Ninvestu f’dak li hu importanti
Il-baġit tal-Unjoni Ewropea (l-UE) jagħti appoġġ lil proġetti u investimenti maħsubin biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej. Isostni lil miljuni ta’ ċittadini, negozji, u reġjuni madwar l-UE u lil hinn minnha. Jgħin biex jinħolqu l-impjiegi, jiffinanzja proġetti li jimmodernizzaw is-sistemi tas-servizzi tas-saħħa u tal-edukazzjoni tagħna, jippermetti avvanzi xjentifiċi kbar billi jsostni l-koperazzjoni fost ir-riċerkaturi minn madwar l-UE, u jiffinanzja infrastruttura tar-riċerka tal-ogħla livell. Jappoġġa lill-kumpaniji Ewropej tagħna biex jimmodernizzaw u jsiru aktar effiċjenti, u jsaħħaħ is-sigurtà tagħna. Jgħin biex tittejjeb l-infrastruttura tat-trasport u tal-enerġija, biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima, u biex jiġi promoss il-progress diġitali.
Il-baġit tal-UE ġab miegħu żvolta li ppermettiet lill-Ewropej jirċievu appoġġ rapidu meta jseħħ diżastru. Ikopri operazzjonijiet ta’ solidarjetà — pereżempju meta jintbagħtu timijiet tat-tifi tan-nar f’reġjuni devastati minn nirien fil-foresti jew timijiet ta’ salvataġġ f’postijiet milqutin mill-għargħar. Il-baġit Ewropew għen biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet komuni għall-ġlieda kontra l-kriżijiet, kif muri matul il-kriżi reċenti tal-enerġija, il-COVID-19, jew l-impatti tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.
Nefqa komuni għal impatt akbar
Il-baġit fit-tul attwali jkopri mill-2021 sal-2027 u jammonta għal €1.2 triljun, li jiġi madwar 1% tal-prodott domestiku gross (PDG) tal-UE. Dan l-ammont jiżdied permezz tal-istrument ta’ rkupru temporanju, in-NextGenerationEU, li jammonta għal madwar €800 biljun matul l-istess perjodu.
Il-baġit tal-UE u int
Kull sena l-baġit tal-UE jiffinanzja mijiet ta’ proġetti li jtejbu l-ħajja tal-Ewropej. Sir af aktar dwar il-proġetti li qed isiru qrib tiegħek.
Stejjer ta’ suċċess
L-interkonnettur tal-elettriku tal-Golf tal-Biskalja se jirdoppja l-kapaċità tal-iskambju tal-elettriku bejn Franza u Spanja, u se jipprovdi enerġija aktar nadifa, aktar sigura, u bi prezzijiet aktar aċċessibbli għal miljuni ta’ ċittadini. Il-proġett irċieva għotja ta’ €578 miljun permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għall-Enerġija u huwa skedat li jiġi ffinalizzat sal-2028.

Kif jaħdem il-baġit tal-UE
Il-baġit tal-UE jikkomplementa l-baġits nazzjonali. Jidħol biss meta jkun aktar effettiv li l-flus jintefqu fil-livell tal-UE milli fil-livell lokali, reġjonali, jew nazzjonali. Il-baġit fit-tul — magħruf bħala l-qafas finanzjarju pluriennali — jiddefinixxi l-prijoritajiet u l-limiti tal-infiq għal diversi snin. Fuq din il-bażi, kull sena jiġi nnegozjat u adottat baġit annwali. Dan iservi ta’ sostenn għal dawn li ġejjin:
- il-kompetittività, il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja, il-kontribut għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali
- proġetti b’dimensjoni Ewropea, bħal infrastruttura transfruntiera, skambji ta’ studenti, jew proġetti multinazzjonali
- is-sigurtà tal-ikel, l-appoġġ għall-bdiewa, il-promozzjoni tal-agrikoltura sostenibbli u ta’ kwalità għolja tal-ħajja fir-reġjuni kollha
- id-difiża u s-sigurtà
- rispons komuni għall-kriżijiet u l-emerġenzi, bħall-pandemija tal-COVID-19 jew l-impatti tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna
- l-azzjonijiet globali tal-UE permezz ta’ sħubijiet internazzjonali, kooperazzjoni għall-iżvilupp, u għajnuna umanitarja.
It-triq lejn il-baġit fit-tul li jmiss
Bħalissa qed jitħejja l-baġit fit-tul li jmiss tal-UE, peress li l-Unjoni teħtieġ baġit pluriennali ġdid għall-perjodu mill-2028 ’l quddiem.
Fi Frar 2025, il-Kummissjoni spjegat x’inhuma l-kwistjonijiet ewlenin li jrid jindirizza l-baġit li jmiss tal-UE u kif jista’ jiġi mmodernizzat.
Anki ċ-ċittadini huma involuti f’din ir-riflessjoni dwar il-baġit fit-tul li jmiss tal-UE. Bejn Marzu u Mejju 2025, 150 ċittadin magħżulin b’mod aleatorju mis-27 pajjiż tal-UE pparteċipaw f’panel taċ-ċittadini Ewropej biex jiddibattu u jagħmlu rakkomandazzjonijiet għall-prijoritajiet tal-baġit futur fit-tul. Fl-istess waqt, il-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini, li hi forum ta’ diskussjoni online, hi miftuħa għall-kontribuzzjonijiet min-naħa tal-pubbliku ġenerali. Mijiet ta’ ċittadini diġà ħadu sehem f’dan id-dibattitu.

Europeans talk EU budget: “The major priority should be security and defence”Europeans talk EU budget: “The major priority should be security and defence” 
Europeans talk EU budget: “Housing, jobs, let’s look at that”Europeans talk EU budget: “Housing, jobs, let’s look at that” 
Europeans talk EU budget: “Education should be available to everyone”Europeans talk EU budget: “Education should be available to everyone”
F’Lulju 2025, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-proposta tagħha għall-baġit fit-tul il-ġdid, li tistabbilixxi baġit aktar sempliċi li jkompli jkabbar l-impatt tal-investimenti b’valur miżjud tal-UE. Qabel l-adozzjoni finali, il-proposta se tiġi nnegozjata mal-Parlament Ewropew, li hu elett miċ-ċittadini tal-UE, u mal-Kunsill tal-UE, li jirrappreżenta lill-Istati Membri. Il-baġit fit-tul li jmiss għandu jidħol fis-seħħ f’Jannar 2028.
