
Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet miżuri ġodda ambizzjużi biex is-settur spazjali tal-Ewropa jsir aktar nadif, aktar sikur u aktar kompetittiv.
Ir-regoli spazjali tal-Ewropa bħalissa huma frammentati, iżommu lura l-innovazzjoni, inaqqsu s-sehem tas-suq Ewropew u joħolqu spejjeż żejda. Qafas armonizzat fil-livell tal-UE jkun jiggarantixxi s-sikurezza, ir-reżiljenza, u r-responsabbiltà ambjentali, filwaqt li jgħin lill-kumpaniji biex jikbru u jespandu lil hinn mill-fruntieri.
L-Att tal-UE dwar l-Ispazju jimmira li jneħħi l-burokrazija żejda, jipproteġi l-assi spazjali, u joħloq kundizzjonijiet ġusti u prevedibbli għan-negozji. Dan jissejjes fuq 3 pilastri:
- Sikurezza: regoli ġodda għat-traċċar ta’ oġġetti spazjali u l-limitazzjoni ta’ residwi ġodda, il-preservazzjoni tal-aċċess sigur u mingħajr interruzzjoni tal-Ewropa għall-ispazju
- Reżiljenza: rekwiżiti taċ-ċibersigurtà mfassla apposta biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-infrastruttura spazjali Ewropea u tiġi żgurata l-kontinwità tan-negozju
- Sostenibbiltà: l-operaturi se jkollhom bżonn jivvalutaw u jnaqqsu l-impatt ambjentali tal-attivitajiet spazjali tagħhom, filwaqt li jibbenefikaw minn appoġġ għall-innovazzjoni f’teknoloġiji emerġenti, bħas-servizzjar fl-ispazju biex tiġi estiża l-ħajja satellitari u jitnaqqas ir-residwu.
Ir-regoli l-ġodda jkunu japplikaw għall-operaturi kemm tal-UE kif ukoll dawk mhux tal-UE li joffru servizzi fl-Ewropa. Se jiġi offrut sostenn biex jittaffew il-kostijiet potenzjali għall-industrija.
Flimkien mal-Att tal-UE dwar l-Ispazju, illum il-Kummissjoni ppreżentat ukoll Viżjoni għall-Ekonomija Spazjali Ewropea biex tindirizza l-ekonomija spazjali globali li kulma jmur qed tevolvi u l-isfidi ppreżentati mill-kompetizzjoni internazzjonali u mit-tensjonijiet ġeopolitiċi. Il-proposta leġiżlattiva se tiġi nnegozjata fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill, bħala parti mill-proċedura leġiżlattiva ordinarja.
L-ekonomija spazjali u l-Att dwar l-Ispazju tal-UE huma prijorità ewlenija għall-Kummissjoni, kif deskritt fir-rapporti ta’ Draghi u Letta, u aktar reċentement fil-Kumpass tal-Kompetittività u l-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2025.
Għal aktar informazzjoni:
Stqarrija għall-istampa: L-Att tal-UE dwar l-Ispazju
Skeda informattiva: L-Att tal-UE dwar l-Ispazju
Skeda informattiva: Viżjoni għall-Ekonomija Spazjali Ewropea
- Data tal-pubblikazzjoni
- 25 Ġunju 2025
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni