It-Task Force għall-Ugwaljanza tal-Kummissjoni Ewropea
Din it-Task Force hija waħda interna fi ħdan il-Kummissjoni u tinkludi rappreżentanti (“Koordinaturi għall-Ugwaljanza”) tad-Direttorati Ġenerali kollha u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. Jippresediha d-Deputat Segretarju Ġenerali inkarigat mill-Koordinazzjoni tal-Politika bis-sostenn ta’ Segretarjat ibbażat fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni.
It-Task Force
- tappoġġja lill-Kummissarju għall-Ugwaljanza, Hadja Lahbib, fil-ħidma tagħha ta’ kuljum
- tikkontribwixxi għat-tħejjija ta’ inizjattivi konkreti li jippromwovu l-ugwaljanza
- għandha sehem ewlieni fl-integrazzjoni tal-ugwaljanza fil-politiki kollha tal-UE, mit-tfassil sal-implimentazzjoni tagħhom
It-Task Force għall-Ugwaljanza ġiet stabbilita fi tmiem l-2019 biex tappoġġa lill-Kummissarju għall-Ugwaljanza fl-isforzi tagħha “biex issaħħaħ l-impenn tal-Ewropa favur l-inklużjoni u l-ugwaljanza fl-aspetti kollha tagħha, irrispettivament mis-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, l-età, id-diżabbiltà, l-orjentazzjoni sesswali, jew it-twemmin reliġjuż”.
X’inhi l-integrazzjoni tal-ugwaljanza?
Hija l-proċess tal-integrazzjoni ta’ perspettiva tal-ugwaljanza f’kull stadju tat-tfassil tal-politika tal-Kummissjoni fl-oqsma kollha tal-politika. Tiżgura li l-politiki, il-leġiżlazzjoni, u l-programmi ta’ finanzjament tal-UE jippromwovu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u jiġġieldu d-diskriminazzjoni abbażi tas-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali, f’konformità mal-Artikoli 8 u 10 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
L-Artikolu 8 tat-TFUE
|
L-integrazzjoni tal-ugwaljanza mhijiex objettiv fiha nnifisha iżda mezz biex jintlaħqu l-objettivi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ugwaljanza.
Mistoqsijiet frekwenti:
- X’inhu l-irwol tal-Koordinaturi għall-Ugwaljanza fit-Task Force għall-Ugwaljanza?
Il-Koordinaturi għall-Ugwaljanza huma r-rappreżentanti tad-Direttorati Ġenerali differenti tal-Kummissjoni fit-Task Force għall-Ugwaljanza. Għandhom l-irwol li jissensibilizzaw dwar l-importanza tal-aġenda politika b’rabta mal-ugwaljanza, li jintegraw l-ugwaljanza fil-politiki żviluppati mid-Direttorat Ġenerali tagħhom stess, u b’hekk li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-Unjoni tal-Ugwaljanza fis-settur tagħhom.
- X’inhu xogħol is-Segretarjat tat-Task Force għall-Ugwaljanza?
Is-Segretarjat jimmaniġġja u jagħti sostenn lit-Task Force għall-Ugwaljanza billi jissensibilizza u jibni l-kapaċità fil-Kummissjoni kollha dwar suġġetti relatati mal-ugwaljanza u jintegra l-ugwaljanza fil-politiki u l-attivitajiet kollha tal-UE.
EC-TASK-FORCE-EQUALITY-SECRETARIAT
ec [dot] europa [dot] eu (EC-TASK-FORCE-EQUALITY-SECRETARIAT[at]ec[dot]europa[dot]eu)
Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 27 Jannar 2026