Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 2 Lulju 2025
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 2 min qari

Il-pjan tal-UE li ssir pijuniera dinjija fil-kwantum sal-2030

A chip on display on the European Quantum Technologies Flagship stand

 

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat strateġija biex sal-2030 l-Ewropa ssir pijuniera dinjija fit-teknoloġija tal-kwantum. L-istrateġija se tgħin fl-iżvilupp tas-settur tal-kwantum, filwaqt li tissokta t-tmexxija xjentifika tal-Ewropa. Din se tixpruna wkoll il-kompetittività, is-sovranità teknoloġika u s-sigurtà tal-UE.

L-istrateġija tiffoka fuq ħames oqsma: ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-infrastrutturi tal-kwantum, it-tisħiħ tal-ekosistema, it-teknoloġiji spazjali u b’użu doppju, u l-ħiliet fil-kwantum. Ġew identifikati bosta azzjonijiet speċifiċi biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija, fosthom: 

  • titnieda l-inizjattiva tal-Quantum Europe għar-riċerka u l-innovazzjoni
  • tinfetaħ faċilità tad-disinn tal-kwantum u jinħolqu sitt linji pilota taċ-ċipep kwantistiċi
  • titnieda faċilità pilota għall-internet kwantistiku Ewropew
  • jitwessgħu r-Raggruppamenti tal-Kompetenza Kwantistika madwar l-UE u fl-2026 tinfetaħ l-akkademja Ewropea tal-ħiliet fil-kwantum.
  • jitfassal pjan direzzjonali għat-teknoloġija kwantistika fl-ispazju flimkien mal-Aġenzija Spazjali Ewropea u jingħata kontribut għall-pjan direzzjonali teknoloġiku Ewropew tal-armamenti.

Sal-2040, is-settur tal-kwantum mistenni joħloq eluf ta’ impjiegi b’livell għoli tal-ħiliet madwar l-UE, u l-valur globali tiegħu mistenni jaqbeż il-€155 biljun. Mhux biss, iżda bis-saħħa tal-avvanzi fit-teknoloġiji kwantistiċi se jkunu jistgħu jsiru affarijiet li llum mhumiex possibbli – minn dijanjożi aktar malajr tal-mard sat-twettiq ta’ kompiti komputazzjonali kumplessi.

Il-Kummissjoni issa se taħdem mill-qrib mal-pajjiżi tal-UE u mal-komunità kwantistika Ewropea biex tilħaq l-objettivi tal-istrateġija. Wara l-istrateġija, fl-2026 mistenni jiġi propost Att tal-Kwantum li se jkompli ssaħħaħ l-isforzi tal-ekosistema u l-industrijalizzazzjoni tal-kwantum.

Għal aktar informazzjoni

Stqarrija għall-istampa: Il-Kummissjoni tniedi strateġija biex sal-2030 l-Ewropa tkun fuq quddiem nett fil-kwantum

Mistoqsijiet u tweġibiet

Skeda informattiva

L-Istrateġija Quantum Europe

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
2 Lulju 2025
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni