Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

Nikkooperaw mal-verifikaturi tal-fatti, is-soċjetà ċivili, il-media u l-akkademiċi

Naħdmu ma’ organizzazzjonijiet indipendenti tal-verifika tal-fatti

L-Osservatorju Ewropew tal-Media Diġitali (EDMO)

L-EDMO hu proġett li jappoġġa komunità multidixxiplinari indipendenti, magħmula minn verifikaturi tal-fatti, akkademiċi, prattikanti tal-litteriżmu medjatiku u partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn, li jingħaqdu flimkien biex jindirizzaw il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil barrani. In-network tal-EDMO jipprovdi kopertura ġeografika komprensiva tal-UE. 

Fid-dawl tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2024, l-EDMO stabbilixxa task force ddedikata biex tidentifika u twissi dwar it-tixrid tad-diżinformazzjoni. It-task force ħarġet aġġornamenti ta’ kuljum dwar id-diżinformazzjoni diskussa (verifiki tal-fatti), aġġornamenti ta’ kull ġimgħa b’xejriet ta’ diżinformazzjoni kif ukoll twissijiet bikrija u investigazzjonijiet rilevanti. L-EDMO wettaq ukoll kampanja ta’ litteriżmu medjatiku, “Be Elections Smart”.

In-Network Ewropew tal-Istandards tal-Verifika tal-Fatti (EFSCN)

L-EFSCN hu assoċjazzjoni indipendenti ta’ organizzazzjonijiet Ewropej tal-verifika tal-fatti li jiddefendi u jippromwovi l-ogħla standards tal-verifika tal-fatti u l-litteriżmu medjatiku biex tiġi miġġielda l-miżinformazzjoni għall-benefiċċju pubbliku. 

L-EFCSN u l-membri vverifikati tiegħu jaħdmu biex jippromwovu aċċess għal informazzjoni dwar fatti vverifikati affidabbli u biex jissensibilizzaw lill-pubbliku dwar kif jivvaluta l-preċiżjoni tal-informazzjoni fl-isfera pubblika.

Nappoġġaw is-soċjetà ċivili, il-media u l-akkademiċi

Eżempji ta’ proġetti appoġġati

AI-CODE – Soluzzjonijiet ibbażati fuq l-IA ġenerattiva b’appoġġ għall-professjonisti tal-media

Il-proġetti tal-AI-CODE se jipprovdu lill-professjonisti tal-media b’servizzi ġodda bbażati fuq l-IA biex jappoġġaw xogħolhom fl-ambjent diġitali emerġenti.  L-għan hu li l-professjonisti tal-media jingħataw l-għodod u t-tekniki biex jidentifikaw forom ġodda ta’ manipulazzjoni tal-kontenut. 

L-UE pprovdiet madwar €5 miljun biex tappoġġa dan il-proġett.

AI4Debunk – Għodod abbażi tal-IA b’appoġġ għaċ-ċittadini biex jivverifikaw l-informazzjoni 

L-għan tal-proġett AI4Debunk hu li jiżviluppa erba’ interfaċċi abbażi tal-IA ċċentrata fuq il-bniedem: web plug-in, pjattaforma kollaborattiva, applikazzjoni għall-ismartphone, u interfaċċa tar-realtà awmentata. Dawk l-interfaċċi se jappoġġaw liċ-ċittadini biex jinnavigaw ix-xenarju medjatiku diġitali b’mod sikur u jieħdu deċiżjonijiet infurmati. 

L-UE pprovdiet madwar €4.9 miljun biex tappoġġa dan il-proġett.

EU-HYBNET - Azzjoni innovattiva għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu

Il-proġett EU-HYBNET se jiffoka fuq it-tħejjija għat-theddid ibridu u l-ġlieda kontrih, kif ukoll fuq l-iżvilupp u l-bini ta’ network Ewropew għas-settur. 

Il-proġett se jlaqqa’ flimkien lill-prattikanti u lill-partijiet ikkonċernati biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet l-aktar urġenti għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu. Se jwettaq analiżi fil-fond tad-diskrepanzi u l-ħtiġijiet u tittestja l-innovazzjonijiet l-aktar promettenti (tekniċi u soċjali).

L-UE pprovdiet madwar €3.5 miljun biex tappoġġa dan il-proġett.

E-engAGEd – Appoġġ għall-iskambju diġitali interġenerazzjonali

Il-proġett E-engAGEd għandu l-għan li jżid il-parteċipazzjoni diġitali, soċjali u politika taż-żgħażagħ u l-adulti t’età akbar b’approċċ ta’ apprendiment interġenerazzjonali. Joffri spazji għal dibattiti u skambji bejn iċ-ċittadini t’etajiet differenti dwar l-ambjent modern tal-informazzjoni, iċ-ċittadinanza diġitali u l-involviment ċiviku.  

L-UE pprovdiet madwar €206,000 biex tappoġġa dan il-proġett.

DRONE – Promozzjoni tal-litteriżmu diġitali fl-iskejjel 

Il-proġett DRONE juża l-approċċ għall-ekosistema skolastiku kollu li jimpenja lill-mexxejja tal-iskejjel u l-ġenituri fi djalogu, u jqis il-litteriżmu medjatiku u dak diġitali tal-istudenti bħala komponenti kritiċi għat-tħejjija għall-kriżi fil-komunitajiet skolastiċi. 

L-għan tal-proġett hu li jagħmel impatt f’livelli differenti permezz tal-produzzjoni ta’ materjali innovattivi għall-għalliema u l-ħolqien ta’ korsijiet ta’ taħriġ għall-promozzjoni taċ-ċittadinanza attiva diġitali fil-komunitajiet skolastiċi.

L-UE pprovdiet madwar €1.5 miljun biex tappoġġa dan il-proġett.

RESONANT – Riċerka dwar l-impatt tas-soppressjoni tal-informazzjoni 

Il-proġett RESONANT għandu l-għan li joħloq stampa aktar ċara u fehim aħjar tal-atturi statali u dawk mhux statali fil-kuntest tal-applikazzjoni tas-soppressjoni tal-informazzjoni bħala aspett wieħed tal-manipulazzjoni tal-informazzjoni minn barranin u l-indħil barrani (FIMI, Foreign Information Manipulation and Interference). Se jiżviluppa strateġiji, għodod u metodoloġiji biex inaqqas l-impatt u l-vulnerabbiltà tal-gruppi fil-mira.

L-UE pprovdiet madwar €3 miljun biex tappoġġa dan il-proġett.

SOLARIS – Rispons għall-isfidi tad-deepfakes

Il-proġetti SOLARIS se janalizzaw ir-riskji assoċjati man-Networks avversarjali ġenerattivi (GANs, Generative Adversarial Networks) li huma klassi ta’ networks newtrali li kapaċi joħolqu kontenut tal-multimedia (ritratti, vidjos, awdjo) li jissimula kontenuti reali bi preċiżjoni estrema – spiss imsejħa bħala deepfakes. L-għan tal-proġett hu li jiżviluppa innovazzjonijiet biex jiġu identifikati u mitigati r-riskji tad-deepfakes. 

L-UE pprovdiet madwar €2.8 miljun biex tappoġġa dan il-proġett. 

SPEAK OUT – Involviment taż-żgħażagħ fil-komunitajiet lokali 

Il-proġett SPEAK OUT għandu l-għan li jippromwovi l-iskambji bejn iż-żgħażagħ internazzjonali f’komunitajiet differenti. Il-proġett jinvolvi liż-żgħażagħ fil-parteċipazzjoni demokratika u jissensibilizza dwar il-manipulazzjoni tal-informazzjoni permezz ta’ taħriġ, djalogi u avvenimenti fuq skala kbira. 

L-UE pprovdiet madwar €390,000 biex tappoġġa dan il-proġett. 

Din il-paġna ġiet rieżaminata l-aħħar: 12 Marzu 2026