L-għoti ta’ protezzjoni u sikurezza lill-persuni LGBTIQ+
Il-persuni leżbjani, gay, bisesswali, trans, intersesswali, u queer (LGBTIQ+) fl-UE jsofru diskriminazzjoni, mibegħda, u fastidju ta’ kuljum. Dan jista’ jwassal għal effetti dannużi għall-benesseri fiżiku, mentali u emozzjonali. Irridu nistinkaw biex nipproteġu d-drittijiet u s-sikurezza tal-persuni LGBTIQ+.
Għal diversi persuni fl-UE, għadu mhux sikur li juru bil-miftuħ l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess tagħhom u li sempliċiment ikunu huma nnifishom mingħajr ma jħossuhom mhedda. Għadd konsiderevoli ta’ persuni LGBTIQ+ huma wkoll f’riskju ta’ faqar u ta’ esklużjoni soċjali. Mhux kollha jħossuhom sikuri li jirrapportaw abbuż verbali u vjolenza fiżika lill-pulizija.
L-UE trid tkun fuq quddiem nett fl-isforzi biex tipproteġi aħjar id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+ u tippromwovi b’mod attiv l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni fl-Istati Membri kollha.
37% tar-rispondenti LGBTIQ+ħassew li ġew diskriminati minħabba li huma persuni LGBTIQ+
72% tal-Ewropejjaqblu li ż-żwiġijiet bejn l-istess sess għandhom ikunu permessi fl-UE kollha
54% tal-persuni LGBTIQ+esperjenzaw fastidju minħabba li huma LGBTIQ+
Kważi nofs l-irġiel trans u n-nisa transesperjenzaw xi tip ta’ prattika ta’ “konverżjoni”
Taħt il-lenti
Il-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha li tadotta Rakkomandazzjoni li tappella lill-pajjiżi tal-UE jipprojbixxu l-prattiki ta’ konverżjoni mmirati lejn iċ-ċittadini LGBTIQ+. Dan il-pass huwa b’reazzjoni għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “Projbizzjoni ta’ prattiki ta’ konverżjoni fl-Unjoni Ewropea”, li kisbet l-appoġġ ta’ 1.1 miljun Ewropew.
Il-prattiki ta’ konverżjoni jiddependu fuq l-idea falza li l-persuni LGBTIQ+ huma morda. Dawn l-interventi dannużi, li jistgħu jinkludu vjolenza fiżika u sesswali, abbuż verbali, u umiljazzjoni, jirriżultaw fi ħsara psikoloġika u fiżika dejjiema. Il-Kummissjoni se tadotta r-Rakkomandazzjoni tagħha fl-2027 biex tiżgura li kull membru tal-komunità LGBTIQ+ ikun jista’ jkun min hu u jgħix ħajtu bil-kburija, ħieles mill-vjolenza, mid-diskriminazzjoni, u mill-biża’.

Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ+ 2026–2030
Fuq il-bażi tal-kisbiet li saru fl-ambitu tal-ewwel strateġija tagħha dwar l-ugwaljanza tal-LGBTIQ, fl-2025 il-Kummissjoni stabbiliet strateġija ġdida ta’ ħames snin biex tindirizza l-inugwaljanzi persistenti li l-persuni LGBTIQ+ iħabbtu wiċċhom magħhom fil-ħajja ta’ kuljum.
L-istrateġija l-ġdida tagħti attenzjoni partikulari lill-qerda tal-mibegħda u tal-vjolenza, kemm online kif ukoll fil-ħajja reali. Tippreżenta azzjonijiet biex il-persuni LGBTIQ+ jingħataw il-kapaċità li jgħixu ħielsa mid-diskriminazzjoni u hija orjentata lejn il-projbizzjoni tal-prattiki ta’ “konverżjoni”. L-istrateġija ssaħħaħ ukoll il-koperazzjoni mas-soċjetà ċivili biex jiġi żgurat li kulħadd ikun involut fil-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni LGBTIQ+ fl-oqsma kollha ta’ ħajjithom.
L-istrateġija tiffoka fuq tliet pilastri:
Ħarsa lejn il-progress li sar fuq l-istrateġija dwar l-LGBTIQ 2020–2025
Fl-2020, il-Kummissjoni adottat l-ewwel strateġija li qatt saret dwar l-ugwaljanza tal-LGBTIQ. Din kienet immirata biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi li jaffettwaw lill-persuni LGBTIQ+, biex tiġi integrata l-ugwaljanza tal-LGBTIQ+ fl-oqsma kollha tal-politika, u biex tgħin biex jinstemgħu l-ilħna tal-persuni LGBTIQ+.
Ir-rapport ta’ progress tal-2023 dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija juri li l-mibegħda u n-narrattivi kontra l-persuni LGBTIQ+ infirxu b’mod wiesa’ fis-soċjetajiet Ewropej f’dawn l-aħħar snin. Il-Kummissjoni ħadet miżuri biex tindirizza dan u ma qagħditx lura milli tibda proċeduri ta’ ksur f’każijiet fejn id-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTIQ+ inkisru.
Għalkemm il-progress jista’ jieħu ż-żmien, ħafna mill-miżuri li jinsabu fl-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025 twettqu jew qed jiġu implimentati bl-għan li jintegraw l-ugwaljanza fil-politiki, fil-leġiżlazzjoni u fil-programmi ta’ finanzjament kollha tal-UE, u li jkomplu jippromwovu approċċ intersezzjonali u attenzjoni għall-persuni LGBTIQ+.
Appoġġ għall-persuni LGBTIQ+
Il-Kummissjoni Ewropea tappoġġja finanzjarjament proġetti li jippromwovu l-ugwaljanza tal-persuni LGBTIQ+, pereżempju permezz tal-programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri (CERV).
Barra minn hekk, 5 organizzazzjonijiet umbrella tal-persuni LGBTIQ+ jirċievu appoġġ finanzjarju dirett permezz ta’ għotjiet tas-CERV:
- ir-Reġjun Ewropew tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Leżbjani, Gay, Bisesswali, Trans u Intersesswali (ILGA Europe)
- l-Organizzazzjoni Internazzjonali taż-Żgħażagħ u l-Istudenti Leżbjani, Gay, Bisesswali, Transġeneru u Queer (IGLYO)
- Transgender Europe (TGEU)
- Organisation Intersex International Europe (OII Europe)
- Eurocentralasian Lesbian* Community (EL*C)
Il-programmi tas-CERV se jibqgħu għaddejjin sal-2027. Fil-qafas tal-baġit fit-tul il-ġdid tal-UE, se jiġi pprovdut finanzjament fl-ambitu tal-element CERV+ tal-programm AgoraEU. Dan se jkun jinkludi sa €3.6 biljun għad-difiża tal-ugwaljanza u tan-nondiskriminazzjoni, għall-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, u għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni demokratika.
Aktar informazzjoni dwar il-finanzjament u dwar sejħiet ġodda għal proposti
Testimonjanzi
Il-Kummissjoni Ewropea hija impenjata wkoll li tixxerja testimonjanzi bil-vidjo ta’ stejjer personali ta’ persuni LGBTIQ+ mill-Ewropa kollha.
Protezzjoni legali għall-persuni LGBTIQ+
Il-liġi tal-UE li tiżgura protezzjoni legali kontra d-diskriminazzjoni hija essenzjali għall-avvanz tal-ugwaljanza tal-persuni LGBTIQ+.
Il-leġiżlazzjoni tal-UE bħalissa tipprojbixxi kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali fl-impjieg u fix-xogħol: inklużi l-aċċess għall-impjiegi; it-trattament negattiv u l-intimidazzjoni minn kollegi; u l-aċċess għall-promozzjonijiet u għat-taħriġ.

L-Unjoni Ewropea hija ffukata fuq l-infurzar u t-titjib tal-protezzjoni legali għall-persuni LGBTIQ+ f’diversi oqsma ewlenin, inklużi:
- It-tisħiħ tal-protezzjoni legali għall-persuni LGBTIQ+ kontra reati ta’ mibegħda, diskors ta’ mibegħda, u vjolenza
- L-iżgurar tad-drittijiet u t-titjib tal-protezzjoni tal-persuni LGBTIQ+ u tal-familji f’sitwazzjonijiet transfruntieri
- Il-ħarsien tad-drittijiet tal-migranti u tal-applikanti LGBTIQ+ għal protezzjoni internazzjonali
Il-pajjiżi tal-UE huma meħtieġa jikkonformaw mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE meta jimplimentaw il-liġi tal-UE. Id-drittijiet fundamentali huma normalment protetti wkoll mill-kostituzzjoni ta’ pajjiżek. Jekk tħoss li d-drittijiet tiegħek għall-ugwaljanza qed jinkisru, ara kif tista’ tressaq ilment fil-livell nazzjonali.
Links relatati
Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 27 Mejju 2026


