Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

Inħejju għal Unjoni Ewropea b’aktar Stati Membri

  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 6 Ottubru 2026
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 3 min qari
Europe Day celebrations in Brussels

Irridu nkunu għal-lest għal meta jissieħbu fl-Unjoni Ewropea aktar pajjiżi. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni Ewropea rrevediet l-azzjonijiet meħtieġa biex l-UE u l-pajjiżi li qed ifittxu li jissieħbu fl-UE jippreparaw għal tkabbir futur.

Il-miżuri l-ġodda se jippreparaw il-governanza, il-politiki, u l-baġit għat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li jsaħħu l-protezzjoni tal-valuri tal-UE u tal-istat tad-dritt.

L-adattament tal-politiki għal Unjoni b’aktar Stati Membri

It-Trattat u l-qafas baġitarju eżistenti jippermettu li l-UE tilqa’ fiha aktar pajjiżi bħala membri. Madankollu, ikun hemm bżonn ta’ xi titjib f’termini tal-kapaċità amministrattiva u tal-implimentazzjoni.

Fir-rigward tal-arranġamenti baġitarji, il-baġit tal-Unjoni jista’ jakkomoda Stati Membri ġodda filwaqt li jkompli jiffinanzja l-prijoritajiet eżistenti tal-Unjoni.

It-tisħiħ tal-governanza għal Unjoni akbar

Jekk jissieħbu fl-UE aktar pajjiżi, id-deċiżjonijiet ikollhom jittieħdu aktar malajr u b’mod aktar effettiv. Il-Kummissjoni tipproponi li jsir użu akbar mill-possibbiltajiet li jeżistu fl-ambitu tat-Trattati biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Unjoni li taġixxi, fosthom

  • li ngħaddu mill-unanimità għall-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata f’oqsma ewlenin, inkluż għall-ftuħ tal-ġabriet ta’ kapitoli ta’ negozjar, u b’hekk nikkontribwixxu biex il-proċess tat-tkabbir isir aktar dinamiku
  • li nimmaniġġjaw b’mod aktar effettiv il-proċeduri tal-Artikolu 7 (jiġifieri l-possibbiltà li jiġu sospiżi ċerti drittijiet ta’ Stat Membru jekk dan jikser serjament il-valuri fundamentali tal-UE), inklużi l-perjodi ta’ żmien possibbli

Ir-rapporti annwali dwar it-Tkabbir u dwar l-Istat tad-Dritt se jkomplu jservu bħala l-għodod ewlenin ta’ monitoraġġ.

L-integrazzjoni gradwali tal-pajjiżi kandidati fl-UE

Il-miżuri jsaħħu l-integrazzjoni gradwali tal-pajjiżi kandidati fl-UE billi  

  • jiġu identifikati opportunitajiet biex tiġi approfondita l-integrazzjoni f’setturi strateġiċi bħall-enerġija, it-trasport, il-qasam diġitali, u d-difiża 
  • jitnidew djalogi annwali mas-sħab fil-proċess tat-tkabbir biex jiġi segwit il-progress, jiġu identifikati l-opportunitajiet, u jiġu indirizzati l-lakuni fl-integrazzjoni gradwali

Salvagwardji settorjali u istituzzjonali

Il-miżuri jipproponu salvagwardji aktar b’saħħithom għal trattati ta’ adeżjoni futuri sabiex l-impenji li jsiru matul in-negozjati jkomplu jiġu rispettati wara l-adeżjoni.

  • Ikun hemm salvagwardja istituzzjonali apposta li tindirizza każijiet ta’ ksur serju tal-valuri fundamentali minquxin fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u tal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali. Fl-aktar każijiet serji, il-miżuri jistgħu jkunu jinkludu s-sospensjoni tad-drittijiet tal-vot fil-Kunsill. 
  • Jistgħu jintużaw ukoll arranġamenti tranżizzjonali fejn ikun meħtieġ, inkluż għall-moviment liberu tal-ħaddiema u tas-servizzi, għall-agrikoltura, għall-prodotti sensittivi, għall-finanzjament, u għall-parteċipazzjoni f’sistemi komuni tal-UE.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill Ewropew u lill-Parlament Ewropew biex jibdew id-diskussjonijiet u t-tħejjijiet istituzzjonali. 

Se taħdem mal-pajjiżi tal-UE u mal-pajjiżi kandidati biex tallinja n-negozjati tal-adeżjoni mat-tħejjijiet interni tal-Unjoni u tippreżenta pjanijiet direzzjonali għall-Montenegro, l-Albanija, il-Moldova, u l-Ukrajna.

It-tkabbir tal-UE jibqa’ prijorità ewlenija għall-Kummissjoni u pilastru importanti għas-sigurtà, il-paċi, l-istabbiltà, u l-prosperità fit-tul fl-Ewropa.

Għal aktar informazzjoni

Stqarrija għall-istampa

Mistoqsijiet u tweġibiet

Tkabbir

 

Data tal-pubblikazzjoni
6 Ottubru 2026
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni

Aħbarijiet relatati

  • News article

At the summit of the European Political Community in Tirana, Albania, President von der Leyen stressed the importance to foster peace and stability in Europe. She also announced the soon upcoming strategy for the Black Sea region and spoke of the connectivity agenda linking Europe to Central Asia.

3 min qari