Azzjoni klimatika globali aktar mgħaġġla
Id-29 Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (COP29) saret mill-11 sat-22 ta’ Novembru 2024 f’Baku. Taħt il-presidenza tal-Ażerbajġan, is-summit tal-COP29 laqqa’ lill-partijiet flimkien biex jgħaġġel l-azzjoni lejn il-mira ta’ 1.5°C tal-Ftehim ta’ Pariġi u l-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima. Il-Konferenza ffokat fuq l-iżgurar tal-investimenti finanzjarji sinifikanti meħtieġa biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u jiġu protetti l-popolazzjonijiet vulnerabbli.

Riżultati ewlenin
Il-Kummissjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-UE ħadu t-tmexxija biex jintlaħaq ftehim sabiex il-flussi finanzjarji globali jiġu allinjati mal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi. With a New Collective Quantified Goal (NCGQ) for Climate Finance, the EU broadened the global contributor base for financing climate projects. Dan se jilħaq mill-inqas USD 1.3 triljun fis-sena sal-2035, billi jikkombina l-investiment pubbliku u privat u jagħti rwol imsaħħaħ lill-banek multilaterali tal-iżvilupp.
Matul il-COP29 l-UE
- iffinalizzat ukoll ftehim dwar ir-regoli tas-suq tal-karbonju li se jġib aktar integrità ambjentali, trasparenza u responsabbiltà
- ħabbret l-intenzjoni tagħha li fl-2025 tippreżenta Kontribut Determinat fil-Livell Nazzjonali (NDC) allinjat ma’ 1.5C
- ħabbret sħubija dwar it-tranżizzjoni lil hinn mill-fjuwils fossili flimkien mal-Alleanza lil hinn miż-Żejt u l-Gass
- nediet Pjan Direzzjonali ġdid ta’ Sħubija għat-Tnaqqis tal-Metan biex jiġi aċċellerat aktar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan assoċjati mal-produzzjoni u l-konsum tal-enerġija fossili
- ippubblikat l-ewwel Rapport dwar it-Trasparenza Biennali (BTR) li qatt sar, pass sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi
L-azzjoni klimatika tal-UE fl-Unjoni
Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa l-istrateġija tat-tkabbir tal-UE, u se nibqgħu fit-triq lejn il-kisba tal-għanijiet tiegħu u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni kollha. Għandna l-għan li nittrasformaw l-UE f’soċjetà ġusta u għanja, b’ekonomija moderna u kompetittiva b’emissjonijiet żero netti ta’ gassijiet serra sal-2050. Patt Industrijali Nadif ġdid għall-Ewropa se jgħin lill-industriji jiddekarbonizzaw u joħolqu impjiegi ekoloġiċi ġodda madwar l-Unjoni.
Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-klima u l-enerġija li issa hija fis-seħħ poġġiet lill-UE fit-triq it-tajba biex tnaqqas l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra tal-UE b’mill-inqas 55 % sal-2030 u tilħaq in-newtralità klimatika sal-2050. Bħala l-pass intermedju li jmiss, il-Kummissjoni Ewropea se tipproponi mira ta’ tnaqqis nett tal-emissjonijiet ta’ 90 % għall-2040, li temenda l-Liġi Ewropea dwar il-Klima. L-Ewropa qed twettaq il-wegħdiet tagħha li ssawwar it-tranżizzjoni ekoloġika għall-benefiċċju tan-nies, tal-industrija u tan-natura.
Kontribut tat-Tim Ewropa għall-finanzjament globali għall-klima
Biex tiġi indirizzata l-kriżi klimatika jeħtieġ li l-emissjonijiet jonqsu kullimkien fid-dinja. L-UE qiegħda tissieħeb ma’ pajjiżi f’fażi ta’ żvilupp biex tipprovdilhom l-appoġġ li jeħtieġu biex itaffu u jadattaw għat-tibdil fil-klima.
L-UE, l-Istati Membri tagħha u l-Bank Ewropew tal-Investiment flimkien huma l-akbar kontributur ta’ finanzjament pubbliku għall-klima għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Fl-2023, huma kkontribwew € 28.6 biljun f’finanzjament għall-klima minn sorsi pubbliċi u mmobilizzaw ammont addizzjonali ta’ € 7.2-il biljun ta’ finanzjament privat.
L-UE tibqa’ impenjata wkoll li tikkontribwixxi lejn l-għan tal-ekonomiji żviluppati li timmobilizza b’mod konġunt minn sorsi differenti $100 biljun fis-sena sal-2025 biex jappoġġjaw lil sħabna.
Barra minn hekk, l-istrateġija tal-Global Gateway tal-UE qed tħeġġeġ l-investiment pubbliku u privat fl-infrastruttura, l-enerġija ekoloġika, l-edukazzjoni u r-riċerka, bħala mod kif jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU u l-impenji tal-ftehim ta’ Pariġi.
