Il-viżjoni tagħna għall-agrikoltura u għall-ikel tal-UE
Il-Kummissjoni Ewropea tat idea ġenerali ta’ viżjoni għall-futur tal-biedja u tal-produzzjoni tal-ikel fl-UE. L-għan hu li tinħoloq sistema tal-ikel ġusta u kompetittiva li tipprovdi ikel sostenibbli u bi prezzijiet li jista’ jilħaqhom kulħadd. Hija maħsuba biex tgħin lill-bdiewa jegħlbu l-isfidi bħaż-żieda fl-ispejjeż, it-tibdil fil-klima, u t-tfixkil fil-katina tal-provvista, u tiżgura li l-Ewropa tibqa’ fuq quddiem nett fil-produzzjoni tal-ikel.
Il-mira hi li tinbena sistema tal-ikel aktar b’saħħitha u aktar innovattiva li tkun ta’ benefiċċju kemm għall-bdiewa kif ukoll għall-konsumaturi, u li tikkontribwixxi biex titma’ lid-dinja b’mod sostenibbli.
Il-pjan direzzjonali jibni fuq il-ħidma tad-djalogu strateġiku dwar il-futur tal-agrikoltura tal-UE, u jipproponi toroq ewlenin għall-futur tal-politika agroalimentari minn issa sal-2040.

Biex din il-viżjoni ssir realtà, l-UE se tkun qed taħdem mill-qrib mal-bdiewa, mal-produtturi tal-ikel, mal-komunitajiet rurali, u mas-soċjetà ċivili biex tfassal futur aħjar għall-agrikoltura u għall-ikel fl-Ewropa. Se nkunu qed nibnu l-fiduċja u nsaħħu d-djalogu biex noħolqu approċċ inklużiv u kooperattiv li jirrifletti t-tradizzjonijiet u l-valuri tal-Ewropa.
Settur agroalimentari prosperuż
Il-viżjoni hija msejsa fuq erba’ oqsma ewlenin.
Settur attraenti
L-UE se taħdem biex tagħmel mill-biedja karriera vijabbli u attraenti għall-ġenerazzjonijiet futuri. Dan ifisser dħul ġust, sostenn aħjar, u katina alimentari aktar b’saħħitha. f'Ottubru 2025 introduċejna strateġija ta’ tiġdid ġenerazzjonali biex ngħinu lill-bdiewa żgħażagħ jinnovaw u jinvestu fin-negozji tagħhom.
Settur kompetittiv u reżiljenti
L-UE se tgħin lis-sistema agroalimentari tagħna biex tkun tiflaħ għall-kriżijiet u taħtaf l-opportunitajiet billi ssir aktar diversa, adattabbli, u innovattiva. Se nagħtu prijorità lis-sigurtà tal-ikel, niddiversifikaw il-ktajjen tal-provvista, u naħdmu għal kompetizzjoni aktar ġusta.
Settur imħejji għall-esiġenzi tal-ġejjieni
Il-biedja se jkollha rwol importanti fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. L-UE se tippromwovi l-prattiki tal-biedja sostenibbli li jnaqqsu l-emissjonijiet, jipproteġu r-riżorsi naturali, u jtejbu s-saħħa tal-ħamrija. Se niżviluppaw ukoll sistema volontarja ta’ parametri referenzjarji biex ngħinu lill-bdiewa jikkwantifikaw u jtejbu r-riżultati tagħhom.
Settur li jagħti valur lill-ikel u lin-nies
L-UE trid terġa’ tqarreb lin-nies lejn l-ikel li jieklu u lejn it-territorji u t-tradizzjonijiet li jagħmluh dak li hu. Se nagħtu sostenn liż-żoni rurali, innaqqsu l-ħela tal-ikel, u nindirizzaw it-tħassib tas-soċjetà bħall-benessri tal-annimali. Se norganizzaw ukoll djalogu annwali dwar l-ikel biex niddiskutu kwistjonijiet kruċjali bħall-affordabbiltà tal-ikel u n-nutrizzjoni.
Oqsma ewlenin ta’ azzjoni
- L-introduzzjoni ta’ strateġija ta’ tiġdid ġenerazzjonali biex tappoġġa lill-bdiewa żgħażagħ f'Ottubru 2025
- Proposta ta’ pakkett komprensiv ta’ simplifikazzjoni għall-qafas leġiżlattiv agrikolu attwali f'Diċembru 2025
- Sar l-ewwel djalogu dwar l-ikel f’Marzu 2026
- Tnediet il-pjattaforma dwar in-Nisa fil-Biedja f’Marzu 2026, biex tagħti s-setgħa lin-nisa fil-biedja u ssaħħaħ l-opportunitajiet indaqs fis-settur
- Tnedija ta’ strateġija diġitali tal-UE għall-agrikoltura biex tiġi sostnuta t-tranżizzjoni lejn biedja ppreparata għall-isfidi diġitali
- It-tfassil ta’ sistema volontarja ta’ parametri referenzjarji biex ngħinu lill-bdiewa jikkwantifikaw u jtejbu r-riżultati tagħhom
Verżjoni testwali
- 9.1 miljun azjenda agrikola fl-UE fl-2020
- 377 000 bidwi żagħżugħ se jibdew xi attività agrikola
- €228.6 biljunta’ esportazzjonijiet tal-UE fl-2023
Sfond
F’Jannar 2024, il-Kummissjoni nediet id-djalogu strateġiku dwar il-futur tal-agrikoltura tal-UE, forum maħluq biex tissawwar viżjoni komuni għall-biedja tal-UE. Dan id-djalogu laqqa’ flimkien 29 parti kkonċernata ewlenija mis-setturi agroalimentari, is-soċjetà ċivili, il-komunitajiet rurali, u l-akkademja tal-Ewropa.
Ir-rapport finali tad-djalogu strateġiku ppreżenta valutazzjoni tal-isfidi u tal-opportunitajiet, flimkien ma’ għadd ta’ rakkomandazzjonijiet. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet kienu l-bażi għall-viżjoni għall-agrikoltura u għall-ikel.
L-aktar riċenti
Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat l-Istrateġija għall-Bhejjem biex tiżgura li s-settur tal-bhejjem ta' valur tal-Ewropa jibqa' b'saħħtu u reżiljenti fit-tul.
Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Fertilizzanti: inizjattiva biex tappoġġja lill-bdiewa li qed jiffaċċjaw żieda fl-ispejjeż u l-iskarsezza tal-fertilizzanti, issaħħaħ il-produzzjoni domestika u tnaqqas id-dipendenza tal-Ewropa fuq l-importazzjonijiet.
Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 12 Marzu 2026