontezza tad-difiża tal-kontinent tagħna, il-Kummissjoni Ewropea żvelat sett ta’ miżuri li għandhom itejbu b’mod sinifikanti l-mobbiltà militari madwar l-Ewropa. Il-miżuri se joħolqu żona ta’ mobbiltà militari madwar l-UE kollha fejn it-truppi, it-tagħmir, u l-assi militari jkunu jistgħu jiċċaqilqu malajr u mingħajr xkiel.
Fl-istess ħin, il-Kummissjoni ppreżentat ukoll pjan direzzjonali li se jittrasforma lill-industrija tad-difiża tal-UE billi jagħti spinta lill-innovazzjoni rivoluzzjonarja u jagħti sostenn lill-atturi emerġenti fil-qasam tad-difiża.
Sabiex jippermettu ċ-ċaqliq militari b’veloċità u fuq skala kbira u jqarrbuna lejn “Schengen militari”, il-miżuri
- se jġarrfu l-ħitan regolatorji, pereżempju billi jkun hemm proċedura waħda ta’ awtorizzazzjoni għas-27 pajjiż kollha tal-UE biex tagħmir militari jiċċaqlaq minn post għal ieħor
- se joħolqu qafas ta’ emerġenza għal proċeduri rapidi u aċċess prijoritarju għall-infrastruttura
- se jtejbu l-prontezza tal-infrastruttura tat-trasport, billi l-kurituri ewlenin tal-mobbiltà militari tal-UE jilħqu standards ċivili u għal skop militari u l-infrastruttura ċivili/militari strateġika tiġi identifikata u protetta b’sett ta’ għodod ġdid għar-reżiljenza
- se jiġbru flimkien u jaqsmu l-kapaċitajiet fl-oqsma tat-trasport u tal-loġistika
- se jsaħħu l-governanza u l-koordinazzjoni
- se japprofondixxu l-kooperazzjoni tal-UE man-NATO u ma’ sħab oħrajn.
Fl-istess ħin, l-UE ħarġet pjan direzzjonali biex tiġi rrilaxxata l-innovazzjoni rivoluzzjonarja — teknoloġiji ġodda li fundamentalment ibiddlu l-mod kif isiru l-affarijiet — u tiġi mmodernizzata l-industrija tad-difiża tal-Ewropa. Huwa msejjes fuq it-tagħlimiet li tatna l-gwerra fl-Ukrajna, li turi kif it-teknoloġiji tad-difiża qed jittrasformaw il-gwerra moderna.
Il-pjan jistabbilixxi miżuri biex iġib flimkien il-komunitajiet tat-teknoloġija profonda u tad-difiża, iħaffef l-użu ta’ teknoloġiji avvanzati fil-kapaċitajiet militari, u jagħti spinta lill-kapaċità tal-produzzjoni tal-Ewropa permezz tal-innovazzjoni.
Il-pjan direzzjonali jiffoka fuq erba’ prijoritajiet:
- is-sostenn għall-investiment fil-kumpaniji tad-difiża
- l-aċċellerazzjoni tal-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda
- l-espansjoni tal-aċċess għall-kapaċitajiet tad-difiża
- il-promozzjoni tal-ħiliet meħtieġa biex jiġi sostnut il-vantaġġ teknoloġiku tal-Ewropa
Il-Kummissjoni se tibda twettaq l-azzjonijiet proposti fil-pjan direzzjonali minnufih.
Il-miżuri marbutin mal-mobbiltà militari se jiġu ppreżentati lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex jiġu adottati.
Kif nistgħu ntejbu l-mobbiltà militari fl-UE
Għal aktar tagħrif
Defence Industry Transformation Roadmap
- Data tal-pubblikazzjoni
- 19 Novembru 2025
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni