Il-pjan tagħna biex nerġgħu ndawru r-rota tal-ekonomija tal-Ewropa
F’dawn l-aħħar għoxrin sena, il-potenzjal tal-Ewropa baqa’ b’saħħtu, minkejja li ekonomiji ewlenin oħrajn kibru b’pass aktar mgħaġġel.
L-UE għandha dak kollu li hemm bżonn biex tisfrutta l-potenzjal sħiħ tagħha u tixpruna tkabbir aktar mgħaġġel u aktar sostenibbli: għandna forza tax-xogħol b’talent u mgħallma, kapital, tfaddil, is-suq uniku, u mudell soċjali uniku. Biex nerġgħu nsiru kompetittivi u nistimulaw it-tkabbir, irridu nindirizzaw l-ostakli u d-dgħufijiet li qed iżommuna lura.
F’Jannar 2025, il-Kummissjoni ppreżentat il-boxxla għall-kompetittività, pjan direzzjonali ġdid biex l-Ewropa terġa’ ssir dinamika u tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku tagħna.
Verżjoni testwali
- 17% tal-PDG globali huma ġġenerati mis-suq uniku tal-UE
- €10 triljun f’total ta’ flus imġemmgħin mill-familji Ewropej
- 76 pajjiż għandhom ftehimiet kummerċjali mal-UE
Tliet neċessitajiet għal UE aktar kompetittiva
Il-boxxla tibni fuq l-analiżi tar-rapport ta’ Mario Draghi dwar il-futur tal-kompetittività Ewropea.
Ir-rapport ta’ Draghi oriġinarjament identifika tliet neċessitajiet għall-UE biex tagħti spinta lill-kompetittività tagħha:
- Li nxejnu d-diskrepanza fl-innovazzjoni
- Li niddekarbonizzaw l-ekonomija tagħna
- Li nnaqqsu d-dipendenzi
Il-boxxla tistabbilixxi strateġija biex dawn in-neċessitajiet isiru realtà.
Inxejnu d-diskrepanza fl-innovazzjoni
Il-boxxla tispjega kif l-Unjoni Ewropea se tagħti spinta lill-innovazzjoni billi:
- jinħoloq ambjent favorevoli għall-kumpaniji ġodda biex jibdew u jespandu, bi strateġija apposta għall-kumpaniji start-up u scale-up
- tingħata għajnuna lill-kumpaniji l-kbar biex jadottaw teknoloġiji ġodda bħall-intelliġenza artifiċjali (IA) u r-robotika, bis-saħħa tal-istrateġija tagħna għall-applikazzjoni tal-IA
- isir aktar faċli għall-kumpaniji biex joperaw madwar l-UE billi jiġu ssimplifikati r-regoli u l-liġijiet permezz ta’ proposta għat-28 reġim legali sabiex jiġi ggarantit sett wieħed ta’ regoli fl-UE kollha kemm hi, inkluża l-forma ta’kumpanija EU Inc., b’mod li jagħmilha eħfef biex wieħed jibda u jkabbar negozju fl-UE u jattira l-investimenti
- jingħata sostenn biex jiġu żviluppati teknoloġiji ġodda, bi pjanijiet ta’ azzjoni għat-teknoloġiji kwantistiċi, għall-materjali avvanzati, għall-bijoteknoloġija, għar-robotika, u għat-teknoloġiji tal-ispazju
Niddekarbonizzaw l-ekonomija tagħna
Il-boxxla tistabbilixxi kif nistgħu naqilbu għal enerġija nadifa u bi prezzijiet aċċessibbli billi:
- jiġi ppreżentat il-Patt għal Industrija Nadifa biex jgħin fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju, speċjalment għal kumpaniji li jużaw ħafna enerġija, u jiffaċilita t-tranżizzjoni tagħhom lejn teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju
- jiġu ppreżentati pjanijiet ta’ azzjoni mfasslin apposta għas-setturi li jużaw ħafna enerġija, bħal dawk tas-sustanzi kimiċi, u tal-azzar u tal-metalli, li huma l-aktar vulnerabbli f’din il-fażi tat-tranżizzjoni
- jiġi żviluppat pjan ta’ azzjoni dwar l-enerġija affordabbli biex jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-prezzijiet u tal-kostijiet tal-enerġija
Innaqqsu d-dipendenzi
L-UE diġà għandha network ta’ ftehimiet kummerċjali li huwa l-akbar u l-aktar li qed jikber b’rata mgħaġġla fid-dinja, li jkopri 76 pajjiż.
Il-boxxla tidentifika kif nistgħu nkomplu niddiversifikaw u nsaħħu l-ktajjen tal-provvista tagħna billi:
- niżviluppaw firxa ġdida ta’ sħubijiet għal kummerċ u investimenti nodfa biex nikkontribwixxu biex tiġi żgurata l-provvista ta’ materja prima, enerġija nadifa, fjuwils sostenibbli għat-trasport, u teknoloġija nadifa minn madwar id-dinja; l-ewwel sħubija ta’ dan it-tip ġiet iffirmata mal-Afrika t’Isfel f’Novembru 2025
- neżaminaw mill-ġdid ir-regoli dwar l-akkwist pubbliku sabiex tkun possibbli l-introduzzjoni ta’ preferenza Ewropea fl-akkwist pubbliku għal setturi u teknoloġiji kritiċi
Ħames modi addizzjonali biex inkabbru l-kompetittività tagħna
Biex tikkumplementa dawn it-tliet pilastri, il-boxxla għall-kompetittività tintroduċi ħames faċilitaturi orizzontali biex tiżdied il-kompetittività tagħna fis-setturi kollha:
Inqas burokrazija
Il-proposti omnibus se jissimplifikaw ir-regoli tal-UE biex jinħoloq ambjent tan-negozju favorevoli fejn il-kumpaniji Ewropej ikunu jistgħu jirnexxu.
It-tneħħija tal-ostakli għas-suq uniku
L-istrateġija orizzontali tas-suq uniku se timmodernizza r-regoli tas-suq uniku filwaqt li tneħħi l-ostakli u ma tħallix li jinħolqu oħrajn ġodda.
L-iffaċilitar ta’ finanzjament aktar effiċjenti
L-unjoni tat-tfaddil u tal-investimenti se toħloq prodotti ġodda tat-tfaddil u tal-investiment, tipprovdi inċentivi għall-kapital ta’ riskju, u tiżgura li l-investimenti jiċċaqilqu mingħajr xkiel madwar l-UE.
Il-promozzjoni tal-ħiliet u ta’ impjiegi ta’ kwalità
L-unjoni tal-ħiliet se tiżgura edukazzjoni, taħriġ, u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità għolja biex jixxejnu d-diskrepanzi fil-ħiliet u n-nuqqas ta’ ħaddiema li qed iżommuna lura.
Koordinazzjoni aħjar
L-għodda għall-koordinazzjoni tal-kompetittività se tiżviluppa u ssaħħaħ il-ktajjen tal-valur industrijali strateġiċi b’valur miżjud tal-UE fil-pajjiżi kollha tal-UE, sabiex nibnu Ewropa aktar kompetittiva, prospera, u indipendenti.
Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 29 Mejju 2026