Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

Rimedju fuq livell nazzjonali

Jekk id-drittijiet tiegħek skont il-liġi tal-UE ma ġewx rispettati, hemm diversi metodi ta’ rimedju disponibbli għalik biex issolvi l-kwistjoni.

L-UE hija organizzata b’tali mod li l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali jkollhom ir-responsabbiltà ewlenija li japplikaw b’mod korrett il-liġi tal-UE.

Għalhekk, għandek tuża l-mezzi kollha possibbli ta’ rimedju fil-livell nazzjonali (mekkaniżmi ta’ medjazzjoni amministrattivi, ġudizzjarji u/jew barra mill-qorti) qabel ma tressaq l-ilment tiegħek quddiem il-Kummissjoni.

Qrati nazzjonali

Tista’ tressaq l-ilment quddiem is-sistema ġudizzjarja tal-pajjiż fejn tkun seħħet il-problema. Skopri aktar dwar is-sistemi ġudizzjali nazzjonali jew kif tmur il-qorti.

Jekk ir-riżoluzzjoni tal-problema tiegħek tirrikjedi l-annullament ta’ deċiżjoni nazzjonali, kun konxju mill-fatt li l-qrati nazzjonali biss jistgħu jannullawha, u biss jekk din ma tkunx preskritta. Il-Kummissjoni ma tistax tagħmel dan. 

Jekk qed tfittex kumpens għad-danni, il-qrati nazzjonali biss għandhom is-setgħa, li jordnaw lill-awtoritajiet nazzjonali biex jikkumpensaw lill-individwi għat-telf li jkunu sofrew minħabba ksur tal-liġi tal-UE. Il-Kummissjoni ma tistax tagħmel dan. 

Ombudsmen nazzjonali

Skont is-sistema f’pajjiżek, tista’ wkoll tissottometti l-ilment tiegħek lill-Ombudsmen nazzjonali jew lill-Ombudsmen reġjonali.

Korpi nazzjonali tal-ugwaljanza

Jekk inti vittma ta’ diskriminazzjoni u qed tfittex l-għajnuna, tista’ tikkuntattja l-korp nazzjonali tal-ugwaljanza f’pajjiżek

Awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data

Jekk taħseb li l-ipproċessar tad-data personali tiegħek jikser ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, tista’ tressaq ilment quddiem l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data.

Ċentri Ewropej tal-konsumaturi

Jekk għandek tilwima ma’ negozjant f’pajjiż ieħor tal-UE, tista’ tfittex l-għajnuna miċ-ċentri Ewropej tal-konsumaturi (network fl-Ewropa kollha ta’ ċentri ta’ pariri għall-konsumaturi).  

Drittijiet tal-passiġġieri

Ir-regoli tal-UE jirrikjedu li l-pajjiżi tal-UE jinnominaw jew joħolqu korpi nazzjonali tal-infurzar, li r-rwol tagħhom huwa li jivverifikaw li l-operaturi tat-trasport qed isegwu r-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri. Il-passiġġieri li jemmnu li kien hemm ksur tad-drittijiet tagħhom għandhom jikkuntattjaw lill-korp fil-pajjiż fejn seħħ l-inċident.

Ilmenti ambjentali

Il-Kummissjoni ppubblikat informazzjoni dwar kif għandhom jiġu ttrattati l-problemi ambjentali fil-qrati nazzjonali. Din tinkludi skedi informattivi bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE li jispjegaw kif tipproteġi d-drittijiet tiegħek skont il-liġi ambjentali tal-UE, inkluż meta tiffaċċja ħsara lill-ambjent, lis-saħħa jew lill-proprjetà. Skopri aktar fuq il-portal tal-Ġustizzja elettronika.

Il-Pariri ta’ Your Europe

Il-Pariri ta’ Your Europe joffri pariri legali dwar drittijietek fl-UE. Hu jista’ jgħinek tifhem aħjar kif tapplika l-liġi fil-każ partikolari tiegħek u jispjega kif tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek skont il-liġi tal-UE.

SOLVIT

SOLVIT huwa servizz mgħoti mill-awtoritajiet nazzjonali, biex jittratta problemi transfruntieri relatati ma’ applikazzjoni ħażina tal-liġi tal-UE minn amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali fis-suq uniku tal-UE. Hemm ċentru SOLVIT f’kull pajjiż tal-UE kif ukoll fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein u fin-Norveġja. Il-pajjiż tal-UE tiegħek se jipprova jsolvi l-problema tiegħek mal-pajjiż tal-UE l-ieħor ikkonċernat. 

Jekk tuża s-servizz SOLVIT jista’ jkun li tieħu anqas ħin milli tressaq ilment formali lill-Kummissjoni u jista’ jsolvilek il-problema individwali tiegħek. 

Jekk il-problema ma tissolviex jew jekk taħseb li s-soluzzjoni proposta mhix aċċettabbli, tista’ tieħu azzjoni legali permezz ta’ qorti nazzjonali jew tressaq ilment formali quddiem il-Kummissjoni. 

Madankollu, jekk tagħżel li l-ewwel tuża SOLVIT, tista’ titlef xi żmien, jekk eventwalment ikollok tressaq il-każ tiegħek quddiem il-qrati nazzjonali (kwalunkwe limitu ta’ żmien li japplika ma jiġix sospiż).

FIN-Net

FIN-Net huwa network għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim finanzjarju barra mill-qorti fil-pajjiżi tal-UE, kif ukoll fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein u fin-Norveġja. Dan għandu r-responsabbiltà li jittratta tilwim bejn il-konsumaturi u l-fornituri ta’ servizzi finanzjarji.