F’Marzu 2026, l-UE u l-Awstralja kkonkludew in-negozjati dwar ftehim ta’ kummerċ ħieles. Il-ftehim
- se jneħħi aktar minn 99% tat-tariffi fuq l-esportazzjonijiet tal-UE lejn l-Awstralja
- se jtejjeb l-aċċess għall-materja prima kritika
- se jsaħħaħ ir-rabtiet strateġiċi mar-reġjun Indo-Paċifiku
Il-ftehim huwa parti mill-istrateġija tal-UE biex tiddiversifika s-sħubijiet kummerċjali globali u ssaħħaħ il-ktajjen tal-provvista. Il-kooperazzjoni mal-Awstralja hija wiesgħa u tkopri s-sigurtà u d-difiża, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, il-qasam diġitali, il-klima, u l-ambjent. L-UE u l-Awstralja ffirmaw ukoll Sħubija għas-Sigurtà u d-Difiża.

Il-benefiċċji ewlenin
L-UE u l-Awstralja diġà jikkummerċjalizzaw aktar minn €89.2 biljun f’oġġetti u servizzi kull sena, u fuq dan jiddependu 460,000 impjieg fl-UE. Il-ftehim huwa mistenni li jkollu impatt pożittiv qawwi fuq l-ekonomija tal-UE.
Liema industriji se jibbenefikaw mit-tnaqqis fit-tariffi?
Oġġetti
Il-benefiċċju l-aktar immedjat se jiksbuh l-esportaturi tal-UE ta’ makkinarju, vetturi bil-mutur, u sustanzi kimiċi. It-tariffi fuq dawn il-prodotti, b’valur ta’ biljuni ta’ ewro f’esportazzjoni, huma eliminati sa mill-ewwel jum tal-ftehim.
Servizzi
Fir-rigward tas-servizzi, il-kumpaniji tal-UE se jiksbu aċċess aħjar
- għas-servizzi professjonali u tan-negozju,
- għat-trasport marittimu, u
- għas-servizzi finanzjarji.
Il-Ftehim jistabbilixxi wkoll regoli dwar il-flussi tad-data u jipprojbixxi r-rekwiżiti tal-lokalizzazzjoni tad-data, li huwa pass importanti għall-kumpaniji diġitali u tat-teknoloġija.
X’inhuma l-benefiċċji għall-bdiewa u għall-produtturi tal-ikel?
Il-bdiewa tal-UE se jkollhom opportunitajiet ġodda ta’ esportazzjoni peress li l-Awstralja se telimina t-tariffi fuq prodotti ewlenin bħall-ġobon, l-inbid, iċ-ċikkulata, jew il-gallettini u l-ħobż.
Fl-istess ħin, is-setturi sensittivi fl-UE huma protetti permezz ta’ limiti fuq l-importazzjoni.
Għas-setturi agrikoli sensittivi — inklużi ċ-ċanga, il-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż, iz-zokkor, ir-ross, u ċerti prodotti tal-ħalib — il-ftehim se jippermetti importazzjonijiet mill-Awstralja b’tariffi żero jew imnaqqsin f’ammonti limitati biss u soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet.
Mekkaniżmu ta’ salvagwardja se jippermetti lill-UE taġixxi malajr f’każ li żieda fl-importazzjonijiet Awstraljani tikkawża diffikultajiet għall-bdiewa tal-UE.
Il-ftehim se jipproteġi wkoll l-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ) tal-UE, jiġifieri ismijiet bħal Champagne jew Parmigiano Reggiano jistgħu jintużaw biss għal prodotti ġenwinament magħmulin fir-reġjuni deżinjati tagħhom. Dan il-grupp jinkludi
- 165 prodott agrikolu u tal-ikel
- 231 xarba spirituża
Ftehim bilaterali modernizzat dwar l-inbid se jkompli jipproteġi ’l fuq minn 1,600 IĠ tal-inbid tal-UE, inklużi madwar 50 żieda ġdida.
L-importazzjonijiet kollha mill-Awstralja se jibqgħu soġġetti għar-regolamenti stretti tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza.
Il-ftehim kif jiggarantixxi l-provvista tal-materja prima kritika għall-Ewropa?
L-Awstralja hija produttur ewlieni tal-aluminju, tal-litju, u tal-manganiż, li lkoll huma essenzjali għall-industrija tal-UE, b’mod partikulari għall-enerġija nadifa u għat-teknoloġiji diġitali.
Il-ftehim se jnaqqas jew jelimina t-tariffi fuq dawn il-materjali u jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Awstralja dwar is-sigurtà tal-katina tal-provvista.
Dan huwa importanti minħabba li l-UE tiddependi ħafna fuq l-importazzjoni ta’ materja prima kritika, u d-domanda globali qed tiżdied. Id-diversifikazzjoni tal-provvista se tgħin biex tiġi żgurata l-kontinwità għall-industriji strateġiċi bħall-vetturi elettriċi, il-produzzjoni tal-batteriji, u l-enerġija rinnovabbli.
Il-ftehim jinkludi dispożizzjonijiet ambjentali u tas-sikurezza speċjali biex jiġi żgurat li l-estrazzjoni ta’ dawn il-materjali ssir b’mod sostenibbli, u ż-żewġ naħat qablu li jsaħħu l-kooperazzjoni dwar il-materja prima kritika, inkluż il-kofinanzjament ta’ proġetti relatati.
Xi standards ambjentali u soċjali jinkludi l-ftehim?
Il-ftehim mhuwiex limitat biss għall-kummerċ. Jinkludi impenji li jorbtu legalment dwar il-klima, id-drittijiet tal-ħaddiema, u l-protezzjoni ambjentali. L-impenji ewlenin b’rabta mas-sostenibbiltà jinkludu
Il-ftehim jilliberalizza wkoll il-kummerċ ta’ prodotti u servizzi ekoloġiċi, bħall-enerġija rinnovabbli u l-prodotti effiċjenti fl-użu tal-enerġija.
Meta se jidħol fis-seħħ il-ftehim?
L-istadji tar-ratifika huma
- Il-pubblikazzjoni tal-abbozzi tat-testi nnegozjati
- Ir-reviżjoni legali
- Il-proposta lill-Kunsill tal-UE għall-iffirmar u għall-konklużjoni
- L-adozzjoni mill-Kunsill
- L-iffirmar tal-ftehim mill-UE u mill-Awstralja
- Il-qbil tal-Parlament Ewropew mal-ftehim
- Id-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-ftehim
Il-kuntest
L-UE u l-Awstralja bdew jinnegozjaw ftehim ta’ kummerċ ħieles f’Lulju 2018. In-negozjati ġew konklużi b’mod pożittiv f’Marzu 2026.
Il-ftehim huwa l-aħħar wieħed li ġie konkluż fir-reġjun strateġiku Indo-Paċifiku, wara l-finalizzazzjoni tan-negozjati tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles mal-Indoneżja f’Settembru 2025, u mal-Indja f’Jannar 2026.
Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 24 Marzu 2026