Ix-xjenzi tal-ħajja – l-istudju tas-sistemi ħajjin, miċ-ċelloli sal-ekosistemi – huma ċentrali għal ħajjitna, għall-ambjent, u għall-ekonomija. L-Ewropa ilha minn ta’ quddiem fil-qasam tax-xjenzi tal-ħajja, u hija sostnuta minn bażi ta’ għarfien b’saħħitha u minn eċċellenza xjentifika. Issa, iżda, qed jidħlulha atturi globali oħrajn fl-għalqa tat-trasformazzjoni tar-riċerka f’soluzzjonijiet konkreti. Biex taffronta din ix-xejra, il-Kummissjoni Ewropea nediet strateġija ġdida biex sal-2030 lill-Ewropa nkunu għamilniha l-aktar post attraenti fid-dinja għax-xjenzi tal-ħajja. L-istrateġija tistabbilixxi miżuri tul il-katina tal-valur kollha tax-xjenzi tal-ħajja biex taċċellera l-innovazzjoni, tiffaċilita l-aċċess għas-suq, u tkabbar il-fiduċja tan-nies fit-teknoloġiji ġodda, filwaqt li tiżgura li dawn ikunu ta’ benefiċċju għan-nies u għall-pjaneta. Bħalissa, ix-xjenzi tal-ħajja jżidu kważi €1.5 triljun f’valur għall-ekonomija tal-UE u jappoġġaw 29 miljun impjieg madwar l-UE. L-istrateġija tipproponi li: Tiġi ottimizzata l-ekosistema tar-riċerka u l-innovazzjoni bi pjan ta’ investiment tal-UE biex jiġi ffaċilitat il-finanzjament għall-provi kliniċi f’diversi pajjiżi. Se tippromwovi wkoll approċċ “Saħħa Waħda” (jiġifieri approċċ integrat li għandu l-għan li jibbilanċja s-saħħa tan-nies, tal-annimali, u tal-ekosistemi) għar-riċerka u l-innovazzjoni, u se tiffinanzja l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq il-mikrobijoma u prodotti ġodda li jixprunaw l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà industrijali.Ikun possibbli li s-suq ikollu aċċess malajr għall-innovazzjonijiet fil-qasam tax-xjenza tal-ħajja billi jiġi propost Att tal-UE dwar il-Bijoteknoloġija li se joħloq qafas aktar favorevoli għall-innovazzjoni fis-setturi kollha tal-bijoteknoloġija, u billi titnieda interfaċċa ta’ pariġġar biex tlaqqa’ l-istartups, l-industrija, u l-investituri.Jingħata stimolu lill-fiduċja, l-adozzjoni, u l-użu tal-innovazzjoni bil-mobilizzazzjoni ta’ €300 miljun biex jiġi inċentivat l-akkwist tal-innovazzjoni fil-qasam tax-xjenzi tal-ħajja f’oqsma bħal, ngħidu aħna, l-adattament għat-tibdil fil-klima, il-vaċċini tal-ġenerazzjoni li jmiss, u soluzzjonijiet għall-kanċer bi prezzijiet raġonevoli. Se tistabbilixxi wkoll Grupp ta’ Koordinazzjoni tax-Xjenza tal-Ħajja biex jallinja l-politiki u l-finanzjament fis-setturi kollha. L-istrateġija hija parti mill-Boxxla għall-Kompetittività, u hija msejsa fuq konsultazzjoni pubblika u fuq ġabra kbira ta’ evidenza, inklużi żewġ studji taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni. Għal aktar informazzjoni Pjan ġdid għall-prosperità u l-kompetittività sostenibbli tal-Ewropa Choose Europe for life sciences: A strategy to position the EU as the world's most attractive place for life sciences by 2030 Choose Europe – Advance your research career in the EU Skeda informattiva Stqarrija għall-istampa: Il-Kummissjoni tniedi strateġija ġdida biex tagħmel l-Ewropa mexxejja globali fix-xjenzi tal-ħajja sal-2030. Mistoqsijiet u tweġibiet Dettalji Data tal-pubblikazzjoni2 Lulju 2025AwturId-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni