Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

Għal IA aktar sikura u aktar trasparenti

  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 2 Awwissu 2026
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 3 min qari
 Person typing on a laptop using an AI chatbot assistant

Fit-2 ta’ Awwissu 2026, jidħlu fis-seħħ regoli ġodda dwar it-trasparenza tas-sistemi tal-IA.

L-IA qed tavvanza malajr, u dan jagħmilha dejjem aktar diffiċli li l-kontenut iġġenerat u mmanipulat mill-IA jingħaraf mill-kontenut maħluq mill-bniedem u awtentiku. Dan joħloq riskji ġodda ta’ miżinformazzjoni u manipulazzjoni fuq skala kbira, frodi, personifikazzjoni, u qerq għad-dannu tal-konsumatur.

L-obbligi l-ġodda tat-trasparenza se jgħinu lin-nies jagħrfu meta jkunu qed jinteraġixxu mal-IA jew meta jkunu esposti għal kontenut iġġenerat mill-IA, sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati u jipproteġu lilhom infushom aħjar mill-miżinformazzjoni jew mill-qerq. 

L-obbligi tat-trasparenza għall-fornituri u l-implimentaturi ta’ ċerti sistemi tal-IA

  • L-immarkar u t-tikkettar tal-kontenut iġġenerat mill-IA: ċertu kontenut iġġenerat jew immanipulat bl-IA jrid ikun ittikkettat b’mod ċar u viżibbli u jinkludi marki li jinqraw mill-magna. L-UE ħolqot sensiela ta’ ikoni li jistgħu jintużaw għal dan l-għan. Din ir-regola tgħodd
    • għall-immaġnijiet, kontenut tal-awdjo u tal-vidjo li jixbhu lil persuni, oġġetti, postijiet, entitajiet, jew avvenimenti eżistenti (deepfakes)
    • għall-għodod li jagħrfu l-emozzjonijiet u għal dawk tal-kategorizzazzjoni bijometrika
    • għal testi ppubblikati biex in-nies jiġu infurmati dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku mingħajr ma jsirulhom reviżjoni jew superviżjoni editorjali mill-bniedem. 
  • It-trasparenza fl-interazzjoni ma’ sistema tal-IA: L-utenti jridu jiġu infurmati b’mod ċar meta ma jkunux qed jinteraġixxu ma’ persuna reali, iżda ma’ sistema tal-IA, pereżempju chatbot, aġent tal-IA, u avatar.

Il-Kummissjoni ppubblikat linji gwida biex tassisti lill-fornituri u l-implimentaturi tas-sistemi tal-IA jissodisfaw dawn l-obbligi tat-trasparenza. Il-linji gwida jispjegaw kif tista’ tintwera l-konformità, inkluż permezz tal-aderenza ma’ kodiċi ta’ prattika.

L-infurzar tar-regoli u s-sanzjonijiet

L-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq, l-Uffiċċju Ewropew għall-IA (għas-sistemi taħt is-superviżjoni tiegħu), u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (meta l-istituzzjonijiet tal-UE jkunu l-fornituri jew l-implimentaturi) huma responsabbli għall-infurzar tar-regoli dwar it-trasparenza u jistgħu joħorġu multi       

  • sa €15-il miljun, jew 3% tal-fatturat annwali globali, fil-każ tal-kumpaniji
  • sa €750,000 fil-każ tal-istituzzjonijiet, il-korpi, u l-aġenziji tal-UE 
  • filwaqt li jingħata kas tal-proporzjonalità fil-każ tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u tal-kumpaniji żgħar b’kapitalizzazzjoni medja (SMCs)

L-Att dwar l-IA daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2024. Id-dispożizzjonijiet tiegħu japplikaw fi stadju wara l-ieħor, b’obbligi differenti li jidħlu fis-seħħ fi żminijiet differenti. L-Att joħloq suq uniku u regoli armonizzati għal IA affidabbli fl-UE u jippromwovi l-innovazzjoni u l-adozzjoni tal-IA. Jindirizza wkoll ir-riskji potenzjali għas-saħħa, is-sikurezza, u d-drittijiet fundamentali tan-nies, filwaqt li jissalvagwardja d-demokrazija u l-istat tad-dritt. L-iżgurar tal-implimentazzjoni effettiva tiegħu issa huwa prijorità ewlenija tal-Kummissjoni.

Għal aktar tagħrif

Stqarrija għall-istampa: Il-Kummissjoni tibda tinforza r-regoli tal-Att dwar l-IA

Stqarrija għall-istampa: Linji gwida dwar l-obbligi tat-trasparenza

Mistoqsijiet frekwenti: L-obbligi tat-trasparenza

Mad-daqqa t’għajn: Ir-regoli tat-trasparenza għas-sistemi tal-IA

Nagħmlu l-intelliġenza artifiċjali taħdem għan-nies

L-intelliġenza artifiċjali

Data tal-pubblikazzjoni
2 Awwissu 2026
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni