Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

Insaħħu r-responsabbiltà tal-pjattaformi online

Ħarsa ġenerali

Il-Kodiċi ta’ Prattika tal-UE dwar id-Diżinformazzjoni

Il-Kodiċi ta’ Prattika tal-UE dwar id-Diżinformazzjoni, stabbilit fl-2018, hu l-ewwel strument awtoregolatorju volontarju fid-dinja għall-pjattaformi online, li jistabbilixxi standards u impenji għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni. 

Il-Kodiċi ssaħħaħ f'Ġunju 2022, b’34 firmatarju jaqblu li jżidu t-trasparenza u r-responsabbiltà tal-azzjonijiet tal-pjattaformi tagħhom. Iċ-Ċentru ta’ Trasparenza jinkludi informazzjoni dwar il-Kodiċi u azzjonijiet implimentati.

Fit-13 ta’ Frar 2025, il-Kummissjoni u l-Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali approvaw l-integrazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika tal-2022 fil-qafas tal-Att dwar is-servizzi diġitali (DSA, Digital Services Act) bħala Kodiċi ta’ Kondotta dwar id-Diżinformazzjoni. Permezz ta’ din l-integrazzjoni, il-Kodiċi se jsir parametru referenzjarju għad-determinazzjoni tal-konformità tal-pjattaformi mad-DSA.

L-Att dwar is-Servizzi Diġitali

F’Awwissu 2023, l-Att dwar is-servizzi diġitali (DSA) sar legalment infurzabbli, u b’hekk beda jirregola l-intermedjarji u l-pjattaformi online. L-għan ewlieni tiegħu huwa li jipprevjeni attivitajiet illegali u dannużi online u t-tixrid tad-diżinformazzjoni. Jiżgura s-sikurezza tal-utenti, jipproteġi d-drittijiet fundamentali, u joħloq ambjent tal-pjattaformi online ġust u miftuħ.  

Il-pjattaformi online kbar ħafna u l-magni tat-tiftix online kbar ħafna jridu jaqsmu l-valutazzjonijiet annwali tar-riskju tagħhom dwar il-kontenut illegali mxerred permezz tas-servizz tagħhom. Iridu jaġġustaw ukoll il-miżuri ta’ mitigazzjoni.

L-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (IA)

L-Att dwar l-IA hu l-ewwel qafas legali tad-dinja dwar l-IA. Jindirizza r-riskji tal-IA u permezz tiegħu l-Ewropa għandha rwol ewlieni globalment.

L-għan tar-regoli l-ġodda hu li jistimulaw IA affidabbli fl-Ewropa u lil hinn minnha, billi jiżguraw li s-sistemi tal-IA jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, is-sikurezza u l-prinċipji etiċi, u billi jindirizzaw ir-riskji ta’ mudelli tal-IA b’saħħithom u b’impatt kbir ħafna.

Trasparenza tar-reklamar politiku

Fid-9 ta’ April 2024, daħal fis-seħħ ir-Regolament dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku. Ir-Regolament għandu l-għan li jiżgura li l-forniment tar-reklamar politiku jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali u li l-votanti jkunu f’pożizzjoni aħjar biex jagħmlu għażliet infurmati tajjeb.

Skont ir-regoli l-ġodda, ir-reklami politiċi jridu jkunu mmarkati b’mod ċar bħala tali u jridu wkoll jipprovdu informazzjoni dwar min ħallas għalihom, kemm, ma’ liema elezzjonijiet, referenda jew proċessi regolatorji huma marbutin u jekk intużawx tekniki tal-immirar.

Il-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet tiegħu japplikaw mill-10 ta’ Ottubru 2025.

Niġġieldu d-diskors ta’ mibegħda illegali online

Biex tipprevjeni u tiġġieled it-tixrid tad-diskors ta’ mibegħda illegali online, il-Kummissjoni ħolqot Kodiċi ta’ kondotta li bosta mill-pjattaformi online l-aktar importanti ffirmaw għalih. 

Skont il-Kodiċi ta’ kondotta, il-kumpaniji għandhom ineħħu l-kontenut meqjus bħala diskors ta’ mibegħda mill-pjattaformi tagħhom fi żmien 24 siegħa.

F’Jannar 2025, Kodiċi ta’ kondotta rivedut ġie integrat fil-qafas tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali. Il-Kodiċi ta’ kondotta dwar il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda online illegali+ jibbaża fuq il-Kodiċi ta’ kondotta inizjali billi jsaħħaħ il-mod kif il-pjattaformi online jittrattaw il-kontenut li l-liġijiet nazzjonali u tal-UE jiddefinixxu bħala diskors ta’ mibegħda illegali.

Nindirizzaw it-tixrid ta’ kontenut terroristiku online

Ir-Regolament biex jiġi indirizzat it-tixrid ta’ kontenut terroristiku online ilu japplika mis-7 ta’ Ġunju 2022. Abbażi tar-Regolament, il-kontenut terroristiku jrid jitneħħa fi żmien siegħa wara li jiġi identifikat online. Dan japplika għall-pjattaformi online li joffru servizzi fl-UE, biex jiġu żgurati s-sikurezza u s-sigurtà taċ-ċittadini.