Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

L-ewwel pjanijiet li qatt saru biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-gżejjer u tal-komunitajiet kostali tal-UE

  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 10 Ġunju 2026
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 3 min qari
Aerial view of Jardim do Mar village in Madeira
Jardim do Mar, Madeira

 

Madwar 17-il miljun persuna jgħixu f’4,000 gżira madwar l-UE, filwaqt li 95 miljun ruħ — wieħed minn kull ħamsa tal-popolazzjoni tal-UE — jgħixu tul il-kosti tal-UE fi 22 pajjiż tal-Unjoni. Iż-żewġ komunitajiet huma assi vitali għall-ekonomija tagħna iżda jiffaċċjaw diversi sfidi: it-tibdil fil-klima, is-sostenibbiltà u t-tkabbir ekonomiku, u t-turiżmu eċċessiv, biex insemmu biss xi wħud minnhom. Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat l-ewwel strateġiji tagħha mfasslin apposta biex jingħata sostenn liż-żewġ tipi ta’ territorji u biex jiġi sfruttat il-potenzjal tagħhom.  

Il-gżejjer 

Il-biċċa l-kbira tal-gżejjer tal-UE għandhom realtajiet u sfidi uniċi komuni bħall-iżolament ġeografiku, il-konnettività limitata, il-kostijiet għoljin tat-trasport, iċ-ċokon tas-swieq, u t-tnaqqis demografiku. 

Sabiex tindirizza dawn il-kwistjonijiet, l-istrateġija tipproponi li: 

  • tingħata spinta lill-intraprenditorija, jiġu diversifikati l-ekonomiji lokali, it-turiżmu sostenibbli, u d-diġitalizzazzjoni, u jiġu indirizzati l-lakuni fil-konnettività
  • jiġu aċċellerati d-dekarbonizzazzjoni, l-enerġija rinnovabbli, l-adattament għat-tibdil fil-klima, u l-protezzjoni tal-bijodiversità
  • jissaħħu s-servizzi pubbliċi, is-servizzi tas-saħħa, l-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni, u l-inklużjoni soċjali biex titreġġa’ lura d-depopolazzjoni u jinżammu ż-żgħażagħ
  • tissaħħaħ ir-reżiljenza kontra d-diżastri naturali marbutin mal-kriżi klimatika, ir-riskji marittimi, u theddid emerġenti ieħor. 

L-istrateġija tippromwovi djalogu regolari bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u r-rappreżentanti għall-interessi tal-gżejjer. 

Il-komunitajiet kostali 

Il-komunitajiet kostali tal-Ewropa huma l-ewwel art fir-rigward tat-tibdil fil-klima, tat-telf tal-bijodiversità tal-baħar u tal-kosta, u tat-tniġġis tal-baħar. Barra minn hekk, jiffaċċjaw pressjonijiet oħrajn, inklużi t-turiżmu żbilanċjat, in-nuqqas ta’ akkomodazzjoni bi prezzijiet raġonevoli, l-istaġjonalità tal-attività ekonomika, u l-opportunitajiet limitati ta’ xogħol. 

Sabiex tindirizza dawn il-kwistjonijiet, l-istrateġija tiffoka fuq tliet prijoritajiet: 

  • il-prosperità: il-promozzjoni ta’ ekonomija blu dinamika, kompetittiva, u diversifikata, it-tħeġġiġ tal-innovazzjoni u ta’ mudelli ġodda ta’ negozju, u l-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja
  • ir-reżiljenza: it-titjib tal-adattabbiltà għat-tibdil fil-klima u għal sfidi ambjentali, ekonomiċi, soċjali, u ta’ sigurtà usa’, pereżempju permezz tal-inizjattiva OceanEye
  • l-abitabbiltà: il-promozzjoni ta’ postijiet vibranti, inklużivi, u attraenti fejn nies ta’ kull età jistgħu jirnexxu f’ħajjithom filwaqt li jiġu ssalvagwardjati l-kultura, il-wirt, u l-identità lokali marittimi. 

L-istrateġija tenfasizza soluzzjonijiet imfasslin apposta u mmexxijin lokalment, filwaqt li tirrikonoxxi l-ħtiġijiet differenti tal-komunitajiet kostali — minn irħula tas-sajd remoti għal bliet portwarji ewlenin. 

Iż-żewġ strateġiji jaħdmu id f’id, u jsaħħu lil xulxin biex jindirizzaw il-pressjonijiet komuni filwaqt li jirrispondu għar-realtajiet uniċi kemm tal-gżejjer kif ukoll tal-komunitajiet kostali. 

Iktar informazzjoni

L-istrateġija għall-gżejjer 

L-istrateġija għall-komunitajiet kostali  

Stqarrija għall-istampa: Il-Kummissjoni tippreżenta l-ewwel strateġiji tal-UE għall-gżejjer u l-komunitajiet kostali

Data tal-pubblikazzjoni
10 Ġunju 2026
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni