Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea
Nagħmlu l-intelliġenza artifiċjali taħdem għan-nies

L-intelliġenza artifiċjali fil-ħajja ta’ kuljum

L-intelliġenza artifiċjali (IA) saret parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum. Tista’ tgħinek issib l-informazzjoni, titgħallem ħiliet ġodda, tiffranka l-ħin, u ssolvi l-problemi. Tgħin lin-negozji jawtomatizzaw il-kompiti ripetittivi, inaqqsu l-iżbalji umani, jipproċessaw id-data iktar malajr, u għaldaqstant tista’ tagħti spinta lill-produttività u lill-kompetittività.

L-IA toffri ħafna opportunitajiet, iżda importanti li tintuża b’mod responsabbli u li wieħed jifhem il-limiti tagħha.

L-UE qed taħdem biex tiżgura li l-IA tibqa’ sikura, affidabbli, u tirrispetta d-drittijiet tan-nies

☝️🤓 Affarijiet essenzjali għas-sikurezza tal-IA 

  • Ivverifika l-informazzjoni u aħseb b’mod kritiku

    L-IA tista’ tagħmel żbalji jew tipprovdi informazzjoni mhux akkurata. Dejjem ikkontrolla li l-informazzjoni importanti billi tuża sorsi fdati jew uffiċjali u kkunsidra jekk tagħmilx sens. 

  • Kun trasparenti

    Jekk tikkondividi kontenut iġġenerat mill-IA, kun ċar dwar kif inħoloq, speċjalment jekk wieħed jista’ jaħsbu kontenut reali.

  • Ipproteġi l-informazzjoni personali tiegħek

    Xi applikazzjonijiet tal-IA jiġbru informazzjoni li tipprovdi bħal test, ritratti, dokumenti jew reġistrazzjonijiet tal-vuċi. Evita li tikkondividi informazzjoni personali jew sensittiva, inkluż dettalji finanzjarji, data medika, passwords u dokumenti kunfidenzjali. 

  • L-IA mhijiex ħabib, tabib jew bniedem

    L-għodod tal-IA jaf jinstemgħu konverżazzjonali u ta’ għajnuna, iżda ma jaħsbux, ma jifhmux l-emozzjonijiet jew ma jeħdux deċiżjonijiet bħalma jagħmlu n-nies. Uża l-IA bħala għodda biex tappoġġa l-ġudizzju tiegħek, mhux minfloku.

Kif l-UE żżomm l-IA sikura

L-UE għandha l-għan li l-IA tagħmilha affidabbli u tiżgura li taħdem għan-nies u għan-negozji, filwaqt li tipproteġi d-drittijiet fundamentali, is-sikurezza u l-privatezza.

Il-qafas legali tal-UE għall-intelliġenza artifiċjali

L-Att dwar l-IA jintroduċi regoli għas-sistemi tal-IA li jistgħu joħolqu riskji għan-nies. L-Uffiċċju għall-IA jgħin fis-sorveljanza tal-infurzar u l-implimentazzjoni tiegħu.

Dawn ir-regoli jgħinu biex jiġi żgurat li

🤖 in-nies jafu meta jkunu qed jinteraġixxu mal-IA, pereżempju, ma’ chatbots 

🏷️ ċertu kontenut iġġenerat mill-IA jkun ittikkettat b’mod ċar u viżibbli, pereżempju, immaġnijiet, awdjo jew filmati (deep fakes) iġġenerati mill-IA jew manipulati 

⛑️ is-sistemi tal-IA b’riskju għoli ️jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-sikurezza biex jipproteġu s-saħħa, is-sikurezza u d-drittijiet fundamentali tan-nies, inkluż miżuri xierqa ta’ sorveljanza mill-bniedem  

🚫 il-prattiki tal-IA li jkunu dannużi jkunu pprojbiti, pereżempju, il-manipulazzjoni dannuża bbażata fuq l-IA u l-qerq jew l-isfruttament tal-vulnerabbiltajiet, l-għoti ta’ punteġġ soċjali, il-bini ta’ bażijiet tad-data għar-rikonoxximent tal-wiċċ minn kameras tas-CCTV, u oħrajn 

Appoġġ lin-negozji li jużaw l-IA u l-innovazzjoni

L-UE qed tinvesti fir-riċerka, fil-ħiliet, fl-infrastruttura u fl-innovazzjoni tal-IA biex tgħin lin-negozji, lir-riċerkaturi u lill-istartups jiżviluppaw, jadottaw u jużaw IA affidabbli. Il-pjan ta’ azzjoni għal kontinent tal-IA jistabbilixxi azzjonijiet biex l-UE tiġi ppożizzjonata bħala minn ta’ quddiem nett fl-IA fil-livell globali u tingħata spinta lill-kompetittività, filwaqt li jiġu protetti l-valuri demokratiċi u d-diversità kulturali. 

L-IA diġà qed tintuża f’ħafna postijiet tax-xogħol u setturi madwar l-UE. Għandha l-potenzjal li tixpruna t-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività, filwaqt li ttejjeb il-ħajja tan-nies permezz ta’ avvanzi fis-saħħa, fil-biedja, fl-edukazzjoni, fl-impjiegi, fl-enerġija, fit-trasport, fis-sigurtà, u f’ħafna oqsma oħra.

Jekk trid tibni sistemi tal-IA, tintroduċi l-IA fl-organizzazzjoni tiegħek jew tiżviluppa ħiliet tal-IA, l-UE tipprovdi firxa ta’ inizjattivi u appoġġ.

🎯 Żvilupp tat-talent u tal-ħiliet

L-UE qed tinvesti fil-ħiliet diġitali u fil-ħiliet tal-IA biex tibqa’ kompetittiva globalment. Tappoġġa t-traineeships f’oqsma diġitali, programmi u korsijiet edukattivi speċjalizzati, ċentri ta’ eċċellenza tal-IA biex jinżamm u jiġi żviluppat l-aqwa talent, u opportunitajiet ta’ riċerka biex jgħinu lin-nies jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa biex jużaw u jibnu t-teknoloġiji tal-IA.

🚀 Avvanz fir-riċerka u fl-innovazzjoni

Il-fabbriki tal-IA huma faċilitajiet tal-computing fuq skala kbira li jipprovdu lir-riċerkaturi, lill-istartups u lill-kumpaniji b’aċċess għall-potenza tal-computing meħtieġa biex jiżviluppaw u jħarrġu sistemi avvanzati tal-IA li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għan-nies u għan-negozji.

L-istrateġija Ewropea għall-IA fix-xjenza tappoġġa lix-xjenzati fl-użu responsabbli tat-teknoloġiji tal-IA biex javvanzaw l-eċċellenza u l-innovazzjoni xjentifika, filwaqt li jsaħħu l-kompetittività tal-Ewropa. 

📈 Appoġġ lin-negozji

L-istrateġija għall-applikazzjoni tal-IA għandha l-għan li ttejjeb il-kompetittività tas-setturi strateġiċi u ssaħħaħ is-sovranità teknoloġika tal-UE billi tagħti spinta lill-adozzjoni u lill-innovazzjoni tal-IA, b’mod partikolari fost in-negozji żgħar u ta’ daqs medju madwar l-UE.

Il-pakkett dwar l-innovazzjoni fl-IA jappoġġa lill-istartups, lin-negozji żgħar u ta’ daqs medju, lill-universitajiet u lir-riċerkaturi biex jiżviluppaw IA affidabbli permezz ta’ finanzjament, infrastruttura u opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni.

Il-pjattaforma ta’ informazzjoni unika tal-Att dwar l-IA tgħin lin-negozji jifhmu r-rekwiżiti tal-Att dwar l-IA. Isservi bħala ċentru ta’ informazzjoni aċċessibbli u aġġornat li joffri gwida ċara dwar kif għandu jiġi applikat l-Att dwar l-IA. 

Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 16 Lulju 2026