
Il-Kummissjoni Ewropea ressqet sensiela ta’ miżuri ġodda li se jtejbu s-saħħa tal-Ewropej u li se jikkontribwixxu għal settur tal-kura tas-saħħa aktar modern, effiċjenti u reżiljenti fl-UE.
Il-proposti jiffukaw fuq tliet oqsma ewlenin.
Il-bini ta’ industrija tal-bijoteknoloġija fis-settur tas-saħħa li tkun minn ta’ quddiem nett fid-dinja
Il-Kummissjoni pproponiet att dwar il-bijoteknoloġija biex jappoġġa l-innovazzjoni u jtejjeb il-potenzjal tal-Ewropa fejn tidħol il-bijoteknoloġija. Il-miżuri jinkludu
- faċilità ġdida ta’ investiment tal-UE biex il-kumpaniji tal-bijoteknoloġija jsibuha eħfef biex jaċċessaw il-finanzjament
- appoġġ immirat għal proġetti ta’ impatt kbir biex il-bijomanifattura tingħata spinta
Il-pakkett se jħaffef ukoll l-approvazzjonijiet tal-provi kliniċi fil-pajjiżi kollha kif ukoll l-iżvilupp ta’ terapiji ġodda mill-aktar avvanzati, u se jissimplifika r-regoli tal-UE biex jonqsu l-ispejjeż għall-kumpaniji.
L-indirizzar tal-mard kardjovaskolari
Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll pjan għall-“Qlub b’Saħħithom” biex tindirizza l-mard kardjovaskolari, il-kawża ewlenija tal-imwiet fl-Ewropa. L-azzjonijiet iffinanzjati mill-UE għandhom itejbu l-prevenzjoni, id-detezzjoni u t-trattament. Barra minn hekk, il-pjan
- se jagħti s-setgħa lill-individwi permezz ta’ għodod ta’ previżjoni u terapiji personalizzati
- se jindirizza l-lakuni fir-riċerka u juża l-intelliġenza artifiċjali u soluzzjonijiet tas-saħħa diġitali
- se jnaqqas l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa u jtejjeb l-aċċess għall-kura tas-saħħa
Is-simplifikazzjoni tar-regoli għall-iżvilupp ta’ apparati mediċi
Ir-regoli tal-UE dwar l-apparati mediċi se jiġu ssimplifikati biex jonqsu l-ispejjeż bla bżonn, l-inċertezzi għall-kumpaniji u d-dewmien għall-pazjenti. Il-miżuri jinkludu wkoll proċeduri aktar diġitali u skedi taż-żmien ċari għall-valutazzjonijiet tal-konformità biex jitħaffef l-aċċess għall-apparati mediċi. Barra minn hekk, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini msaħħa se timmonitorja n-nuqqas ta’ apparati mediċi u se toħloq lista ta’ apparati kritiċi.
Flimkien, dawn il-miżuri se jipprijoritizzaw is-saħħa u s-sikurezza tal-pazjenti u se jiżguraw li s-settur tas-saħħa jibqa’ reżiljenti u kompetittiv għal żmien twil.
Għal aktar informazzjoni
Skeda informattiva: Att dwar il-Bijoteknoloġija
Skeda informattiva: Pjan għall-Qlub b’Saħħithom
Skeda informattiva: Apparati mediċi
Mistoqsijiet u tweġibiet rigward l-Att dwar il-Bijoteknoloġija
Mistoqsijiet u tweġibiet rigward il-Pjan għall-Qlub b’Saħħithom
Mistoqsijiet u tweġibiet rigward l-apparati mediċi
- Data tal-pubblikazzjoni
- 16 Diċembru 2025
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni